Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Settembru 2013

L-impjiegi Il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg fl-Ewropa jenfasizza t-tkabbir fl-opportunitajiet fis-settur tal-kura tas-saħħa

Iż-żieda fid-domanda għall-ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa hija kkonfermata mill-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg fl-Ewropa (European Vacancy Monitor - EVM) l-aktar riċenti, li għadu kemm ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. L-impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa tal-UE żdiedu bi kważi 2% kull sena bejn l-2008 u l-2012. Dan jirriżulta meta jiġu kkumbinati flimkien l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-avvanzi fit-teknoloġija u fit-trattamenti, il-fatt li n-nies jistennew kwalità ogħla ta' servizzi u aktar enfasi fuq il-kura preventiva. Fl-2012 ġew impjegati madwar miljun ruħ biex jaħdmu fis-settur tal-kura tas-saħħa.

Madankollu l-Monitoraġġ jirrifletti t-tnaqqis fid-domanda globali fis-suq tal-impjiegi tal-UE, bi tnaqqis ta' 6% fl-offerti ta' xogħol fir-raba' kwart tal-2012 meta mqabbel mal-aħħar kwart tal-2011. Fir-raba' kwart tal-2012, l-għadd ta' persuni li ġew impjegati naqas f'bosta mill-gruppi okkupazzjonali ewlenin u niżel għall-‘professjonistigħall-ewwel darba mit-tieni kwart tal-2010 (b'5%).

Il-professjonijiet li kellhom l-aktar tkabbir ta' impjegati wara l-ħaddiema involuti fil-kura personali fis-servizzi tas-saħħa kienu l-iżviluppaturi u l-analisti tal-applikazzjonijiet tas-softwer, is-segretarji amministrattivi u speċjalizzati, is-superviżuri tal-minjieri, tal-manifattura u tal-kostruzzjoni u l-għalliema tal-iskejjel primarji u tat-tfulija bikrija.

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, qal: "Il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg fl-Ewropa jippermetti li l-persuni li qed iffittxu x-xogħol jidentifikaw liema setturi joffru l-aħjar opportunitajiet biex isibu xogħol. Jgħin ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi biex jinvestu fit-taħriġ għal nies bl-aqwa kompetenzi biex jiġi evitat in-nuqqas. L-aktar rapport riċenti jikkonferma li s-settur tal-kura tas-saħħa huwa wieħed mis-setturi bl-aqwa potenzjal għall-ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa u għalhekk l-invesitiment fit-taħriġ f'dan is-settur huwa urġenti."

Il-kura personali fis-servizzi tas-saħħa kienet ikklassifikata l-ewwel fost l-aktar okkupazzjoniet li qed jikbru bejn ir-raba' kwart tal-2011 u r-raba' kwart tal-2012. Tliet impjiegi oħra relatati mas-saħħa ġew ikklassifikati fost l-aqwa 25 professjoni li qed jikbru malajr. l-infermiera u l-qwiebel, it-tekniċi mediċi u farmaċewtiċi u professjonisti oħra assoċjati mas-saħħa eż. dentisti, spiżjara, fiżjoterapisti. F'terminu medju ta' żmien, il-prospetti tax-xogħol jidhru l-aktar promettenti għall-infermiera u l-qwiebel.

Ir-rapport jenfasizza wkoll li għadd ta' pajjiżi jista' jkollhom jaffaċċjaw l-isfida ta' forza tax-xogħol li qed tixjieħ fis-settur tas-saħħa. Pereżempju, aktar minn 40% tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-kura tas-saħħa fil-Bulgarija u fl-istati Baltiċi għandhom bejn 50 u 64 sena, li huwa ogħla mill-medja tal-UE b'mod konsiderevoli.

Iż-żieda fl-impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa tikkuntrasta mat-tendenza ġenerali li ġiet riflessa fil-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg tal-Ewropa, bi tnaqqis ta' madwar 4% fl-impjiegi fl-UE27 bejn ir-raba' kwart tal-2011 u dak tal-2012. L-impjiegi għall-professjonisti naqsu fil-biċċa l-kbira tal-gruppi okkupazzjonali u niżlu għall-ewwel darba mit-tieni kwart tal-2010. Fl-istess ħin, l-impjiegi għal dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja żdiedu bi 2% u dan jista' jindika li għadd akbar ta' professjonisti aċċettaw xogħlijiet li jirrekjedu kwalifiki inqas minn dawk li għandhom.

It-tkabbir potenzjali tax-xogħol involut fil-kura għal żmien twil se jkun il-punt fokali tal-konferenza dwar "Aktar u Aqwa Xogħlijiet fis-servizzi tal-Kura fid-dar" organizzata fi Brussell fit-12 ta' Settembru mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound).

Sfond

L-importanza tas-settur tal-kura tas-saħħa għall-ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa kien enfasizzat fil-Pakkett tal-Impjiegi April 2012 tal-Kummissjoni (ara IP/12/380 u MEMO/12/252), li kien jinkludi Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għall-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa tal-UE.

Is-settur tal-kura tas-saħħa jħaddem b'mod dirett madwar ħaddiem minn kull għaxra fl-UE, bil-Ġermanja u r-Renju Unit li jimpjegaw madwar 60% tal-persunal tal-kura tas-saħħa fl-UE27 skont il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg tal-Ewropa.

L-impjiegi fis-settur tas-saħħa jagħmlu parti mill-'aktar okkupazzjonijiet diffiċli' fl-Ewropa li għalihom l-offerti tax-xogħol huma diffiċli li jimtlew skont ir-Rapport Ewropew dwar l-Offerti tax-xogħol u r-Reklutaġġ 2012tal-Kummissjoni Ewropea.

Analiżi tat-tendenzi ewlenin għall-infermiera u l-qwiebel fil-Panorama tal-Kapaċitajiet tal-UE turi li hemm taħlita ta' fatturi li jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas ta' qbil: għadd insuffiċjenti ta' infermiera mħarrġa, kompetizzjoni għall-infermiera madwar id-dinja, domanda għas-sostituzzjoni sinifikanti b'għadd dejjem jikber ta' infermiera u qwiebel li qed joqorbu lejn l-età tal-irtirar, rati ta' attrizzjoni għolja, kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' paga kif ukoll nuqqas ta' ħeġġa biex iwettqu xogħol fiżiku ta' strapazz.

Il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg tal-Ewropa huwa bulettin li jiġi ppubblikat kull tliet xhur mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. Din il-pubblikazzjoni hija parti mill-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi".

Għal aktar tagħrif:

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ għall-Impjiegi:

Aktar tagħrif dwar il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Offerti tal-Impjieg

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona b'xejn għall-bulettin bil-posta elettronika tal-Kummissjoni Ewropea dwarl-impjiegi l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site