Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-President Barroso u Edmund Stoiber jappellaw lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi għat-tnaqqis tal-burokrazija għal SMEs u biex itejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom

Commission Européenne - IP/13/836   19/09/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Settembru 2013

Il-President Barroso u Edmund Stoiber jappellaw lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi għat-tnaqqis tal-burokrazija għal SMEs u biex itejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom

Illum, il-President Barroso ddiskuta modi ta' kif jistgħu jingħataw spinta t-tkabbir u l-impjiegi mal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, presedut minn Dr Edmund Stoiber, l-eks Prim Ministru tal-Bavarja. Bis-saħħa tat-tnaqqis tal-burokrazija fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni qed tgħin lill-intrapriżi, b’mod partikulari l-intrapriżi ż-żgħar, biex jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq l-attivitajiet ċentrali tagħhom minflok li jqattgħu l-ħin u jonfqu l-flus fuq burokrazija żejda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri sabiex dawn jikkondividu l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li sa terz tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji li ġejjin mil-leġiżlazzjoni tal-UE jinbtu meta r-rekwiżiti tal-UE jiġu implimentati fil-livell nazzjonali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso qal: "Fl-aħħar ħames snin il-Kummissjoni inizjalat miżuri li jnaqqsu l-burokrazija għan-negozji tal-UE għall-valur li jlaħħaq sa EUR 32.5 biljun fis-sena. Jeħtieġ li nikkooperaw mill-qrib mal-Istati Membri biex niżguraw li dan l-iffrankar ikun ta' għajnuna konkreta għan-negozji. Lejn il-bidu ta’ Ottubru, il-Kummissjoni se tippreżenta l-passi li jmiss li bihom il-leġiżlazzjoni tal-UE ssir adattata għall-iskop tagħha u li naqqsu l-piżijiet fuq il-kumpaniji, b’mod partikolari fuq l-SMEs. Dawn l-isforzi huma essenzjali biex l-Ewropa terġa' titqiegħed fuq it-triq it-tajba u biex jiġu ġġenerati aktar tkabbir u impjiegi."

Il-President tal-Grupp ta’ Livell għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi, Dr Edmund Stoiber, esprima sodisfazzjon bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u qal: "Huwa suċċess konsiderevoli li l-mira ambizzjuża ta' tnaqqis ta’ 25 % inqabżet, u laħqet 26.1 %. B'din il-kisba impressjonanti, l-intrapriżi fl-Ewropa qed jiffaċċjaw madwar EUR 32.3 biljun anqas bħala piż amministrattiv. Madankollu huwa saħansitra aktar importanti għall-ġejjieni li qed tinbidel il-mentalità fi ħdan il-Kummissjoni, b'mod li internament ikun jista' jiġi eżaminat l-impatt burokratiku ta’ kull waħda mill-proposti tagħha u biex ikun jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni."

Matul il-laqgħa tal-lum mal-grupp ta’ Livell Għoli, il-President Barroso fakkar fit-tlestija b’suċċess tal-Programm ta’ Azzjoni tal-UE għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u rringrazzja lill-grupp għall-appoġġ tiegħu. Il-mira ta' tnaqqis ta’ 25 % li kienet fil-Programm ta’ Azzjoni inkisbet u inqabżet bl-adozzjoni, sa issa, ta' miżuri li jiswew EUR 32.3 biljun (26.1 %) mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-miżuri jinkludu l-bidla għal sistema ta’ fatturazzjoni tal-VAT kompletament elettronika u t-tnaqqis tal-għadd ta’ kumpaniji obbligati li jipprovdu dejta għal statistika tal-kummerċ fi ħdan l-UE. Din l-aħħar inizjattiva, adottata f’Ġunju ta’ din is-sena, tkompli tissemplifika r-regoli tal-kontabbiltà għal kumpaniji żgħar (b’massimu ta’ 50 impjegat), biex bis-saħħa ta' hekk dawn jiffrankaw madwar EUR 1.5 biljun.

Il-President Barroso saħaq li l-Kummissjoni qed tagħti spinta lill-aġenda tar-regolamentazzjoni intelliġenti permezz tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT), imnedija f’Diċembru 2012. F’dawn l-aħħar sitt xhur, ġie skrutinat il-korp kollu tal-leġiżazzjoni tal-UE biex jiġu identifikati aktar possibbiltajiet ta' simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż, b’enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji għall-SMEs. Il-Kummissjoni diġà qiegħda tieħu azzjoni għar-rigward tal-ogħla 10 liġijiet tal-UE li huma ta' piż, kif identifikati minn SMEs u minn organizzazzjonijiet tan-negozju f’eżerċizzju wiesa' ta' konsultazzjoni minn Ottubru sa Diċembru 2012. REFIT qiegħed ukoll jagħmel segwitu għall-Programm għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi sabiex jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni hix qed tiġi implimentata fl-Istati Membri b’mod li tkun ta' għajnuna konkreta għan-negozji.

