Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi pass kbir ’il quddiem għal suq uniku tat-telekomunikazzjoni

Commission Européenne - IP/13/828   11/09/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Settembru 2013

Il-Kummissjoni tipproponi pass kbir ’il quddiem għal suq uniku tat-telekomunikazzjoni

  • Pjanijiet għal mowbajls bla roaming mal-UE kollha;

  • Regoli aktar sempliċi biex jgħinu lill-kumpaniji jinvestu aktar u jespandu lil hinn mill-fruntieri;

  • L-ewwel ħarsien tan-newtralità tal-internet li qatt kien hemm fl-UE kollha;

  • Jitneħħew il-primjums għas-sejħiet internazzjonali fl-Ewropa

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat l-aktar pjan ambizzjuż tagħha f'26 sena ta' riforma fis-suq tat-telekomunikazzjoni. Il-pakkett leġiżlattiv "Kontinent Konness", li tnieda mill-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso waqt id-diskors tiegħu tal-2013 dwar l-Istat tal-Unjoni sejjer, meta jiġi adottat, inaqqas l-imposti fuq il-konsumaturi, jissimplifika l-burokrazija li jħabbtu wiċċhom magħha l-kumpaniji, u jwassal għal firxa ta' drittijiet ġodda kemm għall-utenti kif ukoll għall-provdituri tas-servizzi, sabiex l-Ewropa tkun tista' tkun għal darb'oħra mexxej diġitali globali.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal: “Hemm bżonn ta' aktar progress sostanzjali biex jinkiseb suq uniku Ewropew għat-telekomunikazzjoni fl-interessi strateġiċi tal-Ewropa u għall-progress ekonomiku. Għas-settur tat-telekomunikazzjoni nnifsu u għaċ-ċittadini li huma frustrati li ma għandhomx aċċess sħiħ u ġust għall-internet u għas-servizzi mobbli.

Il-Viċi President, Neelie Kroes, il-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali responsabbli milll-pakkett, qalet: "Il-leġiżlazzjoni proposta llum hija aħbar tajba għall-futur tal-mowbajls u tal-internet fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea tgħid le għall-primjums tar-roaming, iva għan-newtralità tal-internet, iva għall-investiment, iva għall-impjiegi ġodda. Li nirranġaw is-settur tat-telekomunikazzjoni ma għadux ifisser li nirranġaw dan is-settur biss, iżda minflok li nappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli tas-setturi kollha." Is-settur tat-telekomunikazzjoni jirrappreżenta biss 9% tal-ekonomija diġitali tal-Ewropa peress li kull ma jmur is-setturi kollha qed jiddependu dejjem aktar fuq il-konnettività biex ikunu kompetittivi fuq bażi globali u biex jipprovdu s-servizzi.

Filwaqt li mewġa wara l-oħra ta' riformi mill-Unjoni Ewropea għenu biex ibiddlu l-mod ta’ kif jiġu provduti s-servizzi tat-telekomunikazzjoni fl-Unjoni Ewropea, is-settur għadu jopera l-aktar abbażi ta' 28 suq nazzjonali. M'hemm l-ebda kumpanija tat-telekomunikazzjoni li topera fl-UE kollha, u kemm l-operaturi kif ukoll il-konsumaturi jiffaċċjaw prezzijiet u regoli li jvarjaw.

Biex nindirizzaw din il-problema, l-elementi ewlenin tal-pakkett tal-lum huma:

L-issimplifikar tar-regoli tal-UE għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni

Awtorizzazzjoni waħda biex wieħed ikun jista' jopera fit-28 Stat Membru kollha (minflok 28 awtorizzazzjoni), limitu legali eżiġenti għar-regolamentazzjoni tas-swieq sekondarji tat-telekomunikazzjoni (li għandu jwassal għal tnaqqis fl-għadd ta' swieq regolati), u aktar armonizzazzjoni fil-mod ta' kif l-operaturi jistgħu jikru l-aċċess għal netwerks li huma proprjetà ta’ kumpaniji oħra sabiex jipprovdu servizz kompetittiv.

Inwarrbu mis-suq il-primjums tar-roaming:

Mill-1 ta' Lulju 2014 jispiċċaw l-imposti fuq is-sejħiet riċevuti waqt l-ivvjaġġar fl-UE. Il-kumpaniji jkollhom l-għażla li jew 1) joffru pjan telefoniku li japplika kullimkien fl-Unjoni Ewropea (“uża r-roaming qisek qiegħed id-dar"), li l-prezz tiegħu jiġi xprunat mill-kompetizzjoni domestika, jew 2) jippermettu lill-konsumaturi tagħhom li “jinħallu”, jiġifieri: jagħżlu provditur tar-roaming separat li joffri rati orħos (mingħajr ma jkollhom bżonn jixtru SIM card ġdida). Dan ikompli jibni fuq ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-2012 li jistipula tnaqqis fil-prezzijiet għall-operaturi ta' 67% għad-dejta f’Lulju 2014.

