Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ix-xjenza xalata: 300 belt fi 33 pajjiż jiċċelebraw il-Lejla tar-Riċerkaturi (is-27 ta' Settembru)

European Commission - IP/13/858   24/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-24 ta' Settembru 2013

Ix-xjenza xalata: 300 belt fi 33 pajjiż jiċċelebraw il-Lejla tar-Riċerkaturi (is-27 ta' Settembru)

Ir-riċerkaturi jafu jagħmlu xi affarijiet verament sorprendenti. Tista' tarahom f'Ateni jtellgħu tren żgħir fl-arja u jibqa' miexi. M'għandekx udit? Mhix problema: ir-riċerkaturi f'Düsseldorf ħolqu tagħmir virtwali li jista' jagħmlek kantant tal-opri tajjeb daqs Placido Domingo. F'Zagreb tista' tindaga dwar il-film Space Odyssey ta' Stanley Kubrick biex tara huwiex biss fantaxejnza. Jew ara jirnexxilekx issolvi misteru ta' delitt f'Porto. Ir-riċerkaturi f'Santander se juru kif il-fiżika tgħin lis-serfers jirkbu l-ogħla mewġiet. F'Perugia, il-viżitaturi se jiltaqgħu ma' robot tal-Lego li jagħmel ir-ritratti tal-persuni u li jismu Le(g)onardo. Ix-xjenza xalata–, u f'Poznan il-pubbliku se jipprova juri dan billi jikser ir-rekord tal-ħoss bl-iżjed twerżieqa kollettiva qawwija.

Dawn huma biss ftit mill-avvenimenti mhux ta' min jitlifhom li se jsiru fi 33 pajjiż tal-UE u pajjiżi ġirien bħala parti mil-Lejla tar-Riċerkaturi fis-27 ta' Settembru. Mill-Irlanda sal-Iżrael, ir-riċerkaturi se jaqsmu l-imħabba tagħhom għax-xjenza mal-pubbliku fi 300 belt. Is-sena li għaddiet, il-Lejla tar-Riċerkaturi ġibdet aktar minn miljun viżitatur li kienu jinkludu 600,000 tifel u tifla. L-għan ta' din il-Lejla huwa biex ix-xjenza tiġi skoperta min-nies b'mod divertenti u biex tiġi promossa l-karriera ta' riċerkatur. Il-pubbliku jkun jista' jieħu sehem fl-esperimenti u fil-wirjiet interattivi tax-xjenza, u jkun jista' wkoll juża t-tagħmir f'laboratorji ta' riċerka li s-soltu jkunu ristretti.

"It-tfal, min-natura tagħhom, huma kurjużi u kreattivi, u l-Lejla tar-Riċerkaturi hija mezz tajjeb biex turihom li x-xjenza hija "cool". Min jaf? Forsi din tista' tispira lil xi bniet u subien biex fil-futur isiru xjenzjati brillanti," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Il-Lejla tar-Riċerkaturi hija appoġġata mill-Azzjonijiet Marie Curie tal-UE. Agħti ħarsa lejn l-avvenimenti prinċipali fl-ibliet fl-anness ta' hawn taħt jew sib avveniment qrib tiegħek hawn.

Kuntest

Il-Lejla tar-Riċerkaturi ssir kull sena madwar l-Ewropa fir-raba’ Ġimgħa ta' Settembru. Se jkun hemm avvenimenti f’24 Stat Membru tal-UE, (f'kollha ħlief l-Awstrija, id-Danimarka u l-Lussemburgu), kif ukoll fil-Bożnja u Ħerzegovina, fil-Gżejjer Faroe, fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fl-Iżlanda, fl-Iżrael, fil-Montenegro, fis-Serbja u fit-Turkija.

Dan l-avveniment kiber mill-2006 'l hawn, minn 92 belt parteċipanti għal aktar minn 300 din is-sena.

Il-Lejla tar-Riċerkaturi tingħata appoġġ ta' EUR4 miljun fis-sena (l-ispiża totali huwa ta' EUR7.5 miljuni) mill-Azzjonijiet Marie Curie tal-UE, li jippromwovu karrieri fir-riċerka internazzjonali. L-iskop ta' dan l-avveniment huwa biex jenfasizza r-rwol importanti tar-riċerka fil-ħajja tagħna ta' kuljum, u biex jippromwovi l-karriera tax-xjenza. Huwa kruċjali li jitħeġġu aktar żgħażagħ biex jagħżlu karriera fir-riċerka, għat-tkabbir tal-Ewropa fil-futur, li huwa dejjem iktar dipendenti fuq l-innovazzjoni fil-prodotti, u fis-servizzi.

