Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Settembru 2013

Nagħmlu użu aħjar tal-passaġġi fuq l-ilma Ewropej

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret miżuri ġodda1 biex ix-xmajjar u l-kanali tal-Ewropa jintużaw iżjed għall-ġarr. Fost il-modi ta' trasport, wieħed mill-aktar li hu favur il-klima u juża l-enerġija b'mod effiċjenti huwa l-barkun, iżda fil-preżent, il-barkuni jġorru biss madwar 6% tal-merkanzija Ewropea fis-sena. Il-proposti l-ġodda huma maħsubin biex jagħmlu realtà mill-potenzjal moħli tas-37 000 km passaġġi fuq l-ilma tal-Ewropa. Dawn jippermettu li l-merkanzija tinġarr b'mod aktar faċli u jġibu lis-settur aktar favur l-ambjent, jinkoraġġixxu wkoll l-innovazzjoni u jżidu l-opportunitajiet ta' impjieg.

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, responsibbbli għat-Trasport qal:

"Aħna diġà qegħdin nittrasportaw 500 miljun tunnellata ta' merkanzija fis-sena fuq ix-xmajjar u l-kanali. Dan jagħmel daqs 25 miljun trakk. Iżda għad mhuwiex biżżejjed. Għandna bżonn ngħinu lill-industrija tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma biex tiżviluppa fuq tul ta' żmien f'settur ta' kwalità għolja. Għandna bżonn inneħħu l-konġestjoni li qed iżżommha lura, u ninvestu fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha."

Il-Kummissjoni qed tipproponi l-azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

It-tneħħija tal-konġestjoni

Konġestjonijiet sinifikanti kkawżati minn mgħalaq, pontijiet jew kanali navigabbli ta’ dimensjoni inadegwata u konnessjonijiet neqsin, bħall-konnessjoni bejn is-sistemi tax-xmajjar Seine u Scheldt, qegħdin ifixklu l-potenzjal tal-iżvilupp sħiħ tas-settur. Il-Kummissjoni qed tipproponi li ttejjeb it-trasport tal-merkanzija fuq l-ilma billi ttejjeb il-mgħalaq, il-pontijiet u l-kanali navigabbli. Il-linji gwida tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tat-TEN-TEA (l-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport) ġodda, jagħtu prijorità lill-opportunitajiet għall-finanzjament ta' passaġġi fuq l-ilma interni–; barra minn hekk, dawn huma komponent importanti ta' sitta minn għaxar arterji ewlenin tax-xibka tat-TEN-TEA.

L-ekoloġizzazzjoni u l-innovazzjoni

Meta mqabbel ma’ mezzi oħrajn tat-trasport fuq l-art, it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sikur u silenzjuż, u kważi mingħajr l-ebda konġestjoni. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jinkludu standards ġodda għall-magni biex jinkoraġġixxu l-investiment f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi, u s-sostenn tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Konnessjonijiet aħjar ma' tipi oħrajn ta' trasport

Se tingħata prijorità lit-titjib tal-konnessjonijiet bejn il-passaġġi fuq l-ilma interni, u t-toroq u l-ferroviji–, b'attenzjoni partikolari fuq il-konnessjonijiet fil-portijiet tax-xmajjar u tal-ibħra. Abbażi tal-evalwazzjoni li qed issir tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar, tal-Kummissjoni, din se tagħmel il-proposti biex il-faċilitajiet tal-immaniġġar tal-merkanzija jittejbu u titnaqqas il-burokrazija.

Ninvestu f'forza tax-xogħol tas-sengħa

Is-settur tal-passaġġi fuq l-ilma jiddependi fuq forza tax-xogħol tas-sengħa. Huwa mistenni li l-proposti l-ġodda se jwasslu għal rikonoxximent aktar wiesgħa tal-kwalifiki u tal-karrieri kif ukoll jagħtu aktar aċċess għax-xogħol u għall-mobbiltà.

Kuntest

Madwar 37 000 kilometru ta' passaġġi fuq l-ilma interni jgħaddu minn 20 Stat Membru tal-UE u jġorru madwar 500 miljun tunnellata merkanzija fis-sena, b'mod partikolari fiż-żoni li huma l-aktar popolati u traffikużi. Is-sistemi tax-xmajjar Rhine, Scheldt u Meuse, li jidħlu ġo xulxin, huma konnessi max-xmajjar Seine u d-Danubju. Iżda minħabba għadd ta' konġestjonijiet importanti, is-sistemi tax-xmajjar Ewropej ma jistax ikollhom rwol sħiħ fiż-żona Ewropea tat-trasport.

Wara t-tnaqqis fir-ritmu ġenerali tal-ekonomija tal-UE mill-2008 'l hawn, il-kapaċità żejda f'ċerti oqsma tas-suq, il-frammentazzjoni li għadha teżisti fost il-parteċipanti tas-suq, u l-flotta li dejjem tiqdiem, wasslu biex il-prospetti ekonomiċi u ta' sostenibbiltà tan-navigazzjoni interna jmorru għall-agħar. L-inizjattiva NAIADES II qiegħda tirreaġixxi għal dan b'ħidma lejn qafas stabbli fit-tul għall-investimenti u l-innovazzjoni fin-navigazzjoni interna ta' kwalità, u b'miżuri li jkollhom effetti fuq żmien qasir u medju, bħalma hi valutazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi li jqumu ħafna flus. Permezz tan-NAIADES II, irid jiġi mobilizzat finanzjament mill-UE, nazzjonali u mis-settur biex isostni l-investiment meħtieġ. F'dan ir-rigward, l-aċċess għall-finanzi huwa ta' importanza partikolari.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/13/771

Segwi lill-Viċi President Kallas fuq Twitter

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

1 :

NAIADES II. Lejn trasport ta' kwalità fuq il-passaġġi interni tal-ilma. Fil-mitoloġija Griega, in-Najadi kienu nimfi tal-ilma.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website