Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Praga, l-24 ta' Settembru 2013

25 sena ta' mħuħ brillanti: l-UE tippremja lix-xjenzati żgħażagħ

L-aqwa xjenzati żgħażagħ tal-Ewropa ltaqgħu llum fi Praga għall-25 Konkors annwali tal-UE għax-Xjenzati żgħażagħ (EUCYS). 126 xjenzati żgħażagħ promettenti b'età ta' bejn 14 u 21 sena ppreżentaw il-proġetti tagħhom bit-tama li jimpressjonaw lil ġurija internazzjonali. Ir-rebbieħa qasmu bejniethom total ta' €54.500 fi premjijiet ta' flus, kif ukoll premjijiet oħra li jinkludu vjaġġi xjentifiċi (MEMO/13/812).

L-ewwel tliet premjijiet ta' €7000 kull wieħed ingħataw lil Perttu Pölönen mill-Finlandja għal Music A' Clock”, lil Ciara Judge, Emer Hickey u Sophie Healy-Thow mill-Irlanda għal “A statistical investigation of the effects of diazotroph bacteria on plant germination” u lil Frederick Turner mir-Renju Unit għal "Genetics at home: Building a PCR machine and other equipment for setting up a home genetics lab". It-tliet premijijiet għat-tieni post ingħataw lil parteċipanti mill-Awstrija, il-Ġermanja u l-Isvizzera u t-tliet premjijiet għat-tielet post ingħataw lill-proġetti mill-Ungerija, il-Ġermanja u l-Bjelorussja.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Jekk dan huwa l-livell ta' talent li l-Ewropa qiegħda tipproduċi, il-futur huwa brillanti. Huwa ta' sodisfazzjoni kbir meta wieħed jinnota t-taħlita ta' riċerka motivata mill-kurjożità u ta' aktar proġetti applikati. Fl-iskejjel tagħna neħtieġu aktar żgħażagħ li jistudjaw is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), u b'mod partikolari, irrid inħeġġeġ aktar nisa żgħażagħ biex jagħżlu karriera fix-xjenza u t-teknoloġija."

Fi Praga ġew ippreżentati 85 proġett minn 37 pajjiż, inkluż minn Stati Membri tal-UE u minn pajjiżi assoċjati oħra u mill-bqija tad-dinja. Minbarra li attendew iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, ix-xjenzati żgħażagħ setgħu juru l-proġetti tagħhom waqt esibizzjoni ta' erbat ijiem u jipparteċipaw f'għadd ta' workshops u konferenzi.

Dr Henrik Aronsson, mill-Università ta' Gothenburg, kien il-president tal-ġurija ta' din is-sena Il-kandidaturi kollha kienu diġà rebħu l-ewwel premju fil-konkorsi nazzjonali rispettivi ta' pajjiżhom fil-qasam speċifiku tagħhom. It-temi tal-proġetti koprew spettru wiesa' ta' oqsma xjentifiċi: il-bijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-informatika, ix-xjenzi soċjali, l-ambjent, il-matematika, ix-xjenza tal-materjali, l-inġinerija u l-mediċina.

Il-konkors kellu wkoll Premju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, li jingħata għall-aqwa proġett li jsir minn tim magħmul minn pajjiżi mistiedna li għandhom ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija mal-UE: l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, iċ-Ċina, in-New Zealand, il-Korea t'Isfel u l-Eġittu. Il-premju, li jenfasizza l-benefiċċji tal-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali fir-riċerka, intrebaħ minn Jessie MacAlpine mill-Kanada għal "Mustard Oil as an Apicomplexan-targeting Drug Therapy for Plasmodium falciparum".

Sfond

Il-Konkors tal-UE għax-Xjenzati Żgħażagħ ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fl-1989 sabiex jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-iskambju bejn ix-xjenzati żgħażagħ u sabiex jagħtihom l-opportunità li jitgħallmu mingħand xi wħud mill-aktar riċerkaturi prominenti tal-Ewropa. L-ewwel kompetizzjoni saret fi Brussell, u minn dakinhar, saret fi 23 belt differenti fl-Ewropa.

Il-konkors għandu l-għan li jgħin l-isforzi li jsiru fil-pajjiżi parteċipanti sabiex aktar żgħażagħ jitħajru jistudjaw is-suġġetti tas-STEM (is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) u sabiex dawn jagħżlu karriera fix-xjenza u r-riċerka. Mill-1989, l-għadd ta' xjenzati żgħażagħ parteċipanti żdied kull sena, minn 59 li ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni għal 126 fl-2013, fejn il-massimu ta' parteċipanti ntlaħaq fl-edizzjoni tal-2009 li saret f'Pariġi u li fiha ħadu sehem 137 kontestant.

Il-parteċipazzjoni femminili fil-konkors tixhed b'mod ċar il-problema kbira ta' nuqqas ta' preżenza tan-nisa fis-suġġetti tas-STEM. Din is-sena, ftit inqas minn 35 % tal-parteċipanti biss kienu nisa (44 parteċipant mara u 82 parteċipant raġel). Fl-1997, il-parteċipazzjoni femminili fil-konkors EUCYS qabżet it-30 % għall-ewwel darba, u minn dakinhar ġeneralment kienet tvarja bejn it-30 % u l-35 %, b'massimu ta' 41 % fl-2005. F'dawn l-aħħar 25 sena, il-premjijiet intrebħu minn 168 tifla u 576 tifel.

Id-dettalji kollha tal-konkors ta' din is-sena jinsabu fuq: http://media.eucys2013.cz. It-tliet tims rebbieħa tal-ewwel premju kollha ngħataw l-ammont ta' €7000; it-tims li ġew fit-tienu u t-tielet post rebħu €5000 u €3500 respettivament. Premjijiet oħra kienu jinkludu vjaġġi għall-parteċipazzjoni fil-Forum Xjentifiku Internazzjonali taż-Żgħażagħ li sar f'Londra u għall-parteċipazzjoni fis-Seminar Xjentifiku Internazzjonali taż-Żgħażagħ li sar fi Stokkolma, premjijiet iffinanzjati minn azjendi kbar li kienu jinkludu vjaġġi għall-parteċipazzjoni għall-premju Intel ISEF fl-Istati Uniti, kif ukoll premjijiet li ngħataw mis-servizzi xjentifiċi interni tal-Kummissjoni Ewropea, miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, mill-grupp ta' organizzazzjonijiet tar-riċerka pan-Ewropew Eiroforum u mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

Aktar tagħrif dwar il-konkors u r-rebbieħa jinsab fuq: http://ec.europa.eu/research/youngscientists/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martínez García (+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website