Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE fis-Samit tal-G20: inżidu l-isforzi dinjija sabiex tiġġedded il-fiduċja fuq livell dinji

European Commission - IP/13/809   04/09/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Settembru 2013

L-UE fis-Samit tal-G20: inżidu l-isforzi dinjija sabiex tiġġedded il-fiduċja fuq livell dinji

Intejbu l-fiduċja fl-ekonomija dinjija, nagħmlu progress deċiżiv fit-triq li tieħu għat-tkabbir globali, sostenibbli u inklużiv, niġġieldu l-protezzjoniżmu kif ukoll nintensifikaw il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fid-dinja: dawn għandhom ikunu fost ir-riżultati ewlenin ta’ dan is-Samit tal-G20. Din hija t-talba li l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy se jagħmlu lill-kollegi mexxejja tal-G20 meta jmorru f'San Pietruburgu fil-5 u s-6 ta’ Settembru biex jirrappreżentaw lill-Unjoni Ewropea fis-Samit.

Il-President Barroso qabel ma telaq lejn San Pietruburgu qal: "Is-sitwazzjoni ekonomika dinjija turi ħaġa biċ-ċar: li l-mexxejja kollha tal-G20 għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom għall-irkupru, għat-tkabbir u għall-impjiegi, għall-kummerċ miftuħ kif ukoll għal aktar imparzjalità fl-intaxxar. M’hemmx lok għall-kompjaċenza u għad baqa’ ħafna xi jsir mill-membri kollha tal-G20 sabiex tiġġedded il-fiduċja ekonomika dinjija. Se nagħmilha ċara li l-UE wettqet l-impenji li daħlet għalihom f’Los Cabos u aħna se nkomplu nutilizzaw it-taħlita komprensiva ta' politiki tagħna li bdiet tagħti r-riżultati.

Il-President Van Rompuy qal: "L-Unjoni Ewropea ġejja għal dan is-Samit f'qagħda ekonomika ħafna aħjar minn tas-sena l-oħra f'Los Cabos. L-istrateġija tagħna kontra l-kriżi qed tagħti r-riżultati, madankollu se nkomplu bla heda bl-isforzi tagħna ġaladarba għad baqa' riskji u sfidi. Il-kriżi ekonomika kompliet taċċentwa l-bżonn li kulħadd iħallas il-parti tiegħu fejn jidħlu t-taxxi. F'San Pietruburgu, l-Unjoni Ewropea se tara li jkun hemm avvannzi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u se tiżgura appoġġ estensiv għall-kondiviżjoni awtomatika tal-informazzjoni fiskali."

Il-mexxejja tal-G20 se jiddiskutu l-ekonomija tad-dinja u l-bżonn li jkun hemm investiment fit-tkabbir u fil-ħolqien tal-impjiegi. L-Unjoni Ewropea tat l-appoġġ qawwi tagħha biex it-tkabbir u l-impjiegi fil-livell dinji jitqiegħdu fuq quddiem tal-aġenda tal-G20. Il-mexxejja għandhom jadottaw "il-Pjan ta' Azzjoni ta' San Pietruburgu", li huwa ambizzjuż, flimkien ma' pakkett ta’ miżuri ffukat, li jista' jtejjeb tkabbir b’saħħtu, ibbilanċjat u sostenibbli. Il-membri kollha tal-G20 huma msejħa biex jikkontribwixxu għal dan. Il-kontribut tal-UE huwa bbażat fuq l-istrateġija ta’ politika ekonomika komprensiva tagħha stess li tħaddan il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, kif ukoll fuq azzjoni determinata li tistimula t-tkabbir ekonomiku u l-investiment. Dan jinkludi inizjattivi bħall-Patt għal Tkabbir u l-Impjiegi, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, it-tlestija rapida tal-Unjoni Bankarja, l-azzjoni ta’ tisħiħ mill-Bank Ewropew tal-Investiment, u ħafna aktar. Titjib fl-attivitajiet u fl-opinjonijiet kummerċjali u l-aħħar ċifri tal-PDG juru li, bil-mod iżda fi żgur, l-Ewropa fit-tieni nofs tal-2013 għaddejja minn irkupru gradwali ħafif li għandu jaqbad fl-2014, anki fl-aktar pajjiżi vulnerabbli.

Dwar ir-Riforma Regolatorja Finanzjarja, l-UE ttenni li din tibqa’ ċentrali fil-G20 kif ukoll li l-Ewropa qed tagħti riżultati f’kull qasam. Se titlob lill-imsieħba tagħha tal-G20 sabiex jimpenjaw ruħhom biex il-miżuri miftiehma jimplimentawhom f'waqthom u b'mod effettiv, bil-ħsieb li jiġu eliminati l-lakuni li jifdal fir-regolamentazzjoni finanzjarja. Fir-rigward tas-sistema bankarja parallela u tal-fond tas-suq monetarju, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat approċċ ambizzjuż eżatt qabel is-Samit (aqra l-istqarrija għall-istampa tal-4 ta' Settembru: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-812_en.htm).

Il-mexxejja tal-G20 se jkomplu jwettqu bidla fil-paradigma globali tal-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. L-UE, bil-kompetenza u l-esperjenza konsiderevoli li għandha — pereżempju bil-ħolqien tas-sistema Ewropea għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jew fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa — se tinsisti biex l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jsir l-istandard globali. B’mod partikulari hija se tappoġġa kwalunkwe sforz li jgħin sabiex l-implimentazzjoni rapida tiegħu tiġi żgurata. L-UE se tappoġġa wkoll bil-qawwa l-pjan ta’ azzjoni tal-OECD fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa tal-impriżi madwar id-dinja, li dan is-Samit huwa mistenni li japprova.

