Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Settembru 2013

Ir-rapport ta' progress taż-ŻER: eqreb lejn "suq uniku" għar-riċerka, iżda għadna ma wasalniex

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel analiżi komprensiva ta' fejn wasal is-"suq uniku" għar-riċerka, jew iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Ir-rapport jipprovdi bażi fattwali għall-valutazzjoni tal-progress fl-oqsma fil-mira fosthom ir-reklutaġġ miftuħ u ġust tar-riċerkaturi jew iċ-ċirkolazzjoni aħjar tal-għarfien xjentifiku. Dan juri li għalkemm sar xi progress, anke l-istituzzjonijiet tar-riċerka bl-aqwa prestazzjoni jonqoshom kwistjonijiet x'jindirizzaw qabel l-iskadenza tal-2014 għaż-ŻER, kif stabbilixxew il-mexxejja tal-UE. Għad hemm ukoll diskrepanza sinifikanti bejn dawk bl-aqwa u bl-agħar prestazzjoni. (MEMO/13/807).

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Dan ir-rapport juri li għad baqa' ħafna xogħol xi jsir. L-investiment fl-R&D hu vitali, iżda neħtieġu sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni li jaħdmu bis-sħiħ biex il-flus jintużaw bl-aħjar mod. Issa neħtieġu li kull Stat Membru tal-UE u kull min hu involut fir-riċerka u fil-finanzjament għar-riċerka, jagħti spinta qawwija għaż-ŻER.”

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha l-mira li r-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozji jkunu jistgħu jiċċaqalqu, jikkompetu u jikkoperaw aħjar bejn il-fruntieri. Dan isaħħaħ is-sistemi tar-riċerka tal-Istati Membri tal-UE, iżidilhom il-kompetittività u jippermettilhom jaħdmu flimkien b'mod aktar effettiv biex jindirizzaw sfidi kbar.

Anke jekk ir-rapport jisħaq li nkiseb progress f'kull qasam immirat, dan jiġbed l-attenzjoni fuq għadd ta' oqsma ta' tħassib kontinwu, fosthom li:

  1. L-investiment pubbliku fl-R&D bħala persentaġġ tal-infiq ġenerali tal-gvern qed jonqos f'ħafna Stati Membri;

  2. Il-programmi tar-riċerka nazzjonali għadhom jaħdmu b'regoli differenti, ngħidu aħna fejn jidħol ir-rappurtar, u dan jagħmilha diffiċli biex ikun hemm koperazzjoni transnazzjonali fir-riċerka;

  3. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' infrastrutturi, bħal lejżers intensi ħafna jew teleskopji tassew kbar, huma mxekkla mill-ostakli finanzjarji, ta' ġestjoni u politiċi u ħafna drabi r-regoli nazzjonali jew l-ispejjeż għaljin għad-dħul iżommu lir-riċerkaturi minn Stati Membri oħra milli jaċċessawhom;

  4. Il-prattiki ta' reklutaġġ miftuħ, trasparenti u msejjes fuq il-mertu għadhom ma ġewx implimentati fil-wisa' għal kull pożizzjoni tar-riċerka; ngħidu aħna, aktar minn nofs il-postijiet tax-xogħol battala għandhom ma ġewx riklamati fil-livell Ewropew fuq il-portal tal-impjiegi EURAXESS; dan ifixkel il-mobbiltà tar-riċerkaturi u jaf ifisser li mhux dejjem tingħażel l-aħjar persuna għall-impieg;

  5. L-inugwaljanza bejn is-sessi tfisser li l-ħila tar-riċerkaturi nisa għadha qed titħalla barra, u dan hu l-qasam taż-ŻER bl-aktar progress dgħajjef;

  6. Relattivament ftit huma r-riċerkaturi fl-Ewropa li jiġu impjegati fl-industrija, u dawn ir-riċerkaturi mhumiex imħejjin biżżejjed għas-suq tax-xogħol.

Il-kuntest

Il-mexxejja tal-UE saħqu kemm-il darba fuq l-importanza li titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2011 u Marzu 2012 stabbilixxew l-iskadenza tal-2014.

Ir-rapport sar sena wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni "Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir", li tidentifika azzjonijiet li għandhom jieħdu l-Istati Membri biex tinkiseb iż-ŻER. Dan jipprovdi bażi fattwali għal valutazzjoni fil-fond taż-ŻER li se ssir fl-2014.

Il-proposti tal-Kummissjoni biex tinkiseb iż-ŻER jiffukaw fuq ħames prijoritajiet ewlenin fejn jeħtieġ isir progress:

  1. aktar effettività tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka;

  2. koperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali aħjar inklużi l-bini u t-tħaddim effettiv ta' infrastrutturi ewlenin tar-riċerka;

  3. suq tax-xogħol aktar miftuħ għar-riċerkaturi;

  4. ugwaljanza bejn is-sessi u integrazzjoni fl-organizzazzjonijiet li jagħmlu u jagħżlu l-proġetti tar-riċerka; u

  5. ċirkolazzjoni u trasferiment ottimi tal-għarfien xjentifiku, inkluż b'mezzi diġitali.

L-informazzjoni fir-Rapport ta' Progress taż-ŻER inġabret mingħand bosta sorsi, notevolment informazzjoni inkluża fil-Programmi Nazzjonali tar-Riforma, u lista ta' miżuri li identifika l-Istitut għall-Istudji Prospettivi u Teknoloġiċi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Il-Kummissjoni stħarrġet ukoll l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u li jagħmlu r-riċerka f'kull Stat Membru u l-pajjiżi assoċjati tal-programm tar-riċerka tal-UE, u din l-informazzjoni kkumplimentawha l-istudju MORE 2 u r-Rapport tar-Riċerkaturi tal-2013 li ġie ppubblikat b'mod separat fuq il-portal tal-EURAXESS. F'ħafna mill-każijiet, il-lista tal-miżuri lestewha l-awtoritajiet nazzjonali għax talbithom il-Kummissjoni.

Għal aktar dettalji:

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Il-portal tal-EURAXESS

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martinez Garcia (+32 2 298 73 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website