Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku se jibda b’dibattiti dwar l-impjiegi

European Commission - IP/13/847   20/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Settembru 2013

L-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku se jibda b’dibattiti dwar l-impjiegi

It-Tnejn 23 ta’ Settembru se jittella' l-ewwel wieħed minn serje ta’ erba’ dibattiti onlajn dwar is-Suq Uniku bħala parti mill-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku li se tkun qed issir bejn it-23 ta’ Settembru u t-23 ta’ Ottubru 2013. Fil-kuntest tas-Sena Ewropea għaċ-Ċittadini tal-2013, Xahar għas-Suq Uniku — inizjattiva tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni — se tkun opportunità għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati biex jagħmlu proposti dwar il-futur tal-UE u biex jiddiskutu dawn il-proposti f’xandira diretta onlajn ma’ ċittadini, imsieħba interessati, uffiċjali u mexxejja oħra, u esperti minn madwar l-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni se tkun qed tinqeda bl-internet sabiex tinvolvi liċ-ċittadini u l-gruppi tas-soċjetà ċivili fl-aġenda politika tagħha. L-attività li se tagħti bidu għal din l-inizjattiva fit-23 ta' Settembru hija taħdita VIP onlajn diretta mal-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier fil-11.00 CET, li permezz tagħha l-forum onlajn se jkun qed joffri lill-partijiet involuti linja unika u immedjata ta’ komunikazzjoni man-nies li jfasslu l-politiki fi Brussell. Il-forum se jorganizza dibattiti fuq erba’ temi: l-Impjiegi, id-Drittijiet Soċjali, il-Banek, u l-Kummerċ Elettroniku fl-24 lingwa tal-UE.

L-ewwel dibattiti se jsiru mit-Tnejn sal-Erbgħa (23-25 ta’ Settembru) dwar 111-il proposta ta’ politika minn 17-il pajjiż (b'aktar proposti diħlin) dwar kwistjonijiet marbuta mal-impjiegi: kif jistgħu jinħolqu aktar impjiegi; kif jista' jitwaqqaf negozju; kif tista' tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi disponibbli. L-ideat ta' politika ppreżentati jvarjaw minn suġġeriment għall-introduzzjoni ta' karta tal-mobilità professjonali għall-infermiera għal kif għandhom jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabilità. Dan qed iseħħ fi żmien meta r-rata tal-qgħad fl-UE hija ta’ kważi 12 % u aktar minn 26 % f’ċerti pajjiżi. Filwaqt li l-ebda soluzzjoni mhi faċli, is-suq uniku Ewropew joffri lill-ħaddiema l-opportunità li jmorru minn pajjiż għall-ieħor sabiex ifittxu xogħol jew biex joffru s-servizzi tagħhom bħala professjonisti fi kwalunkwe wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. Matul il-jiem ta’ dibattitu li ġejjin, in-nies, l-organizzazzjonijiet u n-negozji nfushom se jkollhom l-opportunità li jitfgħu dawl fuq l-ostakli li għad fadal, u jressqu s-suġġerimenti ulterjuri tagħhom biex jittieħdu azzjonijiet fil-livell Ewropew.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: “L-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku għandha l-għan li timla l-vojt bejn dawk li għandhom jibbenefikaw mill-politika — is-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini u n-negozji — u dawk li jabbozzawha u jieħdu deċiżjoni dwarha. Aħna nilqgħu skambju ħieles u miftuħ dwar proposti li se jindirizzaw in-nuqqasijiet li għad hemm fis-Suq Uniku. Suq uniku li jaħdem aħjar għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs huwa essenzjali biex jinħolqu iżjed impjiegi u titjieb il-kompetittività. Dan huwa proġett innovattiv li jieħu vantaġġ mill-kapaċità tal-internet li jgħaqqad nies minn madwar kontinent kbir u divers.”

Sfond

l-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku ser tittella' onlajn fuq yourideasforeurope.eu u se ddum erba’ ġimgħat suċċessivi, fejn kull ġimgħa tiġi trattata tema ta’ politika differenti:

  1. 23-25 ta' Settembru, dwar l-impjiegi: Kif issib xogħol, twaqqaf negozju, jew kif il-kwalifiki tiegħek jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-Ewropa?

  2. 30 ta' Settembru-2 ta’ Ottubru dwar id-drittijiet soċjali: Liema huma d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali fis-Suq Uniku tal-UE, f’termini ta’ pensjonijiet, kura tas-saħħa, servizzi pubbliċi...?

  3. 7-9 ta' Ottubru, dwar il-banek: X’jista’ jsir aktar sabiex jitħarsu d-depożiti, tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra, u jiġi żgurat li l-banek jinvestu fl-ekonomija reali sabiex irawmu t-tkabbir ekonomiku?

  4. 14-16 ta' Ottubru, dwar il-kummerċ elettroniku: Kemm huwa faċli li tbiegħ prodotti onlajn, jew tixtrihom u twassalhom lil hinn mill-fruntieri bħala klijent? Id-dejta li l-pubbliku jaqsam fuq is-siti tan-netwerking soċjali kemm hi protetta?

L-inizjattiva Xahar għas-Suq Uniku tipprovdi opportunità unika għan-“netizens” tal-Ewropa biex jikkummentaw fuq ideat ġodda ta’ politika li ġew sottomessi onlajn, jisfidawhom, u jirraffinawhom. Din toffri lill-parteċipanti għadd ta’ modi biex huma jinteraġġixxu ma’ dawk li jfasslu l-politiki. Huma jistgħu:

  1. jivvutaw u jikkummentaw dwar is-sottomissjonijiet ta’ politika ta' individwi, organizzazzjonijiet u negozji,

  2. jistaqsu u jiddibattu mal-esperti tal-UE, il-MPE, u personalitajiet oħra tal-UE u nazzjonali permezz ta’ diskursati ffilmjati f’xandira diretta,

Ħames parteċipanti se jiġu mistiedna għal dibattitu finali mal-Kummissarju Barnier fuq Euronews fit-23 ta’ Ottubru fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Xorta waħda jistgħu jiġu ppreżentat ideat fuq il-pjattaforma onlajn. Il-partijiet interessati u individwi diġà ppreżentaw aktar minn 300 idea fis-suġġetti kollha. Dawn l-ideat diġà jista' jittieħed vot fuqhom, u se jkunu miftuħa għad-dibattitu fit-23 ta’ Settembru għal ideat dwar l-impjiegi, it-30 ta’ Settembru għal ideat dwar id-drittijiet soċjali, is-7 ta’ Ottubru għal ideat dwar il-banek, u l-14 ta’ Ottubru għal ideat dwar il-kummerċ elettroniku.

Moderaturi indipendenti ser jiġbru fil-qosor ir-riżultati ta’ dawn id-dibattiti — l-ideat li l-parteċipanti jkollhom jistgħu ibiddlu l-Ewropa. Huma se jiġu wkoll inklużi f’rapport finali li se jiġi ppubblikat u jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-UE ta’ għada.

Ara wkoll MEMO/13/804

Aktar informazzjoni

yourideasforeurope.eu

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website