L-attivitajiet tal-Lejla tar-Riċerkaturi jintgħażlu permezz ta’ proċess kompetittiv wara sejħa għall-proposti.

Il-baġit kollu għall-Azzjonijiet Marie Curie fis-snin 2007 sa 2013 huwa ta' EUR4.7 biljun. Dawn huma kważi kompletament amministrati mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Il-programm se jingħata l-isem il-ġdid ta' Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) fi ħdan il-programm Orizzont 2020, il-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Lejla tar-Riċerkaturi se tkompli tieċievi l-appoġġ fi ħdan il-programm il-ġdid. Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri dan laħħar ftehmu li l-MSCA se jingħata 8% mill-baġit ġenerali tal-Orizzont 2020. Din id-deċiżjoni se tiġi adottata b'mod formali fil-ġimgħat li ġejjin.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Lejla tar-Riċerkaturi 2013

Azzjonijiet Marie Curies u Is-Seba' Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka (FP7)

L-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka

Anness: L-attivitajiet prinċipali fl-Ibliet

1. Ateni u Volos (il-Greċja)

L-aġenda tal-Lejla tar-Riċerkaturi tinkludi l-esperimenti bil-bikarbonat tas-sodju esplussiv, petalli tal-ward li jsiru ħġieġ jinkiser u żoni manjetiċi li jistgħu jtellgħu "tren sparat" fl-ajru u jibqa' miexi. F'Volos, tim ta' inġiniera mekkaniċi mill-Università ta' Thessaly se jistiednu lill-pubbliku biex min irid jidħol ipoġġi f'karrozza tat-tlielaq li għadhom kif bnew.

2. Porto, (il-Portugall)

Trid toħloq il-batteriji li jieħdu l-enerġija mill-frott taċ-ċitru? Tixtieq li t-tfal tiegħek jaraw x'jista' jsir bl-elettriku statiku u stro tax-xorb? Trid titgħallem tagħmel tajra? Fil-Park tal-Belt ta' Paços de Ferreira kulħadd huwa mistieden li jżur l-għadd kbir ta' workshops li se jsiru. Dawk li jħobbu jagħmlu l-investigazzjonijiet jistgħu jgħinu lir-riċerkaturi jsolvu "delitt" billi jagħmlu l-esperimenti huma stess fil-laboratorju, u dawn l-esperimenti jwasslu għall-iskoperta ta' min hu l-qattiel.

3. Londra (UK)

Titħajjar titkellem live b'link-up max-xjenzjati tan-NASA, jew tipprova tpinġi fuq il-ħitan tal-għerien, jew tara t-tenrek tal-Madagaskar, mammiferu pperikolat li jixbaħ il-qanfud, mill-? Il-famuż Natural History Museum se jibqa' miftuħ sa nofsillejl. Il-kollezzjonijiet tal-Mużew se jintwerew ukoll, inkluż l-iskeletru tat-Tyrannosaurus rex, li għall-ewwel darba qed jintwera lill-pubbliku fl-Ewropa.

4. Poznan, il-Polonja

Il-pubbliku se jkun mistieden jikser ir-rekord tal-ħoss bl-aktar twerżieqa kollettiva qawwija. Se jkun hemm ukoll pariri dwar il-ħarsien min-nar u informazzjoni= utli għal min jinteressa ruħu fit-tiswija tal-karrozzi. Se jkun hemm workshops għat-tfal, fejn se jintwerew rappreżentazzjonijiet grafiċi ta' leħinhom u skannijiet ta' wiċċhom.

5. Göteborg (l-Iżvezja)

20,000 tifel u tifla madwar l-Iżvezja ġabru l-weraq tas-siġar u ritratti biex jagħmlu studju xjentifiku fuq tendenzi ġodda tat-temp u tal-pajżaġġ b'rabta mat-tibdil fil-klima. Ir-riżultati se jintwerew f'Göteborg. Imbagħad se jkun hemm ukoll chat onlajn fejn se jiġu rrakkuntati stejjer ta' vjaġġi ta' espedizzjoni bil-baħar lejn l-Artiku, u avventuri xjentifiċi oħra li jqajmu l-kurżità xjentifika.

