Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Settembru 2013

Nersqu aktar qrib ta' xulxin, minn fruntiera għall-oħra: Niċċelebraw il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

Il-valur għall-komunitajiet, ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-proġetti transfruntieri, transnazzjonali u interreġjonali tal-Politika Reġjonali tal-UE tinsab din il-ġimgħa fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Il-kampanja, hekk kif qed joqrob il-Jum tal-Kooperazzjoni Ewropea fil-21 ta’ Settembru, qed issir f’mument kritiku.

Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC) tikkostitwixxi parti relattivament żgħira tal-Politika Reġjonali tal-UE. Iżda jekk il-ftehim kurrenti dwar l-iffinanzjar tal-Politika Reġjonali għall-2014-2020 jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-baġit tagħha għandu jiżdied għal EUR 8.9 biljun. Skont ir-riformi l-ġodda tal-Politika Reġjonali, li bħalissa tinsab fl-istadji finali ta’ negozjati, il-programmi tal-ETC se jkunu wkoll aktar iffokati fuq investimenti li joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajbin għal tkabbir fil-futur.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, qal: “Dawn il-programmi u l-proġetti ta’ kooperazzjoni jqarrbu lejn xulxin liċ-ċittadini Ewropej, b'mod li jinxterdu l-ideat minn fruntiera għall-oħra u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi komuni. Għandna mijiet ta’ proġetti tal-ETC fir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE u f’xi reġjuni ġirien barra l-UE. Qegħdin itejbu b'mod attiv il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej minn fruntiera għall-oħra, billi joħolqu l-impjiegi, jipproteġu l-ambjent, isaħħu s-servizzi tal-kura tas-saħħa, u jinvestu fl-infrastuttura tat-trasport u tal-enerġija. Nittama li l-finanzjament li ġie proposta jiġi kkonfermat, sabiex jissaħħaħ ix-xogħol tajjeb li qed jagħmlu u jiġi żgurat ir-ritmu lejn fil-futur.”

Matul din il-ġimgħa se jkun hemm għadd numeruż ta' programmi tal-UE li flimkien, fil-jum tal-21 ta' Settembru u madwaru, se jkunu ta' vetrina tar-riżultati u l-benefiċċji tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni lil hinn mill-fruntieri. Il-firxa tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea hija kisba fiha nnifisha. Din testendi minn proġetti fil-livell ta' komunità li tgħaqqad in-nies fl-Irlanda ta’ Fuq u fir-reġjun konfinali tal-Irlanda, għal attivitajiet konġunti li jservu ta’ pont bejn il-komunitajiet pereżempju fl-Awstrija u s-Slovenja, għal strateġiji usa' fit-trasport jew għall-ambjentali li jġibu flimkien Stati Membri tal-UE ma' reġjuni, bħalma hu qed jiġri fil-Balkani. Għat-tieni sena, se jkun hemm aktar minn 100 avveniment fi 30 pajjiż, biex titqajjem kuxjenza tal-impatt pożittiv tal-kooperazzjoni permezz tal-politika reġjonali tal-UE.

Fid-19 ta’ Settembru, il-Kummissarju Hahn se jkun fuq Twitter biex jiddibatti dwar il-valur tal-politika reġjonali tal-UE minn fruntiera għall-oħra, mis-2 pm sat-3 pm. Diġà jista' wieħed jibda jibgħat il-mistoqsijiet billi jdaħħal il-frazijiet #EUChat u #ecday lil @JHahnEU.

L-isfond

Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija objettiv ċentrali fil-Politika Reġjonali tal-UE. Reġjuni u bliet minn Stati Membri differenti tal-UE huma mħeġġa jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin permezz ta’ programmi, proġetti u netwerks konġunti. It-tipi ewlenin ta’ programm ta’ kooperazzjoni huma:

  1. programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera matul il-fruntieri interni tal-UE.

  2. programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali li jkopru oqsma akbar ta' kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-istrateġiji makroreġjonali fid-Danubju u l-Baġar Baltiku.

  3. programm ta' kooperazzjoni interreġjonali (INTERREG IVC) u tliet programmi ta' networking (Urbact II, INTERACT II u ESPON) li jkopru 28 Stat membru tal-UE. Dawn jipprovdu qafas għall-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-entitajiet reġjonali u lokali f’pajjiżi differenti.

Il-kampanja Jum il-KE hija kkoordinata mill-programm INTERACT bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Aktar tagħrif

  1. Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

  2. www.ecday.eu

  3. Il-proġetti ewlenintal-KE

  4. Il-websajt tal-Kummissarju Hahn, Twitter: @JHahnEU

Il-Jum tal-Kooperazzjoni Ewropea fuq Facebook u Twitter (#ecday)

Kuntatti:

Shirin Wheeler +32 229 66565; Mob +32 4607 66565

Annemarie Huber +32 229 93310; Mob +32 4607 93310


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website