Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Futur tal-Ewropa: Il-Viċi-President Viviane Reding tiddibatti maċ-ċittadini f’Sofija

European Commission - IP/13/830   12/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-12 ta' settembru 2013

Il-Futur tal-Ewropa: Il-Viċi-President Viviane Reding tiddibatti maċ-ċittadini f’Sofija

Jumejn biss wara li l-President José Manuel Barroso għamel id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa se jitkompla f'Namur. Fit-13 ta’ Settembru, il-Viċi-President Viviane Reding u Ministru-President tal-Wallonja u tal-federazzjoni ta' Wallonja-Brussell, Rudy Demotte, se jiddiskutu ma' aktar minn 350 ċittadin, li ħafna minnhom huma żgħażagħ, it-triq biex l-Ewropa tinħareġ mill-kriżi ekonomika, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ġejjieni tal-Ewropa.

"Fi ftit iktar minn 8 xhur, il-Belġjani u ċittadini madwar l-Ewropa se joħorġu jivvutaw għall-ġejjieni tal-Ewropa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2014," qalet il-Viċi President Viviane Reding. “Nemmen li din hija opportunità unika fejn iċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom u permezz ta' dan jiżviluppaw u jsaħħu sistema parlamentari reali fl-Unjoni tagħna. Qed nistenna bil-ħerqa biex nisma' l-ideat ġodda taż-żgħażagħ miġbura f'Namur, l-opinjonijiet tagħhom dwar l-Ewropa u kif għandha tkun." Din it-taħdita maż-żgħażagħ, li se jivvutaw għall-ewwel darba f'ħajjithom, se tkun partikolarment interessanti".

Id-djalogu maċ-Ċittadini f'Namur isegwi dibattiti li saru f'Ghent (12/04), f'Eupen (23/04), fi Brussels (04/05), f'Antwerp (08/05) u f'Genk (28/06). Flimkien, il-Viċi President Viviane Reding u l-Ministru-President Demotte se jitkellmu dwar il-futur tal-Ewropa maċ-ċittadini u mal-istudenti tal-iskejjel sekondarji lokali li dalwaqt se jkollhom l-età biex jivvutaw. Se jiffokaw fuq kwistjonijiet ta’ interess partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum.

“Din hija inizjattiva pożittiva ħafna, għaliex iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom, jesponu l-viżjoni tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa u jikkomunikaw x’qed jistennew fi żmien qasir u medju. Se tgħin liċ-ċittadini jifhmu d-drittijiet tagħhom u se turi r-rwol importanti li l-Ewropa għandha fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Matul dan l-iskambju ta’ fehmiet, se jkun partikolarment interessanti l-paragun bejn l-opinjonijiet differenti tas-soċjetà skont il-kulturi u l-ġenerazzjonijiet," osservat Rudy Demotte, il-Ministru-President tal-Wallonja u tal-Federazzjoni ta' Wallonja-Brussell.

id-dibattitu se jseħħ fil-kuntest tal-Fêtes de Wallonie /Colloque Jeunes" nhar il-Ġimgħa 13 ta' Settembru bejn is-14:30 u l-15:45 fil-kumpless taċ-ċinema Acinapolis de Namur (Jambes).

L-avveniment jista' jiġi segwit f'xandira diretta permezz tal-webstream. Iċ-ċittadini Ewropej li ma jkunux jistgħu jattendu għall-avveniment personalment jistgħu jibagħtu l-mistoqsijiet tagħhom permezz ta’ Twitter billi jużaw hash tag #EUDeb8. Fil-jiem ta' qabel id-djalogu, jistgħu jintbagħtu mistoqsijiet fuq Facebook u fuq il-websajt tal-konferenza taż-żgħażagħ.

Il-kuntest

Fiex jikkonsistu d-djalogi maċ-ċittadini?

F'Jannar, il-Kummissjoni Ewropea nediet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/13/2), sena dedikata għaċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom. Matul din is-sena u s-sena d-dieħla, il-membri tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma’ politiċi nazzjonali u lokali kif ukoll membri tal-Parlament Ewropew se jorganizzaw dibattiti maċ-ċittadini dwar l-aspettattivi tagħhom għall-ġejjieni fi Djalogi maċ-Ċittadini fl-UE kollha.

Il-Viċi President Reding diġa kellha dibattiti f'Cádiz (Spanja), fi Graz (l-Awstrija), f'Berlin (il-Ġermanja), f'Dublin (l-Irlanda), f'Coimbra (il-Portugall), fit-Tessalonika (il-Greċja), fi Brussell (il-Belġju) u f'Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu), f'Warsaw (il-Polonja), f'Heidelberg (il-Ġermanja) u f'Sofia (il-Bulgarija). Matul l-2013 u fl-ewwel ftit xhur tal-2014 se jsiru ħafna aktar Djalogi fl-Unjoni Ewropea - li se jaraw lill-politiċi Ewropej, nazzjonali u lokali involuti f’dibattiti maċ-ċittadini minn kull qasam tal-ħajja. Tista’ ssegwi d-Djalogi kollha hawnhekk: http://ec.europa.eu/european-debate.

