Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Awwissu 2013

Azzjoni Klimatika: Ngħinu lill-Paċifiku fil-ġlieda tiegħu kontra t-tibdil fil-klima

Il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, se tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-Forum annwali tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF) f’Majuro, fil-Gżejjer Marshall, bejn it-3 u l-5 ta’ Settembru. Il-laqgħa ta’ din is-sena se tiffoka fuq ir-reazzjoni tar-reġjun tal-Paċifiku għat-tibdil fil-klima. Fis-6 ta' Settembru, hi se żżur ukoll il-Manila għal taħdidiet mar-rappreżentanti tal-gvern tal-Filippini u mal-Bank Asjatiku għall-Iżvilupp.

Il-Kummissarju Hedegaard qalet: “Hija l-ambizzjoni tiegħi li nagħmel lill-Unjoni Ewropea u lir-reġjun tal-Paċifiku sħab fl-avvanz tal-aġenda globali għat-tibdil fil-klima. Ir-reġjun tal-Paċifiku jista' jserraħ fuq il-kooperazzjoni u l-ambizzjoni klimatiċi tal-Ewropa. Aħna nserrħu fuq ir-reġjun tal-Paċifiku biex jgħinna ninvolvu l-ekonomiji l-kbar l-oħra kollha f'reġim klimatiku ambizzjuż għall-ġejjieni li għandu jiġi ffinalizzat fl-2015. M’hemmx ħin x’nitilfu jekk irridu nevitaw li d-diżastri devastanti kkawżati mill-klima jsiru n-norma l-ġdida.”

Il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF)

Il-PIF, li twaqqaf fl-1971, huwa l-istituzzjoni politika ewlenija għall-ekonomija u l-politika tar-reġjun. Il-missjoni formali tiegħu hija li jsaħħaħ il-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, u li jaġixxi wkoll bħala korp intergovernattiv. Il-PIF jinkludi 16-il Stat Membru: 14-il Pajjiż tal-Gżejjer tal-Paċifiku, flimkien mal-Awstralja u New Zealand.

Il-laqgħa ta' din is-sena tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF) hija intitolata “Nidderieġu r-Reazzjoni tal-Paċifiku għall-Isfida Klimatika.”

Bħala n-Nazzjon Ospitanti, il-Gżejjer Marshall iridu li l-laqgħa tvara 'Dikjarazzjoni tal-Majuro għal Tmexxija Klimatika' li jkollha l-għan li tagħti spinta ġdida lill-ġlieda tar-reġjun kontra t-tibdil fil-klima. Il-mexxejja tal-Paċifiku identifikaw it-tibdil fil-klima bħala l-unika u l-akbar theddida għar-reġjun. Il-Gżejjer tal-Paċifiku li jinsabu fil-baxx huma partikolarment vulnerabbli għaż-żieda fil-livell tal-baħar ikkawżata mit-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, din ir-Rebbiegħa, il-Ġżejjer Marshall iddikjaraw stat ta’ diżastru fil-gżejjer tat-Tramuntana tagħhom minħabba l-effetti tan-nixfa li hu maħsub ġiet ikkawżata mit-tibdil fil-klima.

Minbarra li se tieħu sehem fil-laqgħa formali tal-PIF, il-Kummissarju Hedegaard se tiltaqa’ bilateralment ma’ diversi mexxejja tal-gżejjer tal-Paċifiku. Dawn il-laqgħat se jiffokaw fuq l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjun, kif ukoll fuq il-progress li qed isir fin-negozjati internazzjonali biex fl-2015 jiġi ffinalizzat ftehim klimatiku internazzjonali ġdid u biex tiġi intensifikata l-azzjoni klimatika globali qabel l-2020.

Il-Filippini

Il-Filippini huwa membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). Fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima huwa jagħmel parti mill-grupp ta' Pajjiżi Fil-Fażi tal-Iżvilupp li Huma tal-Istess Opinjoni.

