Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Settembru 2013

Il-Kummissjoni tniedi “Niftħu l-Edukazzjoni" biex tingħata spinta 'l quddiem lill-innovazzjoni u lill-ħiliet diġitali fl-iskejjel u fl-universitajiet

Aktar minn 60% tat-tfal ta' disa' snin fl-UE jattendu skejjel li għad ma għandhomx tagħmir diġitali. Illum il-Kummissjoni Ewropea se tinawgura "Niftħu l-Edukazzjoni", pjan ta' azzjoni biex jindirizza din il-problema u problemi diġitali oħrajn li qegħdin ixekklu lill-iskejjel u lill-universitajiet milli joffru edukazzjoni ta' kwalità għolja u l-ħiliet diġitali li 90 % tal-impjiegi se jkunu jeħtieġu sal-2020. Sabiex tagħti bidu għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni llum se tkun qed tniedi websajt ġdida, Europa Edukazzjoni Miftuħa, li se tippermetti lill-istudenti, lill-professjonisti u lill-istituzzjonijiet edukattivi jikkondividu riżorsi edukattivi miftuħa li jistgħu jintużaw minn kulħadd.

Bejn 50 % u 80 % tal-istudenti fil-pajjiżi tal-UE qatt ma jużaw kotba diġitali, softwer għall-eżerċizzji, xandiriet/podcasts, simulazzjonijiet jew logħob ta' tagħlim. Il-biċċa l-kbira tal-għalliema fil-livell tal-primarja u tas-sekondarja ma jqisux lilhom infushom bħala "diġitalment kunfidenti” jew kapaċi jgħallmu ħiliet diġitali b'mod effettiv, u 70 % jixtiequ aktar taħriġ biex jużaw l-ICTs. L-istudenti fil-Latvja, fil-Litwanja u fir-Repubblika Ċeka huma dawk li l-aktar għandhom aċċess għall-internet fl-iskola (aktar minn 90 %), darbtejn aktar mill-Greċja u l-Kroazja (madwar 45 %).

L-Edukazzjoni ogħla qiegħda tiffaċċja wkoll sfida diġitali: bl-għadd ta' studenti tal-UE li mistenni jiżdied b'mod sinifikanti fid-deċennju li ġej, hemm bżonn li l-universitajiet jadattaw il-metodi tat-tagħlim tradizzjonali u joffru possibbiltajiet ta' tagħlim li jkun kemm onlajn kif ukoll fil-klassi, bħal ma huma l-MOOCs (Korsijiet Massivi Miftuħa Onlajn), li jippermettu lill-individwi li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni kullimkien, kull ħin u permezz ta' kwalunkwe tagħmir. Iżda ħafna universitajiet għadhom mhumiex lesti għal din il-bidla.

Inizjattiva konġunta mmexxija minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, u Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni, responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Niftħu l-Edukazzjoni tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin:

  • Il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet, għall-għalliema u għall-istudenti favur l-innovazzjoni;

  • Aktar użu ta' Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER), li jiżguraw li l-materjal edukattiv prodott permezz ta' finanzjament pubbliku jkun disponibbli għal kulħadd; kif ukoll

  • Infrastruttura tal-ICT u konnettività aħjar fl-iskejjel.

Ix-xenarju tal-edukazzjoni qed jinbidel b’mod drammatiku, mill-iskola għall-università u lil hinn: l-edukazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija miftuħa dalwaqt se tkun "bżonn" u mhux biss "kumdità" għall-etajiet kollha. Jeħtieġ li nagħmlu iktar sforz biex niżguraw li ż-żgħażagħ, b’mod partikolari, ikollhom il-ħiliet diġitali li jeħtieġu għall-futur tagħhom. Mhux biżżejjed li wieħed jifhem kif juża applikazzjoni jew programm; Neħtieġu żgħażagħ li jafu joħolqu l-programmi tagħhom stess. L-inizjattiva "Niftħu l-Edukazzjoni" għandha l-għan li tagħmel lin-nies konxji minn metodi ġodda ta’ tagħlim sabiex ikollna poplu aktar impjegabbli, kreattiv, innovattiv u imprenditorjali," qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Il-Viċi President Kroes qalet: “Il-ħolma tiegħi hi li kull klassi tkun diġitali sal-2020. L-edukazzjoni għandha tkun konnessa mal-ħajja reali; ma tistax tkun univers parallel. Iż-żgħażagħ iridu jużaw it-teknoloġija diġitali f’kull aspett ta' ħajjithom. Għandhom bżonn ta' ħiliet diġitali biex isibu impjieg. L-iskejjel u l-universitajiet kollha tagħna, mhux biss xi wħud minnhom, għandhom jirriflettu din ir-realtà".

