Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, 17 ta' Settembru 2013 Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva kontra s-sustanzi ewforizzanti legali Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li ssaħħaħ l-abbiltà tal-Unjoni Ewropea biex tittratta s-‘sustanzi ewforizzanti legali’ — sustanzi psikoattivi ġodda użati bħala alternattivi għal drogi illeċiti bħall-kokaina u l-ekstasi. Skont ir-regoli proposti tal-lum mill-Kummissjoni, sustanzi psikoattivi li jagħmlu l-ħsara se jitneħħew malajr mis-suq, mingħajr ma jiġu pperikolati l-bosta użi industrijali u kummerċjali leġittimi tagħhom. Il-proposti jsegwu twissijiet mill-Aġenzija tal-UE għad-Drogi (l-EMCDDA) u mill-Europol dwar il-kobor tal-problema u minn rapport tal-2011 li osserva li l-mekkaniżmu attwali tal-UE sabiex jiġu indirizzati sustanzi psikoattivi ġodda jeħtieġ li jissaħħaħ (IP/11/1236). Il-proposta tal-lum kienet ippreżentata mill-Viċi President Reding, flimkien mal-Viċi President Tajani u l-Kummissarju Borg. “Is-sustanzi psikoattivi ġodda huma problema li dejjem qed tikber fl-Ewropa u huma ż-żgħażagħ li jinsabu l-aktar f’riskju. B’suq intern mingħajr fruntieri, neħtieġu regoli komuni tal-UE biex din il-problema tiġi indirizzata,"qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Illum qed nipproponu leġiżlazzjoni tal-UE b’saħħitha dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda sabiex l-UE tkun tista’ tipprovdi reazzjoni aktar rapida u effettiva, inkluż l-abbiltà li s-sustanzi perikolużi jitneħħew minnufih mis-suq fuq bażi temporanja.” Is-sustanzi psikoattivi ġodda huma problema li dejjem qed tikber. L-għadd ta’ sustanzi psikoattivi ġodda li nstabu fl-UE ttripla bejn l-2009 u l-2012. S’issa fl-2013, aktar minn sustanza waħda ġdida kienet qed tiġi irrapportata kull ġimgħa. Din hija problema li tirrikjedi rispons Ewropew. Is-sustanzi qed ikunu dejjem aktar disponibbli fuq l-internet u qed jinfirxu malajr fost il-pajjiżi tal-UE: 80 % ta’ sustanzi psikoattivi ġodda jinsabu f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija l-aktar f'riskju: l-Ewrobarometru tal-2011 dwar "L-Attitudnijiet taż-żgħażagħ lejn id-drogi" juri li medja ta' 5 % taż-żgħażagħ fl-UE għamlu użu minn dawn is-sustanzi mill-anqas darba f'ħajjithom, b'massimu ta' 16 % fl-Irlanda, u qrib l-10 % fil-Polonja, il-Latvja u r-Renju Unit. Dawn is-sustanzi joħolqu riskji kbar għas-saħħa pubblika u għas-soċjetà inġenerali (ara l-Anness 2). Il-konsum tas-sustanzi psikoattivi ġodda jista' jkunu fatali. Pereżempju, is-sustanza 5-IT allegatament qatlet 24 persuna f’erba’ pajjiżi tal-UE, fi żmien ħames xhur biss, bejn April u Awwissu tal-2012. 4-MA, sustanza li tixbah lill-amfetamina, kienet biss biss assoċjata ma' 21 imwiet f'erba' pajjiżi tal-UE bejn l-2010 u l-2012.''. Ir-reazzjoni tal-Ewropa jeħtieġ li tkun qawwija u deċiżiva. Is-sistema attwali, stabbilita fl-2005, tas-sejbien u l-projbizzjoni ta' dawn il-mediċini l-ġodda m'għadhiex adattata għall-għan maħsub. Il-proposta tal-Kummissjoni se ttejjeb u tħaffef l-abbiltà tal-Unjoni biex tiġġieled kontra s-sustanzi psikoattivi ġodda billi tipprovdi:
