Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 18 ta' Settembru 2013

Miżuri ġodda biex tiġi rkuprata l-fiduċja fil-parametri referenzjarji wara l-iskandli LIBOR u EURIBOR

Il-Kummissjoni llum ipproponiet abbozz ta’ leġiżlazzjoni sabiex tgħin biex tiġi rkuprata l-fiduċja fl-integrità tal-parametri referenzjarji. Parametru referenzjarju huwa indiċi (miżura tal-istatistika), ikkalkulat minn sett rappreżentattiv ta' dejta sottostanti, li jintuża bħala prezz ta' referenza għal strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fond ta' investiment. Ir-regoli l-ġodda se jtejbu r-robustezza u l-affidabbiltà tal-parametri referenzjarji, jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-manipulazzjoni tagħhom u jiċċaraw ir-responsabbiltajiet għall-parametri referenzjarji u għas-superviżjoni mill-awtoritajiet. Dawn jikkumplimentaw il-proposti tal-Kummissjoni, miftiehma mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Ġunju 2013, biex il-manipulazzjoni tal-parametri referenzjarji ssir reat ta' abbuż tas-suq soġġett għal multi amministrattivi stretti (ara MEMO/13/774).

Il-manipulazzjoni tal-London Interbank Offered Rate.(LIBOR) u l-Euro Interbank Offered Rate (EURIBOR) wasslet biex diversi banek fl-Ewropa u fl-Istati Uniti ngħataw multi ta’ bosta' miljuni ta' ewro, u l-allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni tal-punti ta' riferiment tal-komoditajiet (eż. żejt, gass u l-bijofjuwil) u r-rati tal-kambju qegħdin jiġu investigati wkoll. Il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji li jiswew biljuni ta’ euro jiddependu fuq il-parametri referenzjarji, u miljuni ta’ ipoteki fuq residenzi huma wkoll marbuta magħhom. Għaldaqstant, il-manipulazzjoni tal-parametri referenzjarji tista’ tikkawża telf sinifikanti lill-konsumaturi u l-investituri, toħloq distorsjoni fl-ekonomija reali, u tintilef il-fiduċja fis-suq.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: “Il-parametri referenzjarji jinsabu fil-qalba tas-sistema finanzjarja: dawn huma ta' importanza kritika għas-swieq finanzjarji tagħna u kif ukoll għall-ipoteki u t-tfaddil ta’ miljuni ta' ċittadini tagħna, iżda s’issa dawn fil-biċċa l-kbira tagħhom la kienu irregolati u lanqas sorveljati. Il-fiduċja fis-suq sfat imminata mill-iskandli u l-allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni tal-parametri referenzjarji. Dan irid jieqaf: jeħtieġ li nibnu l-fiduċja mill-ġdid. Il-proposti tal-lum se jiżguraw għall-ewwel darba li l-fornituri tal-parametri referenzjarji jridu jiġu awtorizzati u sorveljati; dawn se jżidu t-trasparenza u jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess. Is-superviżuri se jkollhom ukoll is-setgħa li jinsistu fuq il-kontribuzzjonijiet għal parametri referenzjarji kritiċi meta l-vijabilità tagħhom tkun mhedda bl-irtirar tal-kontributuri. Konsegwentement, se tiġi żgurata l-integrità kif ukoll il-kwalità tal-parametri referenzjarji ewlenin.”

L-elementi prinċipali tal-proposta.

Il-proposta hija konformi ma' prinċipji li dwarhom dan l-aħħar intlaħaq qbil fil-livell internazzjonali mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) tkopri varjetà wiesgħa ta’ parametri referenzjarji, mhux biss parametri referenzjarji tal-imgħax bħal LIBOR, iżda wkoll parametri referenzjarji tal-komoditajiet pereżempju. Din tkopri l-parametri kollha li jintużaw bħala referenza għal strumenti finanzjarji elenkat jew negozjat f’ċentru regolat, bħall-enerġija u d-derivattivi tal-munita, dawk li jintużaw f’kuntratti finanzjarji, bħal ipoteki u dawk li huma użati biex titkejjel il-prestazzjoni tal-fondi ta' investiment. Hija tfittex li tindirizza n-nuqqasijiet possibbli f’kull stadju tal-produzzjoni u tal-użu ta’ parametri referenzjarji.