F’Manila, il-programm tal-Kummissarju Hedegaard se jinkludi laqgħat mal-President Benigno Aquino, mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Filippina għat-Tibdil fil-Klima, u mal-maniġment tal-Bank Asjatiku għall-Iżvilupp. Hi se jkollha wkoll ikla ta' nofsinhar ta' ħidma mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Filippini.

Il-Filippini huwa pajjiż partikolarment vulnerabbli għal temp estrem li huwa aktar sever u frekwenti - il-Bank Dinji wissa kif it-tibdil fil-klima qed iwaqqaf l-iżvilupp u qed jostakola l-qerda tal-faqar madwar id-dinja. Ir-rapport riċenti tiegħu Getting a grip on climate change in the Philippinesjuri li dan il-pajjiż huwa t-tielet nazzjon l-aktar vulnerabbli fid-dinja għal avvenimenti estremi relatati mat-temp u għal żieda fil-livell tal-baħar.

L-appoġġ tal-UE għar-reġjun tal-Paċifiku

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donatur fid-dinja kollha u t-tieni l-akbar fir-reġjun tal-Paċifiku, wara l-Awstralja. Il-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp mal-pajjiżi AKP (il-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku) tal-Paċifiku u l-pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (OCTs) ġestita mill-Kummissjoni, hija stmata għal EUR 750 miljun għall-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2013. L-għajnuna tal-UE qiegħda tiffinanzja programmi ta’ għajnuna bilaterali kif ukoll programmi reġjonali ġestiti minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Paċifiku.

L-UE u r-reġjun tal-Paċifiku għandhom sħubija fit-tul u interess komuni f'dak li jirrigwarda t-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-oċean u kwistjonijiet globali oħrajn. Il-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima tinsab fil-qofol tas-sħubija bejn l-UE u l-Paċifiku. Minn mindu l-UE u l-PIF adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-Klima fl-2008, il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Paċifiku dwar it-tibdil fil-klima żdiedet b'mod konsiderevoli, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament. Is-Sħubija mġedda għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Paċifiku, stabbilita s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tipprovdi l-qafas għall-avvanz tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Minbarra r-riżorsi għall-iżvilupp u t-tibdil fil-klima li oriġinalment kienu ġew allokati għall-pajjiżi AKP tal-Paċifiku għall-perjodu 2008-2013, l-UE għamlet disponibbli pakkett finanzjarju ta' EUR 110 miljun f’riżorsi addizzjonali għat-tibdil fil-klima, liema pakkett ilu impenjat mill-Kummissjoni sa mill-2008. Il-gżejjer żgħar kollha li huma stati fil-fażi tal-iżvilupp fil-Paċifiku qegħdin jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja u teknika mill-inizjattiva tal-UE tal-Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA), kemm direttament, permezz ta' programmi għall-pajjiżi individwali, kif ukoll indirettament, permezz ta' programmi reġjonali għall-Paċifiku.

L-appoġġ tal-UE għall-Asja

L-UE tappoġġa l-azzjoni klimatika li qed jieħdu l-pajjiżi Asjatiċi, inkluż il-Filippini, permezz ta' għadd ta' metodi diversi. Dawn jinkludu l-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja tal-Kummissjoni Ewropea, li diġà għandha ppjanati proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima, u li se titkabbar b'mod sinifikanti matul is-seba' snin li ġejjin; kontribuzzjonijiet għall-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp; appoġġ lill-ASEAN, fejn l-UE se tkompli żżid mal-esperjenza li kisbet s'issa billi tiżviluppa l-programm reġjonali ġdid tagħha għall-2014-2020; u l-programm SWITCH-Asja biex jappoġġa produzzjoni u konsum sostenibbli fir-reġjun.

Aktar tagħrif

Id-DĠ għall-Azzjoni Klimatika, B'ħidma mas-sħab internazzjonali:

http://ec.europa.eu/clima/policies/international/index_en.htm

Il-Kummissarju Ewropew għat-Tibdil fil-Klima, Connie Hedegaard:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/hedegaard/index_en.htm

Connie Hedegaard fuq Twitter:

https://twitter.com/CHedegaardEU

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website