Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tadotta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Bejgħ bl-Imnut u tikkonsulta dwar prattiki kummerċjali inġusti

Commission Européenne - IP/13/78   31/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta' Jannar 2013

Il-Kummissjoni tadotta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Bejgħ bl-Imnut u tikkonsulta dwar prattiki kummerċjali inġusti

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Bejgħ bl-Imnut u Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista bejn in-negozji tal-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel.

Is-settur tas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa huwa wieħed mill-aktar importanti fl-ekonomija tal-UE u għandu jkollu parti ewlenija fit-tħeġġiġ għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-istrateġija Ewropa 2020. Dan is-settur jirrappreżenta 11% tal-PDG tal-UE u 29% tal-SMEs Ewropej u jimpjega kważi 33 miljun persuna, filwaqt li joffri opportunitajiet ta’ impjiegi b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, għan-nisa u għall-persuni b’ħiliet ta’ livelli baxxi jew bi ftit kwalifiki. Madankollu, għad fadal bosta ostakoli li jimpedixxu l-funzjonament mingħajr tfixkil tal-provvista bejn il-fruntieri, tal-aċċess għall-konsumatur għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut bejn il-fruntieri u tad-dħul fis-suq għall-bejjiegħa bl-imnut.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi Michel Barnier qal “Il-bejjiegħa bl-imnut jaqdu rwol importanti għaliex iqarrbu s-Suq Uniku lejn il-konsumaturi tal-UE. Madankollu għad hemm ostakoli għall-ħolqien ta’ suq uniku effiċjenti u kompetittiv għall-bejgħ bl-imnut. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi strateġija biex titjieb il-kompetittività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u biex tissaħħaħ il-prestazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali tas-settur.” Il-Kummissarju Barnier kompla jgħid: "Irridu wkoll li jkun hemm sens ta’ ġustizzja. Il-prattiki kummerċjali inġusti jipperikolaw il-vijabbiltà tan-negozji u jagħmlu l-katina tal-provvista għall-bejgħ bl-imnut ineffiċjenti. Il-konsumaturi għandu jkollhom prezzijiet kompetittivi iżda jien irrid li l-fornituri għall-bejgħ bl-imnut jingħataw prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom ukoll.”

L-azzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Bejgħ bl-Imnut jirrelataw ma’ ħames prijoritajiet ewlenin:

  • Li tingħata setgħa lill-konsumaturi permezz ta’ informazzjoni aħjar

  • Li titjieb l-aċċessibbiltà għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut billi jitħeġġeġ skambju ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri fl-ippjanar kummerċjali u spazjali

  • Relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti u aktar sostenibbli tul il-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ikel u tal-prodotti mhux tal-ikel

  • Li tiġi żgurata rabta aħjar bejn il-bejgħ bl-imnut u l-innovazzjoni

  • Li jinħoloq ambjent tax-xogħol aħjar, pereżempju billi jitlaqqgħu aħjar il-ħtiġijiet tal-impjegaturi u l-ħiliet tal-persunal.

Il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp permanenti dwar il-Kompetittività tal-Bejgħ bl-Imnut li se jgħin fl-iżvilupp ta’ għanijiet speċifiċi oħrajn għall-oqsma identifikati, jimmonitorja l-progress miksub, joħroġ rakkomandazzjonijiet biex jiżgura li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet inklużi f’dan il-Pjan u, fejn meħtieġ, jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet ġodda oħrajn li jistgħu jiġu proposti.

Waħda mill-azzjonijiet ewlenin hija Green Paper li tniedi konsultazzjoni dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista bejn in-negozji tal-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel, li ġiet adottata flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni. Il-konsultazzjoni li se ddum għaddejja tliet xhur, se tgħin lill-Kummissjoni tivvaluta l-kobor tal-prattiki kummerċjali inġusti u tiġbor evidenza dwar l-effett li jħallu fuq l-ekonomija u fuq l-attività bejn il-fruntieri. Din se teżamina l-effettività tal-oqfsa awtoregolatorji u leġiżlattivi li ġew stabbiliti biex jindirizzaw dawk il-prattiki f’livell nazzjonali u se tanalizza l-kwistjoni ta’ jekk dawn l-approċċi diverġenti jistgħux iwasslu għal frammentazzjoni tas-Suq Uniku. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jressqu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet indirizzati fil-Green Paper sat-30 ta’ April 2013.

Fil-każ speċifiku tal-prattiki kummerċjali inġusti fis-settur tal-ikel, fl-2010 twaqqfet Pjattaforma ta’ Esperti dwar il-Prattiki Kuntrattwali bejn in-Negozji fi ħdan il-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista tal-Ikel li Taħdem Aħjar biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni. Matul il-laqgħa tal-Forum ta’ Livell Għoli ta’ Diċembru 2012 (ara IP/12/1314), ġie mħabbar “approċċ fuq żewġ binarji” biex tiġi indirizzata l-problema. L-adozzjoni tal-Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji fil-katina tal-prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel qed isseħħ b’mod parallel mal-ħidma ta’ dan il-Forum, u l-Kummissjoni se tniedi Valutazzjoni tal-Impatti li tanalizza bosta għażliet possibbli biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, li jvarjaw mill-awtoregolazzjoni għal-leġiżlazzjoni.

Ara wkoll MEMO/13/47

Aktar informazzjoni

L-ostakoli għal suq uniku tal-bejgħ bl-imnut ġew identifikati fir-Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar is-Suq tal-Bejgħ bl-Imnut ta’ Lulju 2010 (ara IP/10/885), fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Settur tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust ta’ Lulju 2011 u fil-gruppi ta’ ħidma mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati ewlenin organizzati mill-Kummissjoni matul it-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni.

http://ec.europa.eu/internal_market/retail/index_en.htm

Kuntatti:

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site