Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Settembru 2013

Belt li togħġobna: soluzzjonijiet sostenibbli għall-bliet Ewropej

Fid-19 u fl-20 ta’ Settembru, il-kampanja Dinja li togħġbok qed tieħu speċjalisti fl-ippjanar tal-ibliet minn madwar l-UE kollha fil-belt kapitali Daniża, Kopenħagen, sabiex turihom soluzzjonijiet sostenibbli fil-prattika. Il-persuni responsabbli mill-ippjanar tal-ibliet li qegħdin jipparteċipaw ġejjin mill-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Renju Unit.

F’kooperazzjoni maċ-Ċentru Daniż tal-Arkitettura u mas-sieħba fil-kampanja, il-Konfederazzjoni tal-Industrija Daniża (DI Energy), l-iżjara ta’ studju “belt li togħġobna” se turi lill-parteċipanti sensiela ta’ proġetti li ġew irrealizzati b’livell baxx ta’ karbonju: minn impjant innovattiv għall-inċinerazzjoni tal-iskart għal teatru sostenibbli; minn akkomodazzjoni u kwartieri ġenerali ta' negozju b’konsum baxx ta' enerġija għal ċentru distrettwali għat-tkessiħ.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, qalet: “Billi kull ma jmur il-popolazzjoni Ewropea qiegħda tfittex dejjem aktar li tgħix fl-ibliet, għandna bżonn ta' soluzzjonijiet integrati li jiżguraw li l-abitanti jkollhom kwalità tal-ħajja tajba u li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni, eċċ. Ħafna mis-soluzzjonijiet diġà jeżistu u Kopenħagen verament għandha ħafna affarijiet x'turi li nittama jispiraw lill-oħrajn. Il-kampanja Dinja li togħġbok tiġbor flimkien il-persuni responsabbli mill-ippjanar fl-Ewropa biex jaqsmu bejniethom prattiki tajbin ħalli nkunu nistgħu nkomplu nibnu fuqhom.”

Iż-żjara ta’ studju stiednet lill-kapjiet responsabbli mill-ippjanar u lid-diretturi tekniċi minn bliet Ewropej magħżula kif ukoll dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-professjonisti mis-settur privat.

Sfond

Is-sena li għaddiet, Kopenħagen rebħet il-Premju tal-Belt Kapitali Ewropea tal-2014 tal-Kummissjoni Ewropea. U bi pjan li tikseb livell newtrali ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2025, il-belt hija minn ta' quddiem f'dak li jikkonċerna soluzzjonijiet sostenibbli.

Iż-żjara ta' studju Belt li togħġobna se tinkludi fost l-oħrajn is-siti li ġejjin:

  • Iċ-Ċentru ta' Riżorsi Amager (ARC), impjant għall-inċinerazzjoni tal-iskart li jforni lill-belt bl-elettriku u bit-tisħin distrettwali filwaqt li fuq il-bejt joffri wkoll pista tal-iskijjar

  • Teatru (it-Teatru Rjali) b’sistema innovattiva li tiffranka l-enerġija u b'elevazzjoni maħsuba għal meta jogħla l-livell tal-baħar

  • Kumbless sostenibbli kbir bi tmien djar li rebaħ il-premju u li jinkludi fih negozji u akkomodazzjoni

  • Il-proġett Vildrose, li joffri akkomodazzjoni sostenibbli għall-but ta' kulħadd

  • Il-kwartieri ġenerali tan-negozju b'livell newtrali tal-enerġija ta' Ramboll

Aktar tagħrif: http://world-you-like.europa.eu/mt/avvenimenti/a-city-we-like/

Dwar il-kampanja Dinja li togħġbok:

Iż-żjara ta' studju tal-belt li togħġobna tifforma parti mill-kampanja ta’ komunikazzjoni pan-Ewropea Dinja li togħġbok. Bi klima li togħġbok dwar soluzzjonijiet prattiċi għat-tibdil fil-klima. Varata f’Ottubru 2012, il-kampanja attirat 190 organizzazzjoni sieħba minn madwar l-UE kollha, u aktar minn 40,000 segwaċi fuq is-sit ta' Facebook tagħha u mezzi tal-midja soċjali oħrajn. S'issa l-kampanja organizzat avvenimenti f’disa’ pajjiżi u ngħatat ħafna attenzjoni mill-midja Ewropea. Bil-għan li l-prattiki tajba jiġu kondiviżi sabiex tiżdied l-azzjoni klimatika fl-Ewropa, il-kampanja tinkludi stejjer ta' suċċess minn 27 Stat Membru u rċeviet 269 sottomissjoni addizzjonali f'L-Isfida Dinja li Togħġbok. Ir-rebbieħa ta' L-Isfida Dinja li Togħġbok għall-aħjar soluzzjonijiet klimatiċi fl-Ewropa se jitħabbru f'Ottubru u f'Novembru 2013.

Għal aktar informazzjoni, żur il-websajt Dinja li togħġbok u l-mezzi tal-midja soċjali fuq:

http://world-you-like.europa.eu/mt/

www.facebook.com/EUClimateAction

www.twitter.com/EUClimateAction (#worldulike)

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website