Inizjattivi marbuta ma' "Niftħu l-Edukazzjoni" se jiġu ffinanzjati u appoġġati mill-Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u l-Orizzont 2020, il-programm il-ġdid ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll il-fondi strutturali tal-UE. Pereżempju, Erasmus+ se jkun qed joffri fondi lill-foragħmel disponibbli għall-fornituri tal-edukazzjoni fondi biex jiġi żgurat li l-mudelli tan-negozju jkunu adattati għall-bidla teknoloġika u biex ikun hemm appoġġ għall-iżvilupp tal-għalliema permezz ta' korsijiet onlajn miftuħa. Il-materjal edukattiv kollu appoġġat mill-Erasmus+ se jkun disponibbli b'mod liberu għall-pubbliku permezz ta' liċenzji miftuħa.

Sfond

Qegħdin ngħixu f’soċjetajiet konnessi, fejn kull ma jmur aktar u aktar nies ta' kull età qegħdin jużaw teknoloġiji diġitali fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Madankollu, meta ħafna tfal imorru l-iskola, huma jidħlu f'sistema li ma tirriflettix din ir-realtà ta’ kuljum.

Id-dinja onlajn qed tbiddel il-mod ta' kif l-edukazzjoni tingħata r-riżorsi, titwassal u titgawda. Fl-għaxar snin li ġejjin, is-suq tat-tagħlim elettroniku huwa previst minn xi wħud li jikber ħmistax-il darba aktar milli hu fil-preżent, u jammonta għal 30 % tas-suq kollu tal-edukazzjoni. Il-benefiċċji ta’ dawn l-iżviluppi għandhom ikunu disponibbli għall-Ewropej kollha.

Din it-trasformazzjoni għandha tissawwar mill-edukaturi u minn dawk li jfasslu l-politika, aktar milli tkun xi ħaġa li sempliċement tiġri mingħajr l-involviment tagħhom.

Stħarriġ riċenti dwar l-użu tal-ICT fl-iskejjel sab li huwa biss wieħed minn erba' studenti ta' 9 snin li jistudja fi "skola b'tagħmir diġitali ta' livell għoli" – b'tagħmir ġdid, bi broadband veloċi (10mbps u aktar) u b'konnettività għolja" (websajt, email għall-istudenti u għall-għalliema, netwerk ta' żona lokali, ambjent ta' tagħlim virtwali). Huma biss 50 % taż-żgħażagħ ta' 16-il sena li jattendu "skejjel b'tagħmir diġitali ta' livell għoli" u 20 % tal-istudenti tas-sekondarja qatt jew kważi qatt ma użaw kompjuter waqt il-lezzjonijiet fl-iskola tagħhom.

L-impatt ta' "Niftħu l-Edukazzjoni" se jingħata spinta 'l quddiem mir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu ppubblikati s-sajf li ġej mill-grupp ta' livell għoli għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla. Il-Grupp, li tnieda mill-Kummissarju Vassiliou u huwa presedut mill-President preċedenti tal-Irlanda, Mary McAleese, attwalment qiegħed jevalwa kif l-edukazzjoni ogħla tista' tagħmel l-aħjar użu mill-mezzi ġodda ta' tagħlim.

Din l-inizjattiva marbuta wkoll mal-Koalizzjoni Kbira għall-Impjiegi Diġitali, pjattaforma ta’ diversi partijiet interessanti li tittratta n-nuqqas ta’ ħiliet fl-ICT u l-problema ta’ 900,000 post tax-xogħol battal relatati mal-ICT.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/813 Niftħu l-Edukazzjoni – Mistoqsijiet Frekwenti

Komunikazzjoni dwar "Niftħu l-edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa”

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “Analiżi u ppjanar ta' tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa fl-Ewropa”

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Ħiliet diġitali u l-impjiegi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea

Digital Agenda and Education

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Neelie Kroes website

Twitter @VassiliouEU and @NeelieKroesEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site