Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jiem tal-Wirt Ewropew: 50 pajjiż joffru dħul b'xejn f'siti ta' interess storiku

European Commission - IP/13/794   29/08/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu / Brussell, id-29 ta' Awwissu 2013

Il-Jiem tal-Wirt Ewropew: 50 pajjiż joffru dħul b'xejn f'siti ta' interess storiku

Matul Settembru, miljuni ta' nies se jgawdu minn dħul b'xejn f'eluf ta' siti storiċi u kulturali li s'issa ftit li xejn infetħu għall-pubbliku, f'50 pajjiż. Dan se jkun parti mill-programm tal-Jiem tal-Wirt Ewropew, inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa, li ssir kull sena. Il-Jiem tal-Wirt Ewropew tal-2013 jitniedu uffiċjalment għada (it-30 ta' Awwissu) f'Yerevan, l-Armenja, il-belt li bħalissa qiegħda tokkupa l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Għada stess, se jitnieda wkoll websajt interattiv ġdid, li jipprovdi dettalji tas-siti li se jkunu miftuħin għall-pubbliku, kif ukoll tagħrif dwar avvenimenti speċjali li se jittellgħu f'kull pajjiż b'rabta mal-Jiem tal-Wirt Ewropew.

Bħalma jsir f'kull edizzjoni, il-Jiem tal-Wirt Ewropew huma miżgħuda b'firxa wiesgħa u varjata ta' siti affaxxinanti u ta' avvenimenti li jagħtu l-ħajja lill-istorja. Ngħidu aħna, fl-Irlanda ta' Fuq, it-turisti se jkunu mistiedna jistħajlu lilhom infushom deħlin għall-battalja fil-Medjuevu, billi "jħossu t-toqol tax-xabla, il-piż tal-korazza u t-tisbita tal-viżiera tal-elmu". Fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-tema se tkun "Poter u Glorja", u t-turisti jkunu jistgħu jtiegħmu 400 sena ta' storja. Fl-Iżvezja, "Slaleb it-Toroq" se joffri vjaġġ emozzjonali f'postijiet ta' inkontri u ta' tluq tul is-sekli, filwaqt li l-Iżvizzera se ddawwal il-pajsaġġ tal-wirt bit-tema tan-nar, id-dawl u l-enerġija.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Il-Jiem tal-Wirt Ewropew huma inizjattiva meraviljuża, li tista' titgawda minn nies ta' kull età u ta' kull oriġni. Din is-sena, qegħdin nistennew li 'l fuq minn 20 miljun ruħ, adulti u tfal, igawdu minn din l-opportunità speċjali biex iżuru postijiet li s-soltu jkunu magħluqin għall-pubbliku. Dan huwa mod tajjeb kif niżguraw li l-wirt Ewropew komuni tagħna jintgħożż u jitħares għall-ġenerazzjonijiet t'għada, filwaqt li jkun ta' ġid għall-komunitajiet lokali permezz ta' aktar turiżmu."

Gabriella Battaini-Dragoni, il-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, qalet: "Is-suċċess tal-Jiem tal-Wirt Ewropew jitnissel mill-isforzi li saru fil-livell lokali, jiġifieri mill-komunitajiet muniċipali u reġjonali. Kull sena, il-komunitajiet madwar l-Ewropa jsiru parti minn 'familja kulturali' li tiċċelebra r-rikkezza immensa tal-patrimonju kulturali tagħna."

Il-Jiem tal-Wirt Ewropew: L-isfond

Imnedija fl-1985, il-Jiem tal-Wirt Ewropew ilhom jiġu organizzati mill-1999 bħala inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-50 pajjiż firmatarju għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea jieħdu sehem fil-Jiem tal-Wirt Ewropew. L-attivitajiet kulturali li jittellgħu tul dan il-festival ta' xahar jippromwovu l-ħiliet u t-tradizzjonijiet lokali, l-arkitettura u l-arti, u jfittxu li jġibu 'l quddiem il-fehim reċiproku fost iċ-ċittadini Ewropej.

Aktar tagħrif

Lista ta' attivitajiet

Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Jiem tal-Wirt Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-Jiem tal-Wirt Ewropew

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58) Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Kuntatti tal-Kunsill tal-Ewropa:

Madelena Grossmann (+33 0 3 88 41 22 03) - Direttur, Programm tal-Jiem tal-Wirt Ewropew, Direttorat Ġenerali – Demokrazija

Giuseppe Zaffuto (+33 0 3 90 21 56 04) – Uffiċjal tal-Midja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website