Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Awwissu 2013

L-Ambjent: Regolament ġdid dwar il-Bijoċidi jtejjeb il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent

Regolament ġdid dwar il-prodotti bijoċidali li se jibda japplika mill-1 ta' Settembru se jżid is-sikurezza tal-bijoċidi li jintużaw u li jitqiegħdu fis-suq, u jissimplifika l-proċedura tal-awtorizzazzjoni tagħhom fl-UE. Il-bijoċidi huma sustanzi kimiċi li jintużaw biex jikkontrollaw l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, bħall-pesti u l-mikrobi (jiġifieri moffa u batterji), u jinkludu r-repellents tal-insetti, id-diżinfettanti u sustanzi kimiċi industrijali bħalma huma ż-żebgħa anti-fouling għall-vapuri u preżervattivi tal-materjali.

Ir-Regolament il-ġdid huwa żvilupp ġdid ewlieni għas-suq intern, bil-possibbiltà li tintalab awtorizzazzjoni mal-UE kollha għal prodotti bijoċidali, li tkun tippermetti lill-industriji jqiegħdu l-prodotti tagħhom direttament fis-suq kollu tal-UE. Permezz ta' din l-awtorizzazzjoni aktar sempliċi u effiċjenti, ġie stmat li l-industrija tkun tista' tiffranka madwar EUR 2.7 biljuni tul perjodu ta' 10 snin mill-iskambju u r-rekwiżiti tad-dejta.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Dan ir-Regolament huwa pass 'il quddiem biex niżguraw li fl-UE jkunu disponibbli biss prodotti awtorizzati li mhumiex ta' periklu. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni se ġġib magħha benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għall-kumpaniji filwaqt li tiżgura livell għoli ta' ħarsien ambjentali għaċ-ċittadini."

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jnaqqsu wkoll l-ittestjar fuq l-annimali peress li l-iskambju tad-dejta jsir obbligatorju u jitħeġġeġ approċċ għall-ittestjar li jkun aktar flessibbli u intelliġenti. Pjattaforma tal-IT speċifika (ir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali) li fil-preżent qed tintuża għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet kif ukoll għar-reġistrazzjoni ta' deċiżjonijiet, issa se tibda tintuża wkoll għat-tixrid tal-informazzjoni lill-pubbliku.

Ir-Regolament il-ġdid kien ukoll l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni li integrat id-definizzjoni l-ġdida tan-nanomaterjali tal-Kummissjoni.

Skont dan ir-Regolament il-ġdid, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi se tipprovdi l-appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Il-kompiti tal-Aġenzija jinkludu, fost affarijiet oħra, li tagħti l-opinjonijiet dwar l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni ta' prodotti bijoċidali. L-għadd totali tal-opinjonijiet li għandhom jingħataw mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi mistenni li jiżdied minn 80 fl-2014 għal 300 fl-2020.

Kuntest

Id-Direttiva 98/8/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali ġiet adottata fl-1998. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu r-regoli fil-liġijiet nazzjonali tagħhom qabel l-14 ta' Mejju 2000. Id-Direttiva dwar il-Prodotti Bijoċidali għandha l-għan li tarmonizza s-suq Ewropew tal-prodotti bijoċidali u tas-sustanzi attivi tagħhom. Fl-istess ħin għandha l-għan li tipprovdi livell għoli ta' ħarsien għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent.

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-prodotti Bijoċidali, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 ġie adottat fit-22 ta' Mejju 2012, u għandu jibda japplika mill-1 ta' Settembru 2013. Huwa jħassar u jieħu post id-Direttiva ta' qabel.

Mill-adozzjoni tiegħu, ġew adottati għadd ta' miżuri ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li jippermettu applikazzjoni xierqa tar-Regolament.

Għal iżjed informazzjoni:

Il-paġna tal-Kummissjoni fuq l-internet dwar il-bijoċidi:

http://ec.europa.eu/environment/biocides/2012/overview.htm

Il-paġna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fuq l-internet dwar il-bijoċidi:

http://echa.europa.eu/regulations/biocidal-products-regulation

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website