Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-9 ta' Settembru 2013

Ambjent: Azzjoni ġdida mill-UE biex tipproteġi l-bijodiversità kontra speċijiet invażivi problematiċi

Illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni ġdida biex ikun evitat u mmaniġġjat theddid li qed jikber malajr minn speċijiet invażivi. Bħalissa hemm matul 12 000 speċi preżenti fl-Ewropa li huma aljeni għall-ambjent naturali. Madwar 15 % ta’ dawn huma invażivi u qed jikbru fin-numru b’rata mgħaġġla . Il-proposta hija mfassla biex tirrispondi għaż-żieda ta' problemi kkawżati minn dawn l-ispeċijiet aljeni invażivi, li jinkludu:

  1. Problema ekonomika: L-ispeċijiet aljeni invażivi jikkawżaw ħsara li tiswa mill-anqas EUR 12-il biljun kull sena fl-Ewropa, permezz ta’ perikli għas-saħħa tal-bniedem (eż. iż-żunżan bagħal Ażjatiku u n-nemusa tigra, li l-effetti tagħhom jistgħu jkunu fatali), ħsara għall-infrastruttura (eż: il-ħaxixa Ġappuniża (knotweed) li tagħmel ħsara lill-bini) u telf tar-rendimenti fl-agrikoltura (eż. il-coypu, uċuħ li jagħmlu l-ħsara);

  2. Problema ekoloġika: l-ispeċijiet aljeni invażivi jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-ekosistemi u jikkawżaw il-qerda tal-ispeċijiet li huma meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ tal-ambjent naturali tagħna. Iċ-ċirasa sewda, pereżempju, qed tikkawża disturb serju lill-ekosistemi tal-foresti u l-iskwirils griżi qed jgaħddu lill-iskwirils ħomor. Wara t-telf tal-ħabitat, l-ispeċijiet aljeni invażivi huma t-tieni l-akbar kawża tat-telf tal-bijodiversità fid-dinja;

  3. Problema politika: ħafna Stati Membri diġà qegħdin ikollhom jonfqu riżorsi konsiderevoli biex jittrattaw din il-problema, iżda l-isforzi tagħhom ma jkunux effettivi jekk ikunu trattati purament fuq bażi nazzjonali. Kampanja għall-eradikazzjoni tal-ħaxixa tal-Kawkażu (Giant hogweed) fil-Belġju, pereżempju, se tixxekkel jekk l-ispeċi terġa' tidħol minn Franza.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “il-ġlieda kontra l-ispeċijiet aljeni invażivi hija eżempju perfett ta’ qasam fejn l-Ewropa hija aħjar meta naħdmu flimkien. Il-leġiżlazzjoni li qed nipproponu se tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità u hija mmirata li tippermettielna niffukaw fuq l-aktar theddidiet serji. Dan se jgħin biex tittejjeb l-effettività tal-miżuri nazzjonali u biex jinkisbu r-riżultati bl-aktar mod kosteffikaċi. Nistenna b’ħerqa li naħdem mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew sabiex din il-leġiżlazzjoni tiddaħħal fis-seħħ u nżidu l-isforzi tagħna biex nittrattaw din il-problema serja madwar l-Ewropa kollha.”

Il-proposta tiffoka fuq lista ta’ speċijiet aljeni invażivi ta’ tħassib tal-Unjoni, li se titfassal mal-Istati Membri li jużaw valutazzjonijiet ta’ riskju u evidenza xjentifika. L-ispeċijiet magħżula se jkunu pprojbiti mill-ewwel mill-UE, li jfisser li mhux se jkun possibbli li wieħed jimportahom, jixtrihom, jużahom, jirrilaxxahom jew ibigħhom. Se jittieħdu miżuri speċjali biex jittrattaw problemi li jistgħu jinqalgħu lill-kummerċjanti, lil min irabbi jew lis-sidien tal-annimali domestiċi fil-perjodu tranżitorju.

Il-proposta hija għal tliet tipi ta’ interventi:

  1. Prevenzjoni: L-Istati Membri se jorganizzaw kontrolli biex jipprevjenu l-introduzzjoni intenzjonata tal-ispeċijiet ta’ tħassib. Madankollu ħafna speċijiet jidħlu fl-UE b’mod mhux intenzjonali, bħala kontaminant f’oġġetti jew maqbuda f’kontenituri. L-Istati Membri se jkollhom jieħdu azzjoni biex jillokalizzaw tali mogħdijiet u jieħdu miżuri korrettivi.

  2. Twissija u reazzjoni bikrija meta l-Istati Membri jidentifikaw speċi li tkun ta’ tħassib għall-Unjoni u li tkun qed tistabbilixxi ruħha, għandhom jieħdu azzjoni immedjata biex jeqirduha.

  3. Il-ġestjoni ta’ speċijiet ta’ tħassib aljeni invażivi stabbiliti: jekk xi speċijiet ta’ tħassib fl-Unjoni diġà jinsabu mifruxin fuq żona kbira, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri biex tiġi minimizzata l-ħsara li jikkawżaw.

Il-proposta tinkoraġġixxi ċaqliqa lejn approċċ armonizzat u iktar preventiv, li jżid l-effiċjenza u jnaqqas l-ispejjeż tad-danni u l-ispiża ta’ azzjoni tul iż-żmien.

Il-Passi li Jmiss

Ir-Regolament propost issa se jiġi eżaminat mill-Kunsill u l-Parlament. L-Istati Membri se jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija tal-lista u jistgħu jipproponu kandidati għall-inklużjoni fil-lista. Ir-reġim ser ikun akkumpanjat minn mekkaniżmi ta’ sostenn ta’ informazzjoni: In-Netwerk Ewropew ta’ informazzjoni dwar l-Ispeċijiet Aljeni (http://easin.jrc.ec.europa.eu/ ).

Sfond

L-invażjonijiet tal-ispeċijiet aljeni fl-Ewropa mistennija li jkomplu jiżdiedu minħabba l-volum li dejjem qed jikber u l-firxa tal-kummerċ u l-ivvjaġġar, li se jwasslu sabiex jiġu ttrasportati aktar speċijiet madwar id-dinja.

Ir-Regolament dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi jorbot fuq il-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE sas-sena 2020.

Għal iżjed informazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/nature/invasivealien/index_en.htm

Materjal awdjoviżwali jista' jitniżżel minn tvlink.org

MEMO/13/769

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website