Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Settembru 2013

Pjan ta' direzzjoni tal-Kummissjoni għall-ittrattar tar-riskji inerenti fis-sistema bankarja parallela

Illum il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar is-sistema bankarja parallela u pproponiet regoli ġodda għall-fondi tas-suq monetarju (money market funds, MMFs).

Il-komunikazzjoni hija segwitu għall-Green Paper tas-sena l-oħra dwar is-Sistema Bankarja Parallela (IP/12/253). Hija tagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-ħidma li saret sa issa mill-Kummissjoni u tistabbilixxi azzjonijiet ulterjuri possibbli f'dan il-qasam importanti.

L-ewwel minn dawn l-azzjonijiet ulterjuri - ir-regoli l-ġodda proposti għall-fondi tas-suq monetarju – kienet żvelata llum u għandha l-għan li tiżgura li l-MMFs jistgħu jifilħu aħjar għall-pressjoni ta' tifdija f'kundizzjonijiet diffiċli tas-suq billi jsaħħu l-profil tal-likwidità u l-istabbiltà tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “Irregolajna b'mod komprensiv il-banek u s-swieq. Issa rridu nindirizzaw ir-riskji li jirriżultaw mis-sistema bankarja parallela. Din għandha rwol importanti fl-iffinanzjar tal-ekonomija reali u neħtieġu li niżguraw li tkun trasparenti u li l-benefiċċji li jinkisbu billi jissaħħu ċerti entitajiet u swieq finanzjarji ma jonqsux li jmorru lejn setturi inqas irregolati."

Kuntest

Is-sistema bankarja parallela hija sistema ta' intermedjazzjoni kreditizja li tinvolvi entitajiet u attivitajiet li jkunu lil hinn mis-sistema bankarja regolari. Il-banek tas-sistema parallela mhumiex rregolati bħall-banek iżda xorta jieħdu sehem f'attivitajiet simili bħal dawk tal-banek. Skont il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB) ġie stmat li, bejn wieħed u ieħor, id-daqs tas-sistema bankarja parallela globali kien ta' madwar EUR 51 triljun fl-2011. Dan jirrappreżenta bejn 25 % u 30 % tat-total tas-sistema finanzjarja u nofs id-daqs tal-assi tal-banek. Is-sistema bankarja parallela hija għalhekk ta' importanza sistematika għas-sistema finanzjarja tal-Ewropa.

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja lura fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea għamlet riforma komprensiva tas-settur tas-servizzi finanzjarji fl-Ewropa. L-għan huwa li jiġi stabbilit settur finanzjarju b'saħħtu u stabbli – essenzjali għall-ekonomija reali - billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet enfasizzati mill-kriżi. Imma r-riskji ma jistgħux jitħallew jakkumulaw fis-settur tas-sistema bankarja parallela, parti għax ir-regoli bankarji l-ġodda jistgħu jkomplu jimbuttaw ċerti attivitajiet bankarji lejn dan is-settur tas-sistema bankarja parallela li huwa inqas irregolat.

Il-fondi tas-suq monetarju (MMFs) huma sors importanti ta' ffinanzjar għal żmien qasir għall-istituzzjonijiet finanzjarji, korporattivi u gvernijiet. Fl-Ewropa, madwar 22 % tat-titoli tad-dejn għal żmien qasir li jinħarġu mill-gvernijiet jew mis-settur korporattiv huma tal-MMFs. Dawn għandhom 38 % tad-dejn għal żmien qasir maħruġ mis-settur bankarju. Minħabba din ir-rabta sistematika tal-MMFs mas-settur bankarju u mal-finanzi korporattivi u tal-gvernijiet, l-operat tagħhom kien fil-qalba tal-ħidma internazzjonali dwar is-sistema bankarja parallela.

L-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni tal-lum dwar is-sistema bankarja parallela u l-abbozz tar-regolament dwar il-fondi tas-suq monetarju:

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-kwistjonijiet ikkonċernati mas-sistema bankarja parallela u l-miżuri li ttieħdu diġà biex jiġu trattati r-riskji tas-sistema bankarja parallela bħar-regoli li jirregolaw l-attività ta' fondi ħeġġ (ara MEMO/10/572) u jsaħħu r-relazzjoni bejn il-banek u l-atturi li mhumiex irregolati (id-dispożizzjonijiet relatati mal-iskoperturi tat-titolizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni riveduta tar-Rekwiżit Kapitali -MEMO/13/272).

