Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa: distakk iżgħar fl-istennija tal-għomor u l-mortalità tat-trabi madwar l-UE

European Commission - IP/13/823   09/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Settembru 2013

Rapport dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa: distakk iżgħar fl-istennija tal-għomor u l-mortalità tat-trabi madwar l-UE

Skont rapport ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, il-varjazzjoni wiesgħa fl-istennija tal-għomor u l-mortalità tat-trabi li storikament kienet tinstab bejn il-pajjiżi tal-UE qed tonqos. Id-distakk bejn l-itwal u l-iqsar stennija tal-għomor misjuba fl-UE-27 naqas bi 17 % għall-irġiel bejn l-2007 u l-2011 u b'4 % għan-nisa bejn l-2006 u l-2011. Id-distakk fil-mortalità tat-trabi bejn il-pajjiżi tal-UE bl-ogħla u bl-anqas rati niżel minn 15.2 għal 7.3 għal kull 1000 twelid ħaj bejn l-2001 u l-2011. Il-medja ta’ mwiet tat-trabi fl-UE niżlet ukoll matul dan il-perjodu — minn 5.7 għal 3.9 għal kull 1000 twelid ħaj. Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni għal xi żviluppi pożittivi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, “Is-Solidarjetà fis-Saħħa”, filwaqt li jikkonkludi li hemm il-ħtieġa ta’ aktar azzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Tonio Borg, qal: “L-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa f’termini tal-istennija tal-għomor u b’mod partikolari l-mortalità tat-trabi fl-Unjoni Ewropea, f’dawn l-aħħar ftit snin naqsu b’mod sinifikanti. Dan huwa inkoraġġanti. Madankollu, l-impenn tagħna għandu jkun kostanti sabiex jiġu indirizzati d-distakki li għadhom jeżistu fis-settur tas-saħħa bejn gruppi soċjali u bejn reġjuni u Stati Membri, kif jidher f’dan ir-rapport. L-azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa madwar l-Ewropa trid tibqa' prijorità fil-livelli kollha.”

L-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-gruppi soċjali

  • L-Isvezja għandha l-ogħla stennija tal-għomor għall-irġiel – 79.9 snin, differenza ta’ kważi 12-il sena meta mqabbla mal-Istat Membru bl-inqas stennija tal-għomor(68.1 snin).

  • Franza għandha l-ogħla stennija tal-għomor għan-nisa – 85.7 snin, differenza ta’ 8 snin meta mqabbla mal-Istat Membru bl-inqas stennija tal-għomor(77.8 snin).

  • Meta niġu għas-snin ta’ ħajja b’saħħitha fost l-irġiel, hemm differenza ta’ 19-il sena bejn l-anqas u l-ogħla valuri fl-UE (ċifri tal-2011). Għan-nisa, din telgħet għal kważi 18.4 snin.

  • Fl-2010, id-distakk bejn l-istennija tal-għomor mat-twelid bejn l-aktar u l-anqas reġjuni vantaġġati fl-UE kien ta’ 13.4 snin għall-irġiel u 10.6 snin għan-nisa.

  • Fl-istess sena, kien hemm seba’ reġjuni tal-UE b’rati ta’ mortalità tat-trabi ta’ aktar minn 10 għal kull 1000 twelid ħaj. Dan huwa aktar minn 2.5 darba aktar mill-medja tal-UE ta’ 4.1/1000.

  • Fl-2010, id-distakk stmat fl-istennija tal-għomor għall-irġiel fl-età ta’ 30 bejn dawk l-anqas u l-aktar edukati varja minn madwar tliet snin sa 17-il sena fi Stati Membri differenti. Għan-nisa dan id-distakk kien kemxejn iżgħar, u varja bejn 1 sa 9 snin.

Il-kawżi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa

Ir-rapport jeżamina diversi fatturi li jikkawżaw inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u jsib li l-inugwaljanzi soċjali fis-settur tas-saħħa huma dovuti għal disparità fil-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u determinanti oħra bħad-dħul, il-livelli tal-qgħad u l-livelli ta’ edukazzjoni. L-analiżi sabet bosta eżempji ta’ assoċjazzjoni bejn il-fatturi ta’ riskju għas-saħħa, inkluż l-użu tat-tabakk u l-obeżità, u ċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi.

L-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE

Fl-2009, il-Kummissjoni adottat strateġija dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bl-isem ta' "Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE". Ir-rapport ta’ progress ippubblikat illum jagħti ħarsa lejn il-progress li għamilna fil-ħames sfidi ewlenin stabbiliti fl-Istrateġija: 1) id-distribuzzjoni ekwitabbli tas-saħħa bħala parti mill-iżvilupp soċjali u ekonomiku ġenerali; 2) it-titjib tal-bażi tad-dejta u tal-għarfien; 3) il-bini ta' impenn fis-soċjetà; 4) il-ħarsien tal-ħtiġijiet ta' gruppi vulnerabbli; u 5) l-iżvilupp tal-kontribut tal-politiki tal-UE.

Kollox ma’ kollox, l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan kemm li tappoġġa l-iżvilupp ta' politiki fil-pajjiżi tal-UE u kif ukoll li ttejjeb il-kontribuzzjoni tal-politiki tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Il-kontinwazzjoni ta' Azzjoni Konġunta, fuq il-perjodu mill-2011 sal-2014, huwa mezz ewlieni biex jintlaħaq dan l-għan.

Huwa importanti ħafna li l-għanijiet ta’ Ewropa 2020 għat-tkabbir inklussiv jintlaħqu sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni adottat dokument dwar l-investiment fis-saħħa (Investing in Health), bħala parti mill-pakkett ta’ Investiment Soċjali. Id-dokument isaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki tal-UE dwar is-saħħa u r-riformi tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali u jippreżenta l-każ għal: investimenti għaqlin għal sistemi tas-saħħa sostenibbli; investiment fis-saħħa taċ-ċittadin; u investiment fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Strutturali, kif ukoll il-Fondi għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020) jistgħu jappoġġjaw l-investiment fis-saħħa madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Aqra r-rapporti sħaħ u kun af aktar dwar l-azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa:

http://ec.europa.eu/health/social_determinants/policy/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Tonio Borg:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/index_en.htm

Segwina fuq Twitter: @EU_Health

Kuntatti:

Fréderic Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website