Navigation path

Left navigation

Additional tools

Fl-2018 il-Leeuwarden se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Pajjiżi l-Baxxi

European Commission - IP/13/819   06/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrijiet għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Settembru 2013

Fl-2018 il-Leeuwarden se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Pajjiżi l-Baxxi

Illum iltaqa' f’Amsterdam bord tal-għażla indipendenti responsabbli għall-valutazzjoni tal-bliet Olandiżi li qed jikkompetu għat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Il-bord irrakkomanda li Leeuwarden għandu jingħażel. Iż-żewġt ibliet l-oħra f’kompetizzjoni kienu Eindhoven u Maastricht. Leeuwarden se tiġi nnominata formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE f'Mejju tal-2014. Il-Belt Valletta f’Malta diġà ġiet magħżula bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura l-oħra fl-2018.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "Nifraħ lil Leeuwarden li rnexxielha tikseb dan. Ma kinitx deċiżjoni faċli għall-panel billi l-applikazzjonijiet ppreżentati mit-tliet ibliet fil-klassifika kienu ta’ kwalità għolja ħafna. Ninsab fiduċjuża li Leeuwarden se tiżviluppa programm eċitanti ta' avvenimenti b’dimensjoni Ewropea qawwija, li se jattira viżitaturi minn madwar id-dinja kollha. Jien konvinta ukoll li t-titolu se jġib lil Leeuwarden u ż-żona ta’ madwarha benefiċċji kulturali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti fit-tul, kif rajna li sar bil-Kapitali Ewropej tal-Kultura preċedenti.”

Sfond

Il-Pajjiżi l-Baxxi u Malta huma ż-żewġ Stati Membri li se jospitaw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Il-lista tal-pajjiżi li se jospitaw it-titlu sal-2019 ġiet stabbilita fl-2006 b'deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

Malta organizzat il-proċedura tal-għażla tagħha sena qabel iż-żmien tal-iskeda normali, u l-Belt Valletta kienet uffiċjalment nominata bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE f’Mejju 2013 (IP/12/1099).

Il-bliet li joffru isimhom għall-ġħażla tat-titlu, jiġu vvalutati skont il-kriterji stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri. Dawn il-kriterji jiddikjaraw li l-bliet għandhom iħejju programm kulturali b'dimensjoni tassew Ewropea u jrawmu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini li jgħixu fil-Belt, fil-viċinat u fil-pajjiż kollu. Il-programm għandu jħalli impatt dejjiemi u jgħin fl-iżvilupp soċjali u kulturali fit-tul tal-belt.

Id-dimensjoni Ewropea tidher fit-temi magħżula u fil-mod kif jiġu organizzati l-avvenimenti fil-programm. Il-koperazzjoni bejn l-operaturi kulturali f'pajjiżi differenti tal-UE hija mħeġġa.

Il-proċess għall-għażla ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura tibda b'fażi ta’ pre-selezzjoni u wara dan titħejja lista mqassra inizjali tal-bliet. L-għażla finali sseħħ wara disa’ xhur. Wara, il-belt magħżula tiġi nnominata uffiċjalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

L-applikazzjonijiet ġew eżaminati minn bord ta' 13-il espert kulturali indipendenti, sitta minnhom inħatru mill-Istat Membru kkonċernat u s-sebgħa l-oħra mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-membri tal-bord maħtura mill-istituzzjonijiet Ewropej huma:

  • Maħtura mill-Kummissjoni Ewropea: Sir Jeremy Isaacs (ir-Renju Unit) direttur eżekuttiv tat-televiżjoni u kien id-Direttur tat-Teatru Rjali tal-Opra f'Covent Garden; Manfred Gaulhofer (l-Awstrija), id-Direttur Ġenerali ta’ Graz 2003.

  • Maħtura mill-Kunsill: Anu Kivilo (l-Estonja), Direttur Eżekuttiv ta’ Ċentru Internazzjonali Pärt Arvo; Norbert Riedl (l-Awstrija), Kap tad-Dipartiment għall-affarijiet kulturali bilaterali u multilaterali fil-Ministeru Federali Awstrijak għall-Edukazzjoni, l-Arti u l-Kultura.

  • Maħtura mill-Parlament Ewropew: Jordi Pardo (Spanja), responsabbli mill-proġetti kulturali fil-qasam tal-kultura internazzjonali; Steve Green (ir-Renju Unit), konsulent u riċerkatur fil-politika kulturali.

  • Maħtura mill-Kumitat tar-Reġjuni: Elisabeth Vitouch (l-Awstrija), tirrappreżenta l-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u hija membru tal-gvern tal-Belt ta' Vjenna.

Wara l-bliet ta' din is-sena Marsilja (Franza) u Košice (is-Slovakkja), il-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2014 se jkunu Umeå (l-Isvezja) u r-Riga (il-Latvja); Mons (il-Belġju) u Plzen (ir-Repubblika Ċeka) fl-2015; Wroclaw (il-Polonja) u Donostia-San Sebastián (Spanja) fl-2016; Aarhus (id-Danimarka) u Paphos (Ċipru) fl-2017.

Għal aktar tagħrif:

Kummissjoni Ewropea: Il-Kummissjoni Ewropea: il-websajt tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website