Daqshekk primjums għas-sejħiet internazzjonali fl-Ewropa

Illum il-ġurnata l-kumpaniji għandhom it-tendenza jitlobu primjum kemm għas-sejħiet fissi kif ukoll għas-sejħiet mobbli li jsiru mill-pajjiż tal-oriġini tal-konsumatur għal pajjiżi oħra fl-UE Il-proposta tal-lum tfisser li l-kumpaniji ma jkunux jistgħu jitolbu imposti ogħla għal sejħiet intra-UE milli jagħmlu għal sejħiet domestiċi fuq distanzi twal. Għas-sejħiet mobbli intra-UE, il-prezz ma jistax ikun aktar minn EUR 0.19 għal kull minuta (u l-VAT). Fl-iffissar tal-prezzijiet, il-kumpaniji jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż oġġettivament ġustifikati, iżda ma jkunx hemm aktar profitt arbitrarju mis-sejħiet intra-UE.

Ħarsien legali tal-internet miftuħ (in-newtralità tal-internet)

Jitneħħew l-imblukkar u t-trażżin tal-kontenut tal-internet u b'hekk l-utenti jkollhom aċċess għall-internet b'mod sħiħ u miftuħ irrelevanti minn kemm jiswa jew kemm hu veloċi l-abbonament tal-internet tagħhom. Il-kumpaniji xorta waħda jkunu jistgħu jipprovdu “servizzi speċjalizzati” bi kwalità garantita (bħalma huma l-IPTV, il-vidjo fuq talba, l-applikazzjonijiet li jinkludu teħid ta’ immaġni għal skop mediku b’riżoluzzjoni għolja, swali tal-operazzjonijiet virtwali, u applikazzjonijiet tal-cloud li fihom ħafna dejta u li huma kritiċi għan-negozju) sakemm dawn ma jfixklux il-veloċitajiet tal-internet imwiegħda lil konsumaturi oħrajn. Il-konsumaturi jkollhom id-dritt jiċċekkjaw jekk humiex jirċievu l-veloċitajiet tal-internet li qegħdin iħallsu għalihom, u li jinħallu mill-kuntratt tagħhom kemm-il darba dawk l-impenni ma jkunux qed jiġu rrispettati.

Drittijiet ġodda għall-konsumaturi, b'armonizzazzjoni tad-drittijiet kollha madwar l-Ewropa

Drittijiet ġodda bħad-dritt għal kuntratti b'lingwaġġ sempliċi, b'informazzjoni aktar komparabbli, aktar drittijiet għal tibdil tal-provditur jew tal-kuntratt, id-dritt għall-kuntratt ta' 12-il xahar jekk wieħed ma jkunx jixtieq kuntratt itwal, id-dritt li wieħed jinħall mill-kuntratt tiegħu kemm-il darba ma jkollux il-veloċitajiet tal-internet imwiegħda lilu, u d-dritt għat-trasferiment tal-posta elettronika f'indirizz elettroniku ġdid wara li jinbidel il-provditur tal-internet.

Allokazzjoni koordinata tal-ispettru

Din se tiżgura li l-Ewropej ikollhom aktar aċċess mobbli għall-4G u l-WiFi. L-operaturi mobbli jkunu jistgħu jiżviluppaw pjanijiet ta' investiment bejn fruntiera u oħra li jkun aktar effiċjenti, grazzi għal koordinazzjoni aħjar tat-timing, tat-tul ta' żmien u ta' kundizzjonijiet oħra fl-assenjazzjoni tal-ispettru. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli, u jkomplu jibbenefikaw minn tariffi relatati mill-operaturi mobbli, filwaqt li joperaw f'qafas aktar koerenti. Tali qafas jespandi wkoll is-suq għal tagħmir avvanzat tat-telekomunikazzjoni.

Aktar ċertezza għall-investituri

Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Metodoloġiji għall-Ikkostjar u n-Nondiskriminazzjoni hija t-tieni element ta' dan il-pakkett, li tikkumplimenta r-Regolament propost u hija intrinsikament marbuta miegħu. Din għandha l-għan li żżid iċ-ċertezza għall-investituri, iżżid il-livelli ta' investiment tagħhom, u tnaqqas id-diverġenzi bejn ir-regolaturi. Dan ifisser 1) aktar armonizzazzjoni u stabilizzazzjoni tal-imposti li l-operaturi stabbiliti jistgħu jitolbu talli jagħtu aċċess lill-oħrajn għan-netwerks tagħhom; u 2) l-iżgurar li “dawk li jfittxu l-aċċess" ikollhom aċċess verament ekwivalenti għan-netwerks. Meta jiġi żgurat li tali restrizzjonijiet kompetittivi u n-nondiskriminazzjoni jeżistu, il-prezzijiet għall-aċċess għall-operaturi għal broadband tal-"ġenerazzjoni l-ġdida" jiġu determinati mis-suq minflok mir-regolaturi, jiġifieri inqas burokrazija għall-operaturi.

Ħoloq utli

Komunikazzjoni li tispjega l-kuntest u l-urġenza tas-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni

MEMO/13/779 Il-Kummissjoni tadotta proposti regolatorji għal Kontinent Konness

WEBSAJT: Connected Continent: a single telecom market for growth & jobs

Hashtags: #ConnectedContinent, #roaming

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti

Indirizz elettroniku: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site