Is-Sur Stoiber ħeġġeġ lill-Kunsill biex isegwi l-eżempju tal-Kummissjoni u saħaq li filwaqt li l-Parlament Ewropew qed jifforma unità tal-valutazzjoni tal-impatt, ma hemm l-ebda kontroll simili fuq il-burokrazija fil-Kunsill. Jekk l-UE tassew beħsiebha tiġġieled kontra l-piż amministrattiv eċċessiv, dan irid jinbidel. Barra minn hekk, is-Sur Stoiber ikkritika bil-qawwa lil xi Stati Membri għaliex uħud minnhom mhumiex ambizzjużi u ma jużawx il-ħafna opportunitajiet biex jitnaqqas il-piż amministrattiv offrut mill-UE. Skont is-Sur Stoiber din is-sitwazzjoni għandha titjieb u jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Parlament dejjem jirreferu għaliha fil-kuntatti tagħhom mal-pajjiżi kkonċernati.

L-isfond:

L-isforzi tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-piż regolatorju, inkluż il-piż amministrattiv, huma parti mill-aġenda għal regolamentazzjoni intelliġenti. Ir-regolamentazzjoni intelliġenti għandha l-għan li tiżgura li l-liġijiet Ewropej ikunu ta' benefiċċju għan-nies u għan-negozji bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli. Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ d-diversi strumenti ta’ regolamentazzjoni intelliġenti li għandha (il-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjonijiet, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati) u nediet, f’Diċembru 2012, tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li jibni fuq l-esperjenza fl-evalwazzjoni u t-tnaqqas tal-piżijiet amministrattivi. Bis-saħħa ta' REFIT, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu evalwazzjonijiet dettaljati tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE biex jidentifikaw il-piżijiet, il-lakuni u l-miżuri ineffiċjenti jew ineffettivi, u l-possibbiltajiet sabiex dawn jiġu ssimplifikati, mnaqqsa jew imħassra. Fi ħdan REFIT, il-Kummissjoni tagħti importanza partikolari fuq l-imminimizzar tal-piżijiet regolatorji, speċifikament għall-SMEs (inklużi t-test tal-SMEs, l-aktar 10 liġijiet tal-UE li huma ta' piż għall-SMEs, it-tabella ta’ valutazzjoni tar-riżultati, in-Netwerk tar-Rappreżentant tal-SMEs).

Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Piżijiet Amministrattivi jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-piżijiet amministrattivi mpoġġija fuq in-negozju. Il-grupp jikkonsisti minn 14-il membru, li sebgħa minnhom ingħaqdu mal-grupp din is-sena wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Taħt il-mandat il-ġdid tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2012, il-grupp se jkompli l-ħidma tiegħu sal-31 ta’ Ottubru 2014. Il-ħidma se tiffoka fuq it-tnaqqis tal-piż għall-SMEs u fuq segwitu mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri adottati skont il-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE, minħabba li l-benefiċċji mhumiex se jimmaterjalizzaw qabel ma l-programm ta' azzjoni jiġi implimentat b’suċċess. Il-grupp jistieden b’mod regolari lis-sidien ta’ negozji żgħar biex jiddiskutu l-isfidi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, huwa jagħmel skambji ta’ opinjonijiet u esperjenza dwar kwistjonijiet ta' tnaqqis tal-piżijiet ma’ kummissarji u mas-servizzi tal-Kummissjoni, inkluż mal-Kummissarji Andor, Barnier, Cioloş, Geoghegan-Quinn, Kallas, Oettinger, Potočnik u Šemeta.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/13/786: "Inizjattivi tal-Kummissjoni biex titnaqqas il-burokrazija u l-piż regolatorju — Mistoqsijiet u tweġibiet"

MEMO/13/787: "Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi — Mistoqsijiet u tweġibiet"

Żur il-websajt tal-Kummissjoni dwar ir-regolamentazzjoni intelligenti

http://ec.europa.eu/smart-regulation/index_mt.htm

Żur il-websajt tal-Grupp ta' Livell Għoli

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/ind_stakeholders/ind_stakeholders_en.htm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site