Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Settembru 2013

L-Ambjent: Il-Ġimgħa tal-Mobilità tipprevedi arja aktar nadifa permezz ta' trasport urban alternattiv

Aktar minn 2,000 belt Ewropea huma mistennija li jipparteċipaw fit-12-il edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, li tibda llum. Din is-sena, il-ġimgħa li għandha s-slogan "Arja nadifa – F'idejk!” se tibqa’ għaddejja sat-22 ta’ Settembru. Il-kampanja tqajjem kuxjenza dwar l-impatt tat-trasport fuq il-kwalità tal-arja lokali, u tinkoraġġixxi liċ-ċittadini jtejbu saħħithom u l-benessri tagħhom billi jibdlu x-xejriet tal-mobilità ta’ kuljum tagħhom.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, qal: ”Din is-sena se niffokaw fuq l-impatt tal-għażliet ta’ kuljum tagħna fuq l-arja u fuq saħħitna. L-ibliet għandhom parti importanti fit-titjib tal-għażliet tat-trasport. Billi nqajmu kuxjenza u noffru alternattivi aktar ekoloġiċi, il-bliet jistgħu jsiru postijiet aktar attraenti biex iċ-ċittadini jgħixu fihom. Meta niġu għall-arja nadifa, f'idejk!”

Siim Kallas, il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport u l-Mobilità, qal: “Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità ta' din is-sena u d-dokument li jakkumpanjaha dwar il-kampanja Agħmel Taħlita Tajba (Do the Right Mix) ifakkruna li kollha kemm aħna għandna parti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja urbana. Jekk inbiddlu d-drawwiet tagħna, pereżempju billi nivvjaġġaw bir-rota minflok bil-karozza, jew nagħżlu t-trasport pubbliku, nistgħu ntejbu l-kwalità ta' ħajjitna.”

L-edizzjoni tal-2013 se sseħħ fi żmien meta dawk li jfasslu l-politika tal-UE qegħdin janalizzaw il-politika dwar l-arja bil-għan li jniedu strateġija riveduta aktar tard din is-sena. L-arja ta' kwalità ħażina għadha tħalli impatt kbir fuq is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, u twassal għal kumplikazzjonijiet kardijaċi u respiratorji, imwiet prematuri u stennija tal-għomor iqsar. It-tniġġis tal-arja jaffettwa wkoll l-ambjent, jirriżulta f’aċidifikazzjoni, telf tal-bijodiversità, eżawriment tal-ożonu, u tibdil fil-klima.

It-traffiku urban huwa sors dejjem jikber ta’ tniġġis tal-arja – speċjalment meta niġu għal materja partikulata u d-diossidu tan-nitroġenu. Ħafna drabi l-awtoritajiet lokali għandhom ir-responsabbiltà li jiżviluppaw strateġiji tat-trasport urban li jissodisfaw id-domanda tal-mobilità, iħarsu l-ambjent, itejbu l-kwalità tal-arja u jagħmlu l-belt post aħjar fejn ngħixu.

Bis-slogan “Arja nadifa – F'idejk!” – il-ġimgħa Ewropea tal-Mobilità qed tenfasizza li kollha kemm aħna għandna rwol x’naqdu, u li anke bidliet żgħar, bħal aktar għażliet biex in-nies jużaw it-trasport pubbliku, jaqsmu l-vjaġġ, jivvjaġġaw bir-rota minflok bil-karozza, jew sempliċiment jimxu, jistgħu jtejbu l-kwalità ta’ ħajja fil-bliet Ewropej.

Il-kuntest

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità hija kampanja annwali dwar il-mobilità urbana sostenibbli, organizzata bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kampanja, li ssir bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru ta' kull sena, għandha l-għan li tħeġġeġ l-awtoritajiet lokali Ewropej biex jintroduċu u jippromwovu miżuri ta’ trasport sostenibbli, u tistieden liċ-ċittadini biex jipprovaw alternattivi għall-karozzi privati.

Il-vjaġġ tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità beda fl-1998 bil-jum Franċiż “Fil-Belt mingħajr il-Karozza!” Din l-inizjattiva għadha ssir f’Settembru ta' kull sena biex tħeġġeġ lill-bliet u l-irħula jagħlqu t-toroq għall-vetturi bil-mutur għal jum wieħed. Dan jippermetti liċ-ċittadini jaraw perspettiva oħra tal-bliet u l-irħula tagħhom, filwaqt li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ mezzi sostenibbli tat-trasport u tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-impatti ambjentali tal-għażliet taċ-ċittadini fil-mezzi tat-trasport. Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva Franċiża wassal għat-tnedija tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità fl-2002.

Minn dakinhar, l-impatt tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità kiber madwar l-Ewropa u madwar id-dinja. Fl-2012, 2,158 belt li jirrappreżentaw 147.6 miljun ċittadin irreġistraw għal din il-kampanja. Total ta’ 7,717-il miżura permanenti ġew implimentati, li b'mod ġenerali ffukaw l-aktar fuq l-infrastruttura għaċ-ċikliżmu u l-mixi, il-moderazzjoni tat-traffiku, it-titjib tal-aċċessibbiltà għat-trasport u l-kuxjenza dwar l-imġiba sostenibbli fl-ivvjaġġar.

L-awtoritajiet lokali Ewropej ġew mistiedna jiffirmaw il-Karta dwar il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u jippubblikaw il-programmi tagħhom fuq is-sit: www.mobilityweek.eu. Il-bliet u l-irħula li qed jippjanaw ġimgha sħiħa ta’ avvenimenti bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru, bl-introduzzjoni ta' miżuri permanenti u t-twaqqif ta' ġurnata ħielsa mill-karozzi jistgħu japplikaw ukoll għall-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u jingħaqdu mar-rebbieħa tal-premjijiet preċedenti li huma Zagreb (il-Kroazja), Bologna (l-Italja), Gävle (l-Isvezja) u Budapest (l-Ungerija).

Għal aktar informazzjoni:

http://www.mobilityweek.eu/

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website