6. Zagreb (il-Kroazja)

Il-film Space Odyssey ta' Stanley Kubrick, huwa bissfantaxjenza? Jew għall-kuntrarju juri kif jaħdmu l-prinċipji xjentifiċi fil-prattika, (pereżempju li m'hemmx ħsejjes fil-vakwu tal-ispazju)? L-Istitut tal-Fiżika organizza seminar dwar is-sensiliet televiżivi fantaxjnetifiċi dwar dan is-suġġett. Xjenzjat żagħżugħ mill-Istitut Ruder Boskovic se juri għodda li tispara d-duħħan u se juri kif din tispara forom enormi differenti u ċrieki tad-duħħan jinbarmu.

7. Las Palmas de Gran Canaria, Santander and Oviedo (Spanja)

Il-Park ta' Santa Catalina fil-Gżejjer tal-Kanarja se joffri workshops dwar l-enerġija solari u l-enerġija mir-riħ. Sadanittant, f'Santander, riċerkaturi u membri tal-pubbliku se jiddiskutu l-prinċipji xjentifiċi tas-serfing. Dan kollu fiżika! Il-manjetiżmu u l-enerġija huma t-tema tal-lejla f'Oviedo. F'din il-belt l-attivitajiet lokali joffru wkoll l-opportunità biex dak li jkun jiskopri kif jaħdmu l-mowbajls, il-kompjuters u l-friġis.

8. Perugia (l-Italja)

Grupp ta' dilettanti tal-fantaxjenza se jieħdu vjaġġ fuq kowċ sal-Lag Trasimeno biex iwettqu studji ġeoloġiċi mhux tas-soltu. Il-kowċ, b'atturi u riċerkaturi li se jagħmluha ta' gwidi, se jwassal lill-parteċipanti f'epoka eluf ta' snin ilu, fejn se jesploraw, minn kampjuni li jinġabru, kemm tbiddlet il-klima tal-pjaneta tagħna u kemm għad trid tevolvi. Dawk li jħobbu l-arti, il-logħob u l-użu tar-robots se jkollhom l-opportunità li jeħdilhom ritratt ir-robot tal-Lego li jagħmel ir-ritratti u li jismu "Le(g)onardo".

9. Düsseldorf (il-Ġermanja)

F'Düsseldorf kulħadd mistieden jaħraq il-kaloriji fuq art taż-żfin sostenibbli: iżjed ma jiċċaqilqu b'mod entużjastiku ż-żeffiena, iżjed tiġġenera dwal u logħob viżwali din l-art. Ikollhom iċ-ċans ukoll li għal ftit sekondi jsiru kantanti tal-opra. Il-movimenti tax-xufftejn u tal-idejn tal-viżitaturi se jiġu ttrasferiti fuq tenur virtwali fuq skrin kbir, u dawn se jiġu riflessi fir-ritmu u l-volum tal-kant tiegħu. Projjettur tal-vidjo modern, li juri immaġni wiesgħa 360 grad, se juri films edukattivi dwar it-tibdil fil-klima. L-akustika u l-immaġnijiet viżivi jippromettu li se jkunu spettakolari! Hemm aktar minn 80 attività fl-aġenda.

10. Limassol (Ċipru)

Il-pubbliku se jkollu għażla fost 20 attività differenti f'Limassol, dawn ivarjaw mill-gastronomija molekulari u l-analiżi ġenetika tal-kromożomi sa preżentazzjoni ta' strumenti mużikali tal-Ġreċja qadima. Tul il-Lejla, it-teatru se jkollu parti speċjali: se jkun hemm fiżiċista kummidjant li se jippreżenta ċajt ibbażat fuq fatti xjentifiċi u tfal tal-iskola elementari se jagħmlu wirja teatrali. Studenti tal-iskola post-sekondarja se jieħdu sehem f'kompetizzjoni ta' komunikazzjoni xjentifika, imsemmija S-Factor, filwaqt li l-istudenti tal-PhD se jpinġu l-PhDs tagħhom biex dawn jiġu vvalutati minn ġurija.

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website