Navigation path

Left navigation

Additional tools

Vassiliou tappoġġja l-isforzi tal-Presidenza Litwana tal-UE favur l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ

European Commission - IP/13/813   04/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Settembru 2013

Vassiliou tappoġġja l-isforzi tal-Presidenza Litwana tal-UE favur l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, se żżur il-Litwanja mill-5 sal-10 ta' Settembru biex turi l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Presidenza Litwana tal-UE bil-għan li l-edukazzjoni ta' kwalità u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ jitpoġġew fuq nett tal-aġenda politika tal-UE. Waqt iż-żjara tagħha, il-Kummissarju Vassiliou se tniedi l-Konferenza taż-Żgħażagħ tal-UE flimkien ma' Dalia Grybauskaitė, il-President tal-Litwanja, u se tniedi wkoll il-konferenza "L-Edukazzjoni Għolja Ewropea fid-Dinja" flimkien mal-Prim Ministru Algirdas Butkevicius. Il-Kummissarju se tiltaqa' wkoll ma' Dainius Pavalkis, Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xjenza, u ma' Algimanta Pabedinskienė, Ministru tas-Sigurtà Soċjali u x-Xogħol, kif ukoll ma' membri tas-Seimas (il-Parlament Litwan).

Il-Kummissarju Vassiliou stqarret: "Ninsab kuntenta li l-Presidenza Litwana tal-UE qiegħda tisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ għat-tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjieg. Dan huwa sinjal qawwi, aħna u nħejju għat-tnedija tal-programm il-ġdid tal-UE Erasmus+, li tul is-seba' snin li ġejjin se jippermetti lil 4 miljun żagħżugħ Ewropew jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Ninsab partikularment ħerqana li niddiskuti l-programm il-ġdid, u l-opportunitajiet li se joħloq, meta nitlaqa' mal-istudenti waqt iż-żjara tiegħi."

Fil-5 ta' Settembru, il-Kummissarju se tieħu sehem fil-konferenza tal-Presidenza f'Vilnius dwar L-Edukazzjoni Għolja Ewropea fid-Dinja. Id-diskussjoni se tiffoka fuq l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-internazzjonalizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja, li titlob miżuri iktar robusti biex isaħħu l-kooperazzjoni u l-mobbiltà bejn il-fruntieri tal-UE, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja u li jintrifdu l-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni (ara IP/13/678).

Il-Kummissarju Vassiliou se tenfażizza l-importanza tal-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali u istituzzjonali komprensivi, li jmorru lil hinn mill-mobbiltà u jħeġġu tipi ġodda ta' sħubija. Se tispjega kif l-UE beħsiebha tikkontribwixxi għal dawk l-għanijiet, permezz tal-programmi l-ġodda ta' finanzjament Erasmus+ u Orizzont 2020. Se żżur ukoll iċ-Ċentru tax-Xjenza u tal-Komunikazzjoni fil-Librerija tal-Università ta' Vilnius, fil-5 ta' Settembru.

L-għada (is-6 ta' Settembru), se tiltaqa' ma' studenti f'Kaunas, mill-Università Vytautas Magnus u istituzzjonijiet o+ra, sabiex tiddiskuti l-Erasmus+, il-ġejjieni tal-Ewropa, u r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-għalba tal-kriżi attwali.

Il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (mid-9 sat-12 ta' Settembru f'Vilnius) se tiffoka l-aktar fuq miżuri biex iżidu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, partikularment dawk li mhumiex jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu. Il-Kummissarju Vassiliou se tisħaq li l-kwistjoni tista' tiġi indirizzata b'mod effiċjenti biss billi jiġu kkoordinati l-oqsma ta' politika kollha relevanti, inklużi tal-edukazzjoni, tal-impjieg u tas-saħħa, fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-UE. Se tirrapporta wkoll dwar rieżami tad-"djalogu strutturat" tal-UE maż-żgħażagħ, skema li tippermetti liż-żgħażagħ jikkontribwixxu fit-tiswir tal-politiki tal-UE li jolqtuhom. Madwar 100 rappreżentant taż-żgħażagħ se jirrappurtaw wara konsultazzjonijiet li saru fl-Istati Membri tagħhom. L-għan huwa li jitfasslu konklużjonijiet konġunti li mbagħad jiġu adottati mill-ministri għaż-żgħażagħ aktar tard fis-sena.

