Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Settembru 2013

L-Aġenda Diġitali: Proġett iffinanzjat mill-UE juża r-robots, mhux il-bnedmin, biex jispezzjona l-kontenituri tal-petrokimika

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma’ konsorzju magħmul minn għaxar kumpaniji Ewropej immexxija mill-kumpanija Shell, qed tniedi l-proġett PETROBOT, li ser jiżviluppa robots li jistgħu jissostitwixxu lill-bnedmin fl-ispezzjonijiet tar-reċipjenti taħt pressjoni u tat-tankijiet tal-ħżin użati ħafna fl-industrija taż-żejt, tal-gass u tal-petrokimika.

S’issa, biex jiżguraw is-sigurtà tal-ispetturi, l-impjanti taż-żejt, tal-gass u tal-petrokimika jkollhom jagħlqu meta jkunu qed jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ spezzjoni: ir-reċipjenti jridu jiġu skonettjati minn mas-sezzjonijiet attivi tal-impjant (mhux biżżejjed li jingħalaq valv), imbagħad ir-reċipjenti jitnaddfu b’mod estensiv biex jitneħħew il-prodotti kollha li jistgħu jarmu gassijiet tossiċi jew li jaqbdu u wara jintramaw it-twavel fir-reċipjenti l-kbar, sabiex l-ispetturi jkollhom aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa. Wara l-ispezzjoni (li ħafna drabi ddum ftit sigħat), dan ix-xogħol kollu jerġa' jsir bil-kontra. Din il-proċedura twila u li tiswa ħafna flus dalwaqt se tkun tista' titqassar bis-saħħa tat-teknoloġija tar-robots, bir-riżultat li jitnaqqas l-esponiment tal-persunal għal kundizzjonijiet potenzjalment perikolużi, li l-industrija tiffranka l-ħin u r-riżorsi, u li jinfetħu wkoll swieq ġodda għall-industrija Ewropea tal-użu tar-robots u jinħolqu impjiegi ġodda fil-qasam tal-manifattura u l-manutenzjoni tar-robots.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet:Mhux b'kumbinazzjoni li l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-użu tar-robots fl-industrija. Il-proġett PETROBOT juri r-rieda tagħna li nittrasferixxu r-riżultati l-aktar avvanzati tar-riċerka lejn is-suq, u bhekk niftħu swieq ġodda għan-negozji tal-UE u noħolqu impjiegi ġodda fl-Ewropa."

Fil-proġett PETROBOT se jieħdu sehem imsieħba mill-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, l-Isvezja, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Ġermanja għal perjodu ta’ tliet snin. L-UE se tikkontribwixxi EUR 3.7 miljun lill-proġett li se jiġi jiswa EUR 6.2 miljun.

Il-proġett PETROBOT jimmobilizza l-katina sħiħa tal-valur, inklużi l-fornituri tat-teknoloġija tar-robots u tal-ispezzjoni, il-kumpaniji tas-servizzi ta' spezzjoni u l-utenti finali. Ir-robots tal-ispezzjoni se jiġu ttestjati fl-istallazzjonijiet tal-membri tal-konsorzju li huma utenti finali. Attivitajiet speċjali tal-proġett se jimmiraw li jħejju lill-komunità futura ta' utenti biex din timmassimizza l-adozzjoni tat-teknoloġija l-ġdida. Dawn l-attivitajiet il-ġodda jistgħu joħolqu tipi ġodda ta’ mpjiegi u jiftħu swieq ġodda. Bħala qasam tat-teknoloġija, jista’ jsir prodott tal-esportazzjoni qawwi għall-UE, billi jiġu esportati s-soluzzjonijiet tal-ħardwer tar-robots jew is-servizzi kompluti tal-ispezzjoni bir-robots. Ir-robots, kif ukoll l-għodda tal-ispezzjoni li jġorru, jeħtieġ li jiġu żviluppati u prodotti fi kwantitajiet kbar u s-servizzi tal-ispezzjoni bir-robots jeħtieġ li jsiru disponibbli. Jekk il-proġett ikun ta' suċċess, se jistimola l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-aktar sitwazzjonijiet diffiċli.

Sfond

Il-kuntratt tal-proġett PETROBOT se jiġi ffirmat mid-diriġenti ewlenin tal-KE u tal-kumpanija Shell fiċ-Ċentru tat-Teknoloġija tal-kumpanija Shell f'Amsterdam fil-preżenza tal-membri tal-konsorzju.

Il-proġett PETROBOT beħsiebu jiżviluppa u jivvalida teknoloġiji ġodda għall-ispezzjoni bir-robots għal:

    1. l-ispezzjoni interna tar-reċipjenti taħt pressjoni, meta r-reċipjenti ma jkunux konnessi — ir-robot (f’għamla ta' robot li jimxi fuq katina ddur jew ta driegħ flessibbli) jidħol fir-reċipjent permezz ta’ fetħa jew żennuna wara li r-reċipjent jiġi skonnettjat (jiġifieri ma jkunx attiv) u mbagħad jispezzjona bir-reqqa l-ħajt tar-reċipjent biex jara fihx xi ħsara;

    2. l-ispezzjoni tat-tankijiet tal-ħżin, waqt li dawn ikunu qed jintużaw — ir-robot jidħol fit-tank waqt li l-prodotti (il-petrol jew il-prodotti intermedji) jibqgħu ġo fih u mbagħad jispezzjona bir-reqqa qiegħ it-tank biex jara fihx xi ħsara.

Biex jispezzjonaw bir-reqqa l-ħitan tar-reċipjenti jew il-qigħan tat-tankijiet, ir-robots se jużaw għodod speċjalizzati ta’ spezzjoni. B'dawn l-għodod ir-robots se jkunu jistgħu jindividwaw kwalunkwe ħsara li jista jkun hemm, u l-għodod għandhom jipprovdu l-istess kapaċità ta' spezzjoni bħal dik li joffri spettur.

L-ispezzjoni regolari tal-partijiet tal-impjanti tal-proċessi li huma importanti ħafna mil-lat tas-sikurezza hija essenzjali biex tiġi żgurata l-integrità tagħhom.

L-inizjattiva tal-proġett PETROBOT nibtet minn program tar-riċerka u l-iżvilupp imwettaq mill-kumpanija Shell Global Solutions International B.V., li tifforma parti mill-kumpanija Royal Dutch Shell Plc, bl-appoġġ tal-kumpanija Quasset B.V., li hija SME rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi, li għandha għarfien espert fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet.

Il-konsorzju tal-proġett li huwa magħmul minn għaxar membri u huwa mmexxi mill-kumpanija Shell, jinkludi wkoll il-kumpaniji li ġejjin:

  1. GASSCO AS, min-Norveġja

  2. Chevron North Sea Ltd., mir-Renju Unit

  3. Koninklijke VOPAK N.V., mill-Pajjiżi l-Baxxi

  4. A.Hak Industrial Services B.V., mill-Pajjiżi l-Baxxi

  5. Dekra Industrial AB – DEKRA, mill-Isvezja

  6. Alstom Inspection Robotics (AIR), mill-Isvizzera

  7. OCROBOTICS, mir-Renju Unit

  8. Innospection GmbH, mill-Ġermanja

  9. Quasset B.V., mill-Pajjiżi l-Baxxi

Ħoloq utli

L-UŻU TAR-ROBOTS fil-kuntest tal-aġenda diġitali

Kulħadd jgħid tiegħu

Hashtag: #research, #robotics

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti

Indirizz tal-posta elettronika: comm-kroes@ec.europa.eu; Numru tat-telefown: +32.229.57361; Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website