Il-proposti tal-Kummissjoni issa jridu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex isiru liġi. Sfond L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi għall-2013-2020 tistabbilixxi l-prijoritajiet għal politika tal-UE dwar id-drogi. Din tidentifika l-ħolqien u t-tixrid mgħaġġel tas-sustanzi psikoattivi ġodda bħala sfida ġdida li teħtieġ li tiġi indirizzata b’mod vigoruż, anki permezz tat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. F’dawn l-aħħar snin, bħala medja, sustanza waħda psikoattiva ġdida kienet qed tiġi individwata kull ġimgħa fl-UE, u n-numri huma mistennija li se jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Mill-1997, l-Istati Membri sabu aktar minn 300 sustanza u l-għadd tagħhom ittrippla bejn l-2009 u l-2012 (minn 24 fl-2009 sa 73 fl-2012). Skont l-istrument eżistenti tal-UE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Istati Membri li drogi ġodda jkunu soġġetti għal miżuri kriminali. Bis-saħħa ta' dan il-mekkaniżmu, disa' sustanzi ġew sottomessi għal miżuri ta’ restrizzjoni u sanzjonijiet kriminali. Fl-2010, il-Kummissjoni proponiet u kisbet projbizzjoni madwar l-UE kollha tad-droga li tixbah l-estasi, il-mefedron (MEMO/10/646) u fil-bidu tal-2013 fuq id-droga li tixbah l-amfetamina, il-4-MA (IP/13/75). F’Ġunju tal-2013 il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tipprojbixxi d-droga sintetika '5-IT' (IP/13/604). Rapport tal-2011 isostni li s-sistema attwali tħabtet biex tlaħħaq man-numri kbar ta’ sustanzi ġodda li qed ifiġġu fis-suq. Sabiex sustanza waħda titressaq għal miżuri restrittivi jeħtieġ sentejn. Il-kriminali jistgħu mbagħad jevitaw il-miżuri ta’ kontroll permezz ta’ bidliet limitati fl-istruttura kimika tas-sustanza li ma jnaqqsux l-effetti serji tagħha li jagħmlu ħsara. Barra minn hekk, in-natura binarja tas-sistema attwali, miżuri kriminali jew l-ebda azzjoni, tfixkel l-abbiltà tal-Unjoni biex taġixxi. Din għandha nuqqas ta' firxa ta’ għażliet effettivi għall-miżuri ta’ kontroll li jippermettu azzjoni rapida u mmirata. Il-proposti tal-lum jirrispondu għat-twissijiet persistenti miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-Europol. Dawn jirrispondu wkoll għas-sejħiet mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri (ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill 2011) biex jaġġornaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387. Aktar informazzjoni Il-Kummissjoni Ewropea - Politika dwar il-kontroll tad-droga: http://ec.europa.eu/justice/anti-drugs/index_mt.htm L-Ewrobarometru 2011 dwar l-"Attitudnijiet taż-żgħażagħ dwar id-drogi" http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_330_en.pdf Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga "Ir-Rapport Ewropew dwar id-Drogi" 2013: http://www.emcdda.europa.eu/edr2013 Is-sit elettroniku ta' Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)
Anness 1 ![]() Anness 2 It-tixrid ta’ sustanzi psikoattivi ġodda (SPĠ) madwar l-UE
Sorsi: EMCDDA, Bażi ta' Dejta Ewropea dwar Drogi Ġodda, u l-Kummissjoni Ewropea, l-Ewrobarometru Flash 330, L-Attitudnijiet taż-żgħażagħ dwar id-drogi, 2011. L-Istati Membri m'għandhomx l-obbligu li jinnotifikaw lill-EMCDDA bl-SPĠ (Sustanzi Psikoattivi Ġodda) kollha li jiġu osservati iżda huma qed jiġu mħeġġa jagħmlu dan. Għaldaqstant, l-għadd ta' SPĠ li jinsabu f'kull Stat Membru probabbli jkun ogħla. L-ewwel notifika lill-EMCDDA tas-sustanza. |
Side Bar