Navigation path

Left navigation

Additional tools

Finanzjament tal-UE li jgħin ir-riċerka "blue sky" tasal sas-suq

European Commission - IP/13/84   05/02/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Frar 2013

Finanzjament tal-UE li jgħin ir-riċerka "blue sky" tasal sas-suq

Illum tħabbar finanzjament ġdid tal-UE li jipprovdi għotjiet ta' € 150,000 kull waħda għall-aqwa riċerkaturi biex dawn ixejnu d-distakk bejn ħidmithom u l-innovazzjoni kummerċjabbli. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) illum ippubblika r-riżultat tal-aħħar sessjoni tal-iskema ta' finanzjament supplimentari bl-isem "Il-Prova tal-Kunċett". B'kollox s'issa ngħataw 60 għotja lil riċerkaturi li diġà qed igawdu mill-għotjiet tal-ERC, u l-aħħar 27 imħabbra llum.

Il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta' temi, fosthom dwar terapiji innovattivi tad-drogi u bijomaterjali ġodda, sustanzi kimiċi industrijali aktar ekoloġiċi u orħos, u approċċ aktar inklussiv biex tissawwar l-aċċessibbiltà. Il-finanzjament tal-Prova tal-Kunċett jista' jkopri attivitajiet relatati, ngħidu aħna, mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-investigazzjoni tal-opportunitajiet kummerċjali u tan-negozju, jew il-validazzjoni teknika.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Din it-tieni sessjoni tal-għotjiet tal-Prova tal-Kunċett hija aħbar tassew sabiħa, għax l-Ewropa teħtieġ li l-aqwa ideat li għandha nwassluhom sas-suq. Din l-inizjattiva tgħin lil dawk li ngħataw l-għotjiet tal-ERC biex isarrfu l-potenzjal li għandhom l-iskoperti u s-sejbiet tagħhom. Billi jipprovdi dawn l-għotjiet u billi jiffinanzja r-riċerka Blue-sky b'mod ġenerali, l-ERC qed jgħin biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva llum u fil-futur."

L-għotjiet qed jingħataw lil riċerkaturi minn għaxar pajjiżi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-programm qafas dwar ir-riċerka). Il-baġit ġenerali għal din is-sejħa huwa ta' € 10 miljun. B'kollox sat-tieni skadenza ta' din is-sejħa f'Ottubru 2012 kienu tressqu 69 proposta, u minnhom intgħażlu dawn is-27 li tħabbru llum. Sal-ewwel skadenza f'Mejju 2012 kienu waslu 75 proposta, u minnhom intgħażlu 33 u tħabbru f'Settembru 2012.

Il-lista tal-aħħar 27 Riċerkatur Ewlieni magħżula skont il-pajjiż tal-istituzzjoni ospitanti (fl-ordni alfabetika għal kull grupp ta' pajjiżi)

Il-lista sħiħa tar-Riċerkaturi Ewlenin magħżula skont il-pajjiż tal-istituzzjoni ospitanti (fl-ordni alfabetika għal kull grupp ta' pajjiżi)

Eżempji ta' proġetti ffinanzjati minn din it-tieni sessjoni tal-għotjiet tal-"Prova tal-Kunċett"

Il-Kuntest

F'Marzu 2011 il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka nieda inizjattiva ġdida ta' finanzjament "Il-Prova tal-Kunċett" biex tgħin titħeġġeġ l-innovazzjoni. Kull għotja tista' tkun sa € 150,000 u b'kollox it-tieni sejħa tal-ERC "Il-Prova tal-Kunċett" għandha baġit ta' € 10 miljun. Is-sejħa hija miftuħa għall-Investigaturi Ewlenin kollha li bħalissa qed igawdu minn għotja tal-ERC jew li l-għotja ntemmet sa mhux aktar minn tnax-il xahar qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta' din is-sejħa. Il-finanzjament ta' kull għotja jingħata għal mhux aktar minn sena.

Il-Kunsill għar-Riċerka Ewropea (ERC), li l-UE waqqfet fl-2007, huwa l-ewwel l-organizzazzjoni pan-Ewropea għall-finanzjament tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien. L-ERC għandu l-għan li jistimola l-eċċellenza xjentifika fl-Ewropa billi jħeġġeġ il-kompetizzjoni għal finanzjament fost l-aqwa riċerkaturi u l-aktar riċerkaturi kreattivi ta' kull nazzjonalità u età. Minbarra dan, l-ERC jaħdem qatigħ biex l-iprem riċerkaturi minn madwar id-dinja jħajjarhom jiġu fl-Ewropa. L-ERC jaħdem b'approċċ "immexxi mill-investigaturi" jew "minn isfel għal fuq" u allura r-riċerkaturi jkunu jistgħu jagħrfu opportunitajiet ġodda fi kwalunkwe qasam tar-riċerka. Sa mit-tnedija tiegħu, l-ERC ffinanzja aktar minn 3,100 riċerka fil-fruntieri tal-għarfien madwar l-Ewropa kollha, u sar punt ta' riferiment għall-aqwa riċerka.

B'kollox l-ERC, li hu l-iġded komponent tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka tal-UE (FP7), għandu baġit ta' € 7.5 biljun għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-baġit tal-ERC jiżdied b'mod sinifikanti għal aktar minn € 13 biljun fil-programm qafas il-ġdid "Orizzont 2020" (2014-2020). Din il-proposta hija msejsa fuq il-proposta tal-baġit globali ta' € 80 biljun mifrux fuq seba' snin għal Orizzont 2020.

Links

Il-websajt tal-ERC:

http://erc.europa.eu

Orizzont 2020:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website