L-għan aħħari huwa li tiġi żgurata l-integrità tal-parametri referenzjarji billi jkun garantit li dawn ma jkunux soġġetti għal kunflitti ta’ interess, li jirriflettu r-realtà ekonomika li huma maħsuba li jkejlu u li jintużaw sew.

B'mod partikolari, il-proposta:

  • ittejjeb il-governanza u l-kontrolli fuq il-proċess tal-parametri referenzjarji

    L-attività tal-forniment ta’ parametri referenzjarji se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel u superviżjoni kontinwa fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. Il-proposta teħtieġ li l-amministraturi jevitaw il-kunflitti ta’ interess fejn possibbli, u jamministrawhom b’mod adegwat fejn dawn ma jistgħux jiġu evitati.

  • ittejjeb il-kwalità tad-dejta mdaħħla u l-metodoloġiji użati mill-amministraturi ta’ referenza

    Hija tirrikjedi li tintuża dejta preċiża u suffiċjenti fid-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji, sabiex ikunu jirrappreżentaw is-suq attwali jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju huwa maħsub li jkejjel. Id-dejta għandha toħroġ minn sorsi affidabbli, u l-parametru referenzjarju għandu jkun ikkalkulat b’mod affidabbli u robust. Dan ifisser ukoll li meta jkun possibbli għandha tintuża dejta minn transazzjonijiet u, meta ma jkunx possibbli, minn stimi vverifikati.

  • tiżgura li l-kontributuri għall-parametri referenzjarji jipprovdu dejta adegwata u jkunu suġġetti għal kontrolli adegwati

    L-amministratur se jipproduċi kodiċi ta’ kondotta li jispeċifika b’mod ċar l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-kontributuri meta dawn jipprovdu dejta ta' input għal xi parametru referenzjarju. Dawn jinkludu obbligi fuq kunflitti ta’ interess marbuta mat-trattament.

  • tiżgura protezzjoni adegwata għall-konsumaturi u l-investituri li jagħmlu użu mill-parametri referenzjarji

    Hija ssaħħaħ it-trasparenza tad-dejta użata għall-kalkolu tal-parametri referenzjarji u tal-mod li bih il-parametru referenzjarju huwa kkalkulat. Se jkun hemm ukoll dikjarazzjoni li tispjega x'għandu jkejjel il-parametru referenzjarju u liema huma l-punti vulnerabbli tiegħu. Il-proposta tirrikjedi wkoll li l-banek jivvalutaw l-idoneità għall-konsumaturi fejn meħtieġ, pereżempju fit-tfassil ta' kuntratti ta' ipoteka;

  • tiżgura s-superviżjoni u l-vijabilità ta' parametri referenzjarji kritiċi

    Parametri referenzjarji kritiċi se jkunu sorveljati minn kulleġġi ta’ superviżuri, immexxija mis-superviżur tal-amministratur tal-parametri referenzjarji u inkluża l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS). F’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil fil-kulleġġ, l-AETS ser tkun tista’ tiddeċiedi b'medjazzjoni vinkolanti. Rekwiżiti addizzjonali huma imposti fuq parametri referenzjarji kritiċi, inkluża s-setgħa għall-awtorità kompetenti rilevanti li tobbliga l-kontribuzzjonijiet.

Banek ċentrali li huma membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni minħabba li diġà għandhom fis-seħħ sistemi li jiżguraw il-konformità mal-għanijiet ta’ dan l-abbozz ta’ Regolament.

L-annessi fihom dispożizzjonijiet iktar dettaljati dwar parametri referenzjarji tal-komoditajiet u parametri referenzjarji tal-imgħax. Il-parametri referenzjarji li d-dejta tal-input tagħhom tkun ipprovduta minn ċentri regolati huma wkoll eżentati minn ċerti obbligi biex tiġi evitata r-regolamentazzjoni doppja.

Ara wkoll MEMO/13/799

Link għall-proposta:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/benchmarks/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site