Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta’ Settembru 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex “il-belt kapitali tal-innovazzjoni”

Il-Kummissjoni Ewropea llum bdiet tfittex l-ewwel belt kapitali Ewropea tal-innovazzjoni, bl-Ingliż imsejħa wkoll “iCapital”. Il-premju se jingħata lill-belt li qed tibni l-aħjar “ekosistema tal-innovazzjoni”, li tgħaqqad flimkien liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi, lill-akkademiċi u lin-negozji. Minħabba li 68 % tal-popolazzjoni tal-UE issa qegħdin jgħixu f’żoni urbani, dawn iż-żoni huma dawk li se jikkontribwixxu l-aktar biex l-Ewropa ssir aktar innovattiva. Il-bliet irawmu l-innovazzjoni fil-provvista tas-servizzi tagħhom stess, iżda l-importanti huwa li jinħoloq l-ambjent it-tajjeb biex ħaddieħor ikun jista’ jkun innovattiv u biex is-settur pubbliku u dak privat ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. Bord indipendenti ta’ esperti se jagħżel il-belt rebbieħa fir-rebbiegħa tal-2014 u l-belt li tingħażel se tirċievi s-somma ta’ EUR 500 000 sabiex tkompli żżid l-isforzi tagħha. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu sat-3 ta’ Diċembru 2013.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Il-bliet iservu ta’ muturi għall-ekonomija Ewropea. Seba’ minn kull għaxar Ewropej joqogħdu f’żona urbana, u żewġ terzi mill-PDG tal-UE ġej minn dawn ir-reġjuni. Irridu ninkuraġġixxu lill-bliet iżidu l-isforzi tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni u noħolqu netwerk ta’ bliet li jistgħu jaqsmu l-aħjar ideat tagħhom għall-ġejjieni.”

Il-bliet se jiġu ġġudikati kemm fuq l-inizjattivi u l-kisbiet tagħhom stess s’issa, kif ukoll fuq l-ideat tagħhom għall-ġejjieni biex isaħħu l-kapaċità innovattiva. Huma se jkollhom juru li qed isegwu strateġija komprensiva:

  • li hija innovattiva — f’termini tal-kunċetti, il-proċessi u l-għodda li jintużaw;

  • li tispira–, sabiex tattira t-talent, il-fondi u l-investiment u sabiex iċ-ċittadini jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw fiha;

  • li hija integrata–, jiġifieri li turi li hija marbuta mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa;

  • u li hija interattiva, jiġifieri li tibni komunità għall-innovazzjoni fil-belt u ma’ bliet oħrajn.

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-bliet li jinsabu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew fi kwalunkwe pajjiż li huwa assoċjat mal-programm ta’ qafas tal-UE għar-riċerka. Dawn il-bliet irid ikollhom iktar minn 100 000 abitant u l-inizjattivi tagħhom irid ikun ilhom għaddejjin mill-inqas mill-1 ta’ Jannar 2010. F’pajjiżi fejn m’hemm l-ebda belt li fiha jgħixu iktar minn 100 000 ruħ, tista’ tapplika l-ikbar belt.

Il-bliet kandidati għandhom iżuru s-sit tal-internet tal-kompetizzjoni bi premju għall-belt kapitali tal-innovazzjoni għal iktar informazzjoni dwar din il-kompetizzjoni u għar-regoli u l-kundizzjonijiet tagħha. Il-mistoqsijiet dwar l-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej: rtd-i-capital@ec.europa.eu.

Kuntest

L-innovazzjoni hija fattur ewlieni li jwassal għat-tkabbir ekonomiku u għall-kompetittività tan-negozji u tinsab fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020. L-Unjoni Ewropea ffissat l-għan għaliha nfisha li ssir “Unjoni tal-Innovazzjoni”.

Permezz tal-politiki tagħha favur ir-riċerka u l-innovazzjoni u permezz tal-politiki reġjonali tagħha, l-UE qiegħda tippromovi żvilupp urban li huwa sostenibbli u intelliġenti. Il-programm li jmiss tal-UE favur ir-riċerka u l-innovazzjoni, imsejjaħ “Orizzont 2020”, se jkun fis-seħħ mill-2014 sal-2020. Huwa se jikkonċentra aktar minn qatt qabel fuq il-finanzjament tal-“katina kollha tal-innovazzjoni”, mill-iskoperti xjentifiċi sal-iżvilupp li jwassalhom kważi sas-suq. Il-finanzjament reġjonali tal-UE fil-ġejjieni wkoll se jiffoka aktar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, pereżempju billi jiffoka fuq il-ħolqien tal-infrastruttura għar-riċerka.

Ħoloq

L-istrateġija Ewropa 2020 http://ec.europa.eu/europe2020

Il-programm imsejjaħ “Orizzont 2020” http://ec.europa.eu/research/horizon2020

Il-fondi reġjonali http://ec.europa.eu/regional_policy

Kuntatti għall-ġurnalisti u x-xandara biss:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martinez-Garcia (+32 2 298 73 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website