Is-samit se jiddiskuti wkoll kwistjonijiet ta’ kummerċ. Huwa importanti għall-UE li l-G20 jibgħat messaġġ qawwi kontra l-protezzjoniżmu, li jitlob għal implimentazzjoni aktar effettiva tal-impenn, meħud f'Toronto fl-2010, sabiex jinżamm l-istatus quo, kif ukoll jestendi l-validità tiegħu lil hinn mill-2014. Ftit jiem biss qabel is-samit, il-Kummissjoni Ewropea osservat li kontinwament, għalkemm kemxejn aktar bil-mod, qed ikun hemm żieda fil-miżuri protezzjonisti fost il-membri tal-G20 kif ukoll li mhux qed isir sforz sabiex il-miżuri restrittivi għall-kummerċ jitneħħew (aqra aktar dwar ir-rapport tal-Kummissjoni rigward il-miżuri restrittivi għall-kummerċ tat-2 ta’ Settembru). Kummmerċ miftuħ, ġust u ħieles huwa essenzjali sabiex l-ekonomija fraġli tirkupra b'ħeffa u ssir sostenibbli. Il-G20 għandu jagħti wkoll sinjal politiku qawwi lin-negozjaturi li qed iħejju l-laqgħa Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f’Bali, f’Diċembru, sabiex ikun jista' jintlaħaq ftehim finali li jkun ta' suċċess, li fil-qalba tiegħu jkun hemm il-kummerċ aktar faċli. Fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Reġjonali, l-UE hija favur li titjieb it-trasparenza fil-kuntest tad-WTO, u se tinsisti li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi msieħba jgħinu, u mhux ixekklu, l-aġenda tal-kummerċ multilaterali.

Fl-aħħar nett, il-mexxejja tal-G20 se jiddiskutu wkoll kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u dwar l-impjiegi, l-iżvilupp, l-enerġija u l-klima.

Fl-ittra konġunta tagħhom tat-23 ta' Lulju 2013 lil 28 Kap ta’ Stat u Gvern, il-Presidenti Barroso u Van Rompuy fit-23 ta’ Lulju 2013 esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet ewlenin tas-Samit tal-G20. L-ittra tinsab hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-717_en.htm

Il-kuntest:

L-ewwel Samit tal-G20 tal-kapijiet ta' Stat u Gvern tal-G20 sar f'Washington f'Novembru 2008. Kien ir-riżultat ta’ inizjattiva konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex il-kriżi finanzjarja globali tiġi ttrattata b’mod effettiv. Minn dakinhar, il-G20 sar il-forum ewlieni għall-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali. Il-mexxejja tal-G20 iltaqgħu darba u anki darbtejn fis-sena. L-Awstralja se tospita s-Samit tal-2014.

Il-membri tal-G20 huma l-Unjoni Ewropea u d-19-il pajjiż li ġejjin: l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. L-Unjoni Ewropea hija rappreżentata fis-Samit mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy.

Tradizzjonalment, il-pajjiżi mistiedna jistgħu jattendu s-Samits. Il-Presidenza Russa stiednet lil dawn il-pajjiżi mistiedna uffiċjali tal-G20 li ġejjin: Spanja (mistiedna permanenti), l-Etjopja (għax fl-2012 qed tippresjedi l-Unjoni Afrikana), is-Senegal (għax fl-2013 qed jippresjedi s-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp tal-Afrika - EPAD), il-Kazakistan (Membru tal-Unjoni Doganali tal-EurAsEC u tal-Komunità ta' Stati Indipendenti (CIS)), il-Brunej (billi fl-2013 qed jippresjedi l-ASEAN), u Singapor (għax jippresjedi l-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali tal-FMI u jippresjedi wkoll il-Grupp ta' Governanza Globali (3G)).

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin huma wkoll mistiedna: il-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FSB), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), in-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Bank Dinji (WB), u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Bħal fl-imgħoddi, bosta avvenimenti sekondarji bħall-B20, l-L20, is-C20 u l-Y20 huma organizzati fil-kuntest tas-Samit u jiffukaw fuq diversi partijiet interessati mid-dinja tal-kummerċ, tat-trejdjunjins, tas-soċjetà ċivili u taż-żgħażagħ.

Għal iżjed informazzjoni:

Aqra l-fuljett tagħna "Did you know? Facts and figures abput the European Union and the G20": http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/g20/stpetersburg/

Aqra l-Ittra Konġunta tal-Presidenti Barroso u Van Rompuy lill-G20 tat-23 ta' Lulju 2013: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-717_en.htm

Żur il-websajt tal-President Barroso dwar il-G20: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/g20/index_en.htm

Żur il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, inkluż filmat ġdid fjamant: http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/index_en.htm

Żur il-websajt tal-President Van Rompuy dwar il-G20: http://www.european-council.europa.eu/the-president/summits-with-third-countries?lang=en

Il-websajt uffiċjali tal-Gvern Russu għall-G20: http://www.g20.org/

Segwi l-Presidenti fuq Twitter: @BarrosoEU, @euHvR

Kuntatti:

Koen Doens (+32 2 298 15 66)

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Dirk Volckaerts (+32 2 299 39 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website