Il-kisbiet f’dawn l-aħħar għoxrin sena, minn meta ddaħħlet iċ-Ċittadinanza tal-UE, kienu ħafna: L-aħħar stħarriġ tal-UE juri li llum 71% taċ-ċittadini Belġjani jħossuhom "Ewropej" (il-medja tal-UE hija 63%). Kuljum, fl-UE ċ-ċittadini qegħdin jużaw id-drittijiet tagħhom. Imma n-nies mhumiex dejjem konxji minn dawn id-drittijiet. Pereżempju, madwar sitta minn kull għaxar Belġjani (61 %) jgħidu li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni għamlet l-2013 is-sena Ewropea taċ-Ċittadini. Din is-sena tpoġġew fiċ-ċentru d-Djalogi taċ-Ċittadini.

Għaliex il-Kummissjoni qiegħda tagħmel dan proprju issa?

Għaliex l-Ewropa tinsab f'salib it-toroq. Il-futur tal-Ewropa huwa fuq fomm kulħadd – b’bosta li qed jitkellmu dwar unjoni politika, Federazzjoni ta’ Stati Nazzjon jew Stati Uniti tal-Ewropa. Ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu deċiżivi għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Aktar integrazzjoni Ewropea trid timxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni. Li ċ-ċittadini jingħataw vuċi diretta f’dan id-dibattitu huwa għalhekk iktar importanti minn qatt qabel.

X'se jkun ir-riżultat tad-Djalogi?

Ir-rispons mingħand iċ-ċittadini matul id-Djalogi se jgħin biex il-Kummissjoni jkollha gwida waqt it-tfassil ta' Komunikazzjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tad-Djalogi se jkun ukoll sabiex titwitta t-triq għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Fit-8 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tieni Rapport tagħha dwar iċ-Ċittadinanza, li jipproponi 12-il miżura konkreta ġdida bħala soluzzjonijiet għall-problemi li ċ-ċittadini għad għandhom (IP/13/410 u MEMO/13/409). Ir-Rapport taċ-Ċittadini huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal konsultazzjoni kbira permezz tal-internet li saret f'Mejju 2012(IP/12/461) u għall-mistoqsijiet li tqajmu kif ukoll għas-suġġerimenti li saru fid-Djalogi taċ-Ċittadini dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-futur tagħhom.

Se jkun hemm opportunità oħra sabiex niddibattu mal-Kummissarji fil-Belġju?

L-avvenimenti li jmiss fil-Belġju jinkludu avveniment fi Brussell fit-22 ta’ Settembru, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Dacian Ciolos; f'Liège fis-17 ta' Ottubru, bil-parteċipazzjoni tal-President José Manuel Barroso, il-Ministru Belġjan għall-Affarijiet Barranin Didier Reynders u l-Ministru tal-Wallonja għall-Ekonomija u l-Finanzi Jean-Claude Marcourt; u, fl-aħħar nett f'BOZAR fi Brussell fil-5 ta’ Diċembru, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Androulla Vassiliou, id-Direttur ta’ BOZAR Paul Dujardin, u l-President tal-Fondazzjoni Europa Nostra, Placido Domingo.

Għal aktar tagħrif

Aktar tagħrif dwar id-djalogu ta' Namur:

http://ec.europa.eu/debate-future-europe/citizens-dialogues/belgium/namur/index_en.htm

Dibattiti maċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/debate-future-europe

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://europa.eu/citizens-2013

L-Ewropej jgħidu tagħhom: Ir-riżultati tad-djalogi dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/eu-citizen-brochure_en.pdf

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Biex tikkontribwixxi għad-dibattitu fuq Facebook:

https://www.facebook.com/ECrepBE u fuq Twitter: @EU4BE and #EUdeb8

ANNESS

1. Il-Belġjani jgħidu li l-UE qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tieħu azzjoni effettiva kontra l-kriżi

Sors: Ewrobarometru, Standard 79 — ta’ Mejju 2013

2. Sebgħa minn kull għaxar Belġjani jħossuhom ċittadin tal-UE, madanakollu inqas minn nofshom jafu liema inhuma d-drittijiet tagħhom

Sors: Ewrobarometru, Standard 79 — ta’ Mejju 2013

3. Il-paċi fost l-Istati Membri hija l-aktar riżultat pożittiv tal-UE skont il-Belġjani

Ewrobarometru Standard 79 — ta’ Mejju 2013

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website