Fid-9 ta' Settembru, il-Kummissarju Vassiliou se tiltaqa' wkoll ma' membri tas-Seimas, u se tniedi Konferenza dwar it-Tmexxija fl-Edukazzjoni. Din il-konferenza se tiffoka fuq kif il-mexxejja tal-iskejjel jistgħu jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ. Dan l-avveniment jibni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Reviżjoni tal-Edukazzjoni", li ħeġġet lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ għall-għalliema, l-edukaturi u l-mexxejja tal-iskejjel sabiex jittejbu r-riżultati tat-tagħlim.

Sfond

Mill-2007 'l hawn, il-Litwanja rċeviet EUR 76 miljun bħala finanzjament tal-UE, mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja. Dan il-finanzjament jinkludi EUR 39 miljun mill-Erasmus għall-edukazzjoni għolja, EUR 19 miljun għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (Leonardo da Vinci), EUR 13 miljun għall-kooperazzjoni bejn l-iskejjel primarji u sekondarji (Comenius), u EUR 5 miljun għall-edukazzjoni tal-adulti (Grundtvig). Barra minn hekk, il-Litwanja rċeviet EUR 16.6 miljun għaż-żgħażagħ mill-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni. Fis-snin 2011-2012, iktar minn 3 500 student Litwan irċevew għotjiet tal-Erasmus biex jistudjaw jew isegwu esperjenza prattika ta' xogħol barra minn pajjiżhom, filwaqt li l-Litwanja, b'mod reċiproku, laqgħet mal-2 000 student barrani. Fl-2012, 'il fuq minn 6 000 żagħżugħ u ħaddiem fil-qasam taż-żgħażagħ mil-Litwanja ħadu sehem fil-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni.

Erasmus+

Erasmus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isports, mistenni jiġi approvat mill-Parlament u mill-Kunsill tul il-ħarifa, u jitnieda f'Jannar 2014. Dan il-programm ġdid jieħu post il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, kif ukoll il-programmi tal-UE għall-mobbiltà internazzjonali fl-edukazzjoni. L-istruttura ssemplifikata tal-programm il-ġdid se żżid l-effiċjenza filwaqt li tnaqqas il-kostijiet. B'baġit totali ta' madwar EUR 14.5 biljun, il-programm se jippermetti lil madwar 4 miljun ruħ jistudjaw, jitħarrġu, iwettqu volontarjat, jew jiksbu esperjenza prattika ta' xogħol barra minn pajjiżhom tul il-perjodu 2014-2020.

L-akbar benefiċjarji tal-Erasmus+ se jkunu ż-żgħażagħ, li ntlaqtu mill-kriżi ekonomika b'mod tabilħaqq sproporzjonat. Bħalissa, madwar 14-il miljun Ewropew ta' bejn il-15 u d-29 sena jinsabu mingħajr impjieg, filwaqt li lanqas mhuma fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ (NEETs: not in education, employment or training). In-NEETs huma aktar suxxettibbli li jħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, mal-impjieg prekarju jew mingħajr perspettivi futuri, mal-possibbiltà li jaqgħu fil-kriminalità, jew fi problemi tas-saħħa mentali jew fiżika. Fl-2011, it-telf ekonomiku li rriżulta min-nuqqas ta' impjieg fost iż-żgħażagħ irrappreżenta spiża stmata ta' EUR 153 biljun fl-Ewropa, jiġifieri 1.2% tal-PDG.

Il-programm Erasmus+ se jsaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ bejn il-fruntieri tal-UE u lil hinn minnhom. Il-kooperazzjoni u l-opportunitajiet ta' mobbiltà ma' pajjiżi msieħba ta' barra mill-UE se jirċievu appoġġ ta' EUR 400 miljun fis-sena. Id-dimensjoni internazzjonali tal-Erasmus+ se tkompli tibni fuq l-istrateġija ġdida "L-Edrukazzjoni għolja fid-dinja", imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta' Lulju: sal-2020, se jkun hemm madwar 7 miljun student internazzjonalment mobbli fid-dinja (imqabbel ma' 4 miljuni fl-2010), il-biċċa l-kbira minnhom mill-Ażja, mill-Amerka Latina jew mil-Lvant Nofsani. Illum, l-Ewropa tiġbed madwar 45%, jew 1.8 miljun, mill-istudenti mobbli ta' kull sena.

Għal aktar tagħrif:

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatt:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website