Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-trasport: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Italja, lil Ċipru u lill-Greċja biex jimplimentaw ir-regoli tal-UE biex titneħħa l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa

European Commission - IP/13/860   26/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Settembru 2013

It-trasport: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Italja, lil Ċipru u lill-Greċja biex jimplimentaw ir-regoli tal-UE biex titneħħa l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa

Illum il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Italja, lil Ċipru u lill-Greċja biex mill-aktar fis possibbli jiċċaraw il-miżuri li ħadu biex jiġu stabbiliti l-Blokki ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs), li hemm bżonn skont il-leġiżlazzjoni tal-2004 tal-Ajru Uniku Ewropew, biex issir riforma fis-sistema Ewropea tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li issa spiċċa żmienha. Il-FABs inħasbu biex dawk li bħalissa huma 27 blokka tat-traffiku tal-ajru nazzjonali isiru netwerk ta' blokki reġjonali akbar biex tinkiseb l-effiċjenza, jonqsu l-ispejjeż u jitnaqqsu l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni qed tipprova tevita kriżi fil-kapaċità billi hu mbassar li l-ammont ta' titjiriet se jiżdied b'50% matul l-10 jew l-20 sena li ġejjin.

B'mod ġenerali, l-ineffiċjenzi fl-ispazju tal-ajru frammentat tal-Ewropa joħolqu spejjeż żejda għal-linji tal-ajru u għall-klijenti tagħhom li joqorbu l-EUR 5 biljun fis-sena. Dawn il-problemi jtawlu d-distanza ta' titjira medja bi 42 kilometru u b'hekk jintuża aktar fjuwil, jinħolqu aktar emissjonijiet, jitħallsu aktar tariffi għall-utenti u jiżdied id-dewmien. L-Istati Uniti tikkontrolla l-istess ammont ta' spazju tal-ajru, b’aktar traffiku, iżda bi kważi nofs l-ispiża.

Il-Viċi President Siim Kallas qal, "Din l-azzjoni legali għandha tibgħat messaġġ politiku b'saħħtu dwarna li determinati biex nimbuttaw ir-riformi fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa li tant hemm bżonnhom. Il-linji tal-ajru tagħna u l-passiġġieri tagħhom kellhom jissaportu aktar minn għaxar snin ta' servizzi mnaqqsa u skadenzi maqbuża biex jinkiseb l-Ajru Uniku Ewropew. Iżda ma nifilħux nibqgħu sejrin hekk. L-ajru tal-Ewropa qed jaffaċċja kriżi fil-kapaċità, u r-riforma tas-sistema tagħna tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li qed teqdiem hi importanti wisq għall-passiġġieri, il-linji tal-ajru, u l-ambjent biex titħalla tfalli."

Sa mill-2004, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu FABs. Billi l-progress qed isir bil-mod, fl-2009 ġiet stabbilita l-iskadenza li torbot tal-4 ta' Diċembru 2012, iżda l-implimentazzjoni għadha qed issir bil-mod wisq. Issa permezz ta' ittra ta' notifika formali, il-Kummissjoni qed tfittex li tikseb kjarifika tal-miżuri li ħadu l-Italja, Ċipru u l-Greċja biex l-istrutturi legali bażiċi għall-FABs idaħħluhom fis-seħħ.

Id-dewmien biex jitwasslu FABs li jaħdmu qed iżomm lura l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE sa grad sinifikanti u dan imbagħad joħloq ineffiċjenzi fis-sistema kollha tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew, joħloq spejjeż żejda li joqorbu l-EUR 5 biljun fis-sena u li jġarrbuhom il-linji tal-ajru u l-klijenti tagħhom — kif ukoll iżid il-ħinijiet tal-vjaġġi, id-dewmien u l-emissjonijiet.

Il-kuntest:

Il-blokki ta' spazju tal-ajru funzjonali jinsabu fil-qalba tal-pjanijiet ambizzjużi biex tiġi riformata s-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa li qed teqdiem u jinħoloq Ajru Uniku Ewropew.

Il-Kummissjoni permezz ta' ittra ta' notifika formali qed titlob l-informazzjoni mingħand l-Italja, Ċipru u l-Greċja dwar kif ikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku, notevolment l-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 li ta mandat għall-implimentazzjoni sħiħa tal-FABs kif jiddefinixxi l-Artikolu 2(25) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 minn kull Stat Membru tal-UE sal-4 ta' Diċembru 2012 — b'obbligu regolatorju li jkun jista' jsir użu ottimu tal-ispazju tal-ajru fejn jidħlu l-kapaċità u l-effiċjenza tat-titjiriet, kif ukoll obbligu li jingħataw servizzi mill-aqwa tal-ajrunavigazzjoni madwar l-UE kollha.

Biex jiġi stabbilit FAB, l-ewwel l-Istati Membri jridu jimplimentaw l-istruttura legali, permezz ta' ftehimiet statali ffirmati mill-Istati Membri parteċipanti tagħhom. Ladarba l-istruttura legali tkun f'postha, ikun jista' jinbeda x-xogħol operattiv diffiċli biex jinkisbu l-effiċjenzi mil-lat ta' tnaqqis fid-dewmien, l-ispejjeż u l-emissjonijiet.

Bħalissa l-Kummissjoni qed teżamina każijiet ta' ksur kontra kull Stat Membru fejn jidħlu l-FABs, l-aktar fejn jidher li ma sar ebda progress għar-riforma. Minkejja l-iskadenza li torbot ta' Diċembru 2012 għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-FABs, mid-disa' FABs li kellhom jinħolqu bis-SES, l-ebda waħda minnhom ma taħdem bis-sħiħ.

Minbarra li qed issegwi azzjonijiet ta' ksur kontra l-Istati membri li ma jissodisfawx l-obbligi legali tagħhom skont il-leġiżlazzjoni attwali tas-SES, il-Kummissjoni adottat ukoll proposti għal pakkett tas-SES2+ ta' miżuri leġiżlattivi li jħaffu r-riforma fis-sistema Ewropea tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, billi jissaħħu l-irqaqat tas-sistema ħalli tkun tiflaħ aktar pressjoni u tagħmel riformi ambizzjużi. Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-523_mt.htm

Ara wkoll id-diskors tal-Viċi President Kallas dwar l-Ajru Uniku Ewropew waqt il-laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret il-Litwanja fil-15 ta' Settembru 2013.

Links utli

Dwar id-deċiżjonijiet dwar il-ksur li ttieħdu f'Ġunju, ara MEMO/13/820

Dwar il-proċedura ġenerali ta' ksur, ara MEMO/12/12

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' ksur

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website