Hija tiddeskrivi l-prijoritajiet identifikati li fuqhom il-Kummissjoni beħsiebha tieħu inizjattivi f'oqsma bħal:

  1. id-dispożizzjoni ta' qasam għall-fondi tas-suq monetarju ir-regoli l-ġodda proposti llum (MEMO/13/764) ikopru l-fondi tas-suq monetarju (MMFs) li ġew domiċiljati jew mibjugħin fl-Ewropa bil-għan li jtejbu l-profil ta' likwidità u l-istabbiltà tagħhom:

  • Immaniġġar tal-likwidità L-MMFs se jkunu meħtieġa li jkollhom mill-inqas 10 % tal-portafoll tagħhom f'assi li jimmaturaw fi żmien ġurnata u 20 % oħra li jimmaturaw fi żmien ġimgħa. Dan ir-rekwiżit huwa biex jippermetti lill-MMFs biex iħallsu lura lill-investituri li jridu jirtiraw fondi fi żmien qasir. Biex jiġi evitat li emittent wieħed iġorr piż mhux dovut fil-valur nett tal-assi (net asset value, NAV) ta' MMF, l-espożizzjoni għal emittent wieħed se tiġi limitata għal 5 % tal-portafoll tal-MMF (f'termini ta' valur). Għall-MMFs standard, emittent wieħed jista' jirrappreżenta 10 % tal-portafoll.

  • Stabbiltà: biex jitqies in-NAV kostanti, il-propensità tal-MMF li tirrikjedi sostenn minn sponsor biex jiġu stabbilizzati t-tifdijiet f'livell indaqs, ir-regoli l-ġodda jirrikjedu dan it-tip ta' MMF biex jistabbilixxi bafer kapitali definit minn qabel. Dan il-bafer se jiġi attivat biex isostni tifdijiet stabbli fi żminijiet ta' tnaqqis tal-valur tal-assi ta' investiment tal-MMFs.

  1. trasparenza tas-settur tas-sistema bankarja parallela: biex jiġu mmonitorjati r-riskji b'mod effettiv u biex ikun hemm intervent meta jkun hemm bżonnu, huwa essenzjali li tinġabar dejta dettaljata, kredibbli u komprensiva dwar dan is-settur.

  2. il-liġi dwar it-titoli u r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (primarjament self ta' titoli u tranżazzjonijiet ta’ riakkwist). Dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fl-ingranaġġ u jsaħħu n-natura proċiklika tas-sistema finanzjarja, li wara ssir vulnerabbli għal assalt bankarju u tnaqqis f'daqqa fl-ingranaġġ. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' trasparenza ta' dawn is-swieq jagħmilha diffiċli biex jiġu identifikati d-drittijiet għall-proprjetà (min hu s-sid ta' x'hiex?), ikun hemm monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tar-riskju u jiġu identifikati l-kontropartijiet (min huwa espost għal min?)

  3. dispożizzjoni ta' qasam għall-interazzjonijiet mal-banek. Il-livell għoli ta' rabtiet bejn is-sistema bankarja parallela u l-bqija tas-settur finanzjarju, b'mod partikolari s-sistema bankarja, tikkostitwixxi sors kbir ta' riskju ta’ kontaġju. Dawn ir-riskji jistgħu jiġu indirizzati speċjalment billi jkun hemm restrizzjoni tar-regoli prudenzjali applikati lill-banek fl-operazzjonijiet tagħhom mal-entitajiet finanzjarji mhux irregolati.

Barra minn hekk, se tingħata attenzjoni partikolari għall-arranġamenti ta' superviżjoni tal-entitajiet/attivitajiet tas-sistema bankarja parallela biex jiġi żgurat li riskji speċifiċi jiġu indirizzati kif xieraq. Ċerti oqsma bħall-istabbiliment ta' għodda ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji u r-riforma strutturali tas-sistema bankarja jeħtieġu aktar analiżi u se jiġu kjarifikati aktar tard.

Fl-aħħar, l-għan huwa li jiġi żgurat li r-riskji sistematiċi potenzjali għas-settur finanzjarju jkunu koperti u li l-opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju jiġu limitati biex isaħħu l-integrità tas-suq u jżidu l-fiduċja ta' dawk li jfaddlu u l-konsumaturi.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, li se jiġu approvati mill-Mexxejja tal-G20 f'San Petroburgu bejn il-5 u s-6 ta' Settembru 2013.

Ara wkoll MEMO/13/763 (sistema bankarja parallela) u MEMO/13/764 (fondi tas-suq monetarju).

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/shadow-banking/index_en.htm

http://ec.europa.eu/internal_market/investment/money-market-funds/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site