Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-ġlieda kontra l-frodi: studju ġdid jikkonferma li ntilfu biljuni minħabba d-Diskrepanza tal-VAT

European Commission - IP/13/844   19/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Settembru 2013

Il-ġlieda kontra l-frodi: studju ġdid jikkonferma li ntilfu biljuni minħabba d-Diskrepanza tal-VAT

Skont studju ġdid dwar id-Diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri, fl-2011 intilfu madwar EUR 193 biljun fi dħul mill-VAT (1.5 % tal-PDG) minħabba li kien hemm nuqqas ta' konformità mar-regoli jew minħabba li ma nġabritx it-taxxa. L-istudju ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tagħha marbuta mar-riforma tas-sistema tal-VAT fl-Ewropa, kif ukoll bħala parti mill-kampanja tagħha, fuq livell usa', li teqred l-evażjoni tat-taxxa. L-istudju jinkludi dejta dettaljata dwar id-diskrepanza li hemm bejn l-ammont ta' VAT dovut u l-ammont li fil-fatt inġabar fis-26 Stat Membru bejn is-sena 2000 u l-2011. Apparti li jippreżenta wkoll il-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-Diskrepanza tal-VAT, hu jagħti ħarsa ġenerali lejn l-effett tal-kriżi ekonomika fuq id-dħul mill-VAT.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, qal: "L-ammont ta' VAT li qed jiżolqilna minn idejna mhuwiex aċċettabbli; l-aktar minħabba l-impatt li jista' jkollhom ammonti bħal dawn fuq it-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi. Madankollu, nistgħu niksbu messaġġ pożittiv ukoll mis-sejbiet tal-lum. Kemm ir-riforma ambizzjuża tagħna tas-sistema tal-VAT, kif ukoll il-miżuri tal-UE biex niġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u r-rakkomandazzjonijiet tagħna għar-riformi nazzjonali tat-taxxa, huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Nafu x'inhi l-problema; identifikajna s-soluzzjonijiet għaliha, u issa wasal iż-żmien li jaġixxu l-Istati Membri. Iċ-ċifri tal-lum se jservu ta' bażi biex jiġi evalwat il-progress tagħhom fit-titjib tal-konformità mar-regoli tal-VAT fis-snin li ġejjin."

Id-diskrepanza tal-VAT hija d-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-ammont ta' VAT li fil-fatt jinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali. Filwaqt illi n-nuqqas ta' konformità mar-regoli ċertament għandu rwol importanti f'din l-insuffiċjenza fid-dħul, id-diskrepanza tal-VAT mhijiex dovuta biss għall-frodi. Il-VAT mhux imħallsa tirriżulta wkoll minn, fost l-oħrajn, fallimenti u insolvenzi, żbalji ta' statistika, dewmien fil-pagamenti u evitar legali. Għaldaqstant, l-indirizzar effettiv tad-diskrepanza tal-VAT jirrikjedi approċċ pluridimensjonali.

L-ewwel nett, jeħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni aktar iebsa fir-rigward tal-evażjoni, u li jkun hemm infurzar tar-regoli aktar b'saħħtu fil-livell nazzjonali. Ir-riforma tal-VAT li tnediet f'Diċembru 2011 diġà wasslet għal għodod importanti li jiggarantixxu protezzjoni aħjar mill-frodi tal-VAT (ara IP/11/1508). Pereżempju, il-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida, adottat f'Lulju 2013, se jippermetti lill-Istati Membri li jirreaġixxu ħafna aktar malajr u b'mod ħafna aktar effikaċi, f'każijiet ta' frodi tal-VAT mhux mistennija u ta' skala kbira (ara IP/12/868).

It-tieni nett, aktar ma s-sistema tkun sempliċi, inqas ikun diffiċli għall-kontribwenti tat-taxxa biex jikkonformaw mar-regoli. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonċentrat l-isforzi tagħha fuq li tagħmel is-sistema tal-VAT eħfef għan-negozji mal-Ewropa kollha. Pereżempju, fil-bidu tas-sena daħlu fis-seħħ miżuri ġodda biex jiġi ffaċilitat il-fatturar elettroniku kif ukoll dispożizzjonijiet speċjali għan-negozji ż-żgħar (ara IP/12/377), u fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi proposta formola għad-dikjarazzjoni tal-VAT standard għall-UE kollha. Mill-1 ta' Jannar 2015, se jidħol fis-seħħ One Stop Shop għan-negozji li jipprovdu servizzi elettroniċi u servizzi ta' telekomunikazzjoni, li se jippromwovi rispett akbar tar-regoli billi jissimplifika konsiderevolment il-proċeduri tal-VAT għal dawn in-negozji, b'tali mod li jippermettulhom li jissottomettu dikjarazzjoni tal-VAT waħda għall-attivitajiet tagħhom mal-UE kollha (ara IP/12/17).

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-Istati Membri jirriformaw is-sistemi nazzjonali tat-taxxa tagħhom b'tali mod li jkun jiffaċilita r-rispett lejn ir-regoli, li jiskoraġġixxi l-frodi u l-evażjoni, u li jtejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa. Il-Kummissjoni tat gwida ċara f'dan ir-rigward permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (ara SPEECH/13/480). Ir-rapport tal-lum jissuġġerixxi wkoll li sistemi tat-taxxa kkumplikati b'rati diversi jistgħu jikkontribwixxu għal nuqqas ta' konformità mar-regoli. Għalhekk, jaqbel li tingħata attenzjoni partikolari lill-appell imtenni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jestendu l-bażijiet għat-taxxa nazzjonali u biex jillimitaw l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis tat-taxxa. Dan mhux biss ikun jiffaċilita l-issimplifikar tas-sistemi tat-taxxa, iżda jista' jevita lill-Istati Membri żidiet fir-rati standard tal-VAT.

Sfond

F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija komprensiva biex tirriforma s-sistema tal-VAT fl-Ewropa (ara IP/11/1508; MEMO/11/874).

L-aħħar studju li sar dwar id-diskrepanza tal-VAT fl-UE ġie ppubblikat fl-2009, b'ċifri li jkopru l-perjodu 2000-06 (ara IP/09/1655)

Għal aktar tagħrif, ara MEMO/13/800

Ir-rapport sħiħ jinsab hawnhekk:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/publications/studies/index_en.htm

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website