Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta’ Frar 2013

REACH: Il-Kimiċi fl-Ewropa saru iktar sikuri

L-użu tal-kimiċi fl-Ewropa sar konsiderevolment aktar sikur minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament REACH, skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ġie ppubblikat illum. Informazzjoni li hija aktar disponibbli faċilment dwar is-sustanzi kimiċi fis-suq, u miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju mmirati aħjar, ifissru li r-riskji minn sustanzi rreġistrati taħt ir-REACH naqsu b'mod sinifikanti. Ix-xejra hija mistennija li tkompli, hekk kif l-industrija qiegħda taħdem kontinwament biex issib sostituti għal dawk il-kimiċi l-aktar perikolużi. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, l-implimentazzjoni tinsab għaddejja ġmielha. Il-kumpaniji s’issa rreġistraw 30,601 fajl mal-Aġenzija Ewropea għall-Kimiċi (ECHA) li tiddeskrivi l-użijiet u l-proprjetajiet ta’ 7,884 sustanza kimika manifatturati jew imqegħdin fis-suq. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, 61 % tal-Ewropej huma tal-fehma li l-kimiċi issa huma iktar sikuri minn 10 snin ilu.

Dan ir-rapport jirrikonoxxi l-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tar-REACH u l-impatt tagħhom fuq l-SMEs, iżda l-industrija tirrikonoxxi wkoll l-effetti ekonomiċi pożittivi għan-negozji tagħhom. B’aktar armonizzazzjoni tas-suq intern, REACH kien xprunatur ewlieni għat-tkabbir u l-kompetittività għall-industrija tal-kimika. Biex il-kompetittività tal-industrija tal-kimika Ewropea tiġi promossa aktar, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi li jonqsu t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-SMEs.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, Antonio Tajani, u l-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, stqarrew li: "Dan ir-rapport juri li REACH jaħdem. Il-kumpaniji qed jaffaċċaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, u bħala riżultat għandna dejta aħjar dwar il-kimiċi li huma jipproduċu u jqiegħdu fis-suq. Bdejna tajjeb, iżda għad hemm xi jsir biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Aħna impenjati lejn iż-żamma ta’ industrija tal-kimika sikura u sostenibbli fl-Ewropa, u REACH jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kimiċi fis-suq intern. L-industrija tal-kimika tagħna tista’ ssir mexxejja dinjija fl-innovazzjoni, u REACH, l-aktar leġiżlazzjoni komprensiva dwar il-kimiċi fid-dinja, ser jirfed din l-ambizzjoni."

MEMO/13/60: Ħames snin REACH - Mistoqsijiet u Tweġibiet

MEMO/13/61: Stħarriġ tal-Ewrobarometru

Reviżjoni tar-REACH

Ir-reviżjoni tikkonkludi li filwaqt li hemm bżonn ta’ ftit aġġustamenti, l-ebda adattament ewlieni ma huwa meħtieġ. Is-sejbiet ewlenin tagħha huma:

  • L-implimentazzjoni tar-REACH tista’ titjieb billi tittejjeb il-kwalità tad-dossiers tar-reġistrazzjoni, jittejjeb l-użu tad-dokumentazzjoni tad-dejta dwar is-sikurezza bħala għodda ta’ ġestjoni tar-riskju ċentrali, u jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mal-qsim tal-ispejjeż fil-fora ta' skambju ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi (SIEFs).

  • Hemm lok għat-tnaqqis tal-piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-SMEs sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni u biex tassistihom jissodisfaw l-obbligi tagħhom kollha tar-REACH.

  • Ma hemm l-ebda duplikazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

  • Saru, u se jkomplu jsiru, sforzi konsiderevoli biex jiġu żviluppati metodi alternattivi minflok l-ittestjar fuq l-annimali: mill-2007, il-Kummissjoni qiegħdet total ta’ EUR 330 miljun disponibbli biex tiffinanzja r-riċerka f’dan il-qasam.

  • L-infurzar jista’ jittejjeb. Peress li din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, ir-reviżjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jirrinforzaw l-koordinazzjoni bejniethom.

  • Għalkemm ir-rapport jidentifika ħtieġa għal xi aġġustamenti fil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni trid tiżgura stabbiltà u prevedibbiltà leġiżlattiva għan-negozji Ewropej. Fil-preżent ma hemm l-ebda bidla proposta fit-termini ewlenin tar-REACH.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se torganizza konferenza dwar ir-reviżjoni tar-REACH fix-xhur li ġejjin.

F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-ECHA, il-Kummissjoni qed tiżviluppa strateġija biex tivvaluta u tidentifika sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna (SVHC - substances of very high concern). Se tiffissa l-istadji speċifiċi, il-kisbiet u t-tqassim tax-xogħol bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ECHA biex iqiegħdu l-SVHC magħrufa rilevanti kollha fil-lista tal-kandidati sal-2020.

Il-Kummissjoni se tistħarreġ ukoll il-possibbiltà ta' aktar tnaqqis fil-pagamenti tal-SMEs biex l-impatt finanzjarju tar-reġistrazzjoni jinfirex b’mod aktar ekwu.

Sfond

REACH huwa r-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiċi. Ir-reviżjoni tar-REACH teżamina l-operazzjoni globali tar-REACH u l-akkwist tiegħu tas-sett uniku ta’ għanijiet – livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-promozzjoni ta' metodi alternattivi għall-valutazzjoni ta’ perikli minn sustanzi, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni.

Mill-1999 sal-2009, l-industrija tal-kimika tal-UE kibret ftit aktar mir-rata medja għas-setturi tal-manifattura kollha, u rkuprat sewwa mill-kriżi tal-2008. L-industrija tiġġenera bilanċ kummerċjali pożittiv u tagħti prestazzjoni partikolarment tajba f'setturi b'marġini għolja ta' kimiċi speċjalizzati. Fl-2003, meta ġie propost ir-REACH, l-UE kienet l-akbar suq tal-kimiċi fid-dinja b'madwar 30 % tal-bejgħ globali tal-kimiċi. Illum dan jammonta għal madwar 21 %, biċ-Ċina llum l-ikbar suq tal-kimiċi. Madankollu, l-UE għadha l-ikbar esportatur fid-dinja tal-kimiċi, u matul is-snin reċenti żdied id-dawrantal-industrija f'termini assoluti.

Il-Kimiċi u l-Ambjent

Il-Kimiċi u l-Intrapriża u l-Industrija

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site