Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Awwissu 2013

L-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tar-riċerka wasal f'punt li rridu nibqgħu naħdmu fuqu

It-tendenza globali lejn sitwazzjoni fejn ir-riżultati tar-riċerka jkunu aċċessibbli għall-qarrejja mingħajr ħlas — l-hekk imsejjaħ “aċċess miftuħ” — ġiet ikkonfermata llum fi studju ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Din ir-riċerka ġdida tissuġġerixxi li l-aċċess miftuħ riesaq lejn punt li ta' min inkomplu naħdmu fuqu, hekk li madwar 50 % tal-ktejbiet xjentifiċi ppubblikati fl-2011, illum wieħed jista' jaċċessahom b'xejn. Dan huwa madwar id-doppju tal-livell stmat fi studji preċedenti, xi ħaġa li tispjega ruħha minħabba l-metodoloġija raffinata użata kif ukoll definizzjoni usa’ ta’ aċċess miftuħ. L-istudju jikkalkula wkoll li aktar minn 40 % tal-artikli eżaminati minn esperti fil-qasam tax-xjenza ppubblikati madwar id-dinja bejn l-2004 u l-2011 issa nistgħu naċċessawhom onlajn f'għamla ta' aċċess miftuħ. L-istudju jagħti ħarsa lejn l-UE u xi pajjiżi ġirien, kif ukoll lejn il-Brażil, il-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Permezz ta' riżultati tar-riċerka aktar aċċessibbli, l-aċċess miftuħ jista' jikkontribwixxi għal titjib u żieda ta' effiċjenza fix-xjenza, kif ukoll għall-innovazzjoni fis-setturi pubbliċi u privati. Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Dawn il-konklużjonijiet jenfasizzaw li l-aċċess miftuħ se jibqa’. It-tqegħid tar-riżultati tar-riċerka fl-isfera pubblika isaħħaħ kemm ix-xjenza kif ukoll l-ekonomija tagħna bbażata fuq l-għarfien."

L-istudju ħares lejn il-pubblikazzjonijiet akkademiċi li jeżistu fi 22 qasam tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-Brażil, il-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti. F’diversi pajjiżi u dixxiplini, aktar minn 50% tad-dokumenti issa nistgħu naċċessawhom b’xejn. L-aċċess bla ħlas fil-każ tal-maġġoranza tal-artikli jeżisti fil-qasam tax-xjenza ġenerali u t-teknoloġija, fir-riċerka bijomedika, fil-bijoloġija u fil-matematika u l-istatistika. L-oqsma fejn l-aċċess miftuħ huwa l-aktar limitat huma dawk tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi, tax-xjenza applikata, l-inġinerija u t-teknoloġija.

Komunikazzjoni riċenti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea (IP/12/790) identifikat l-aċċess miftuħ bħala mezz ewlieni biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u allura anki l-innovazzjoni fl-Ewropa. Għaldaqstant, l-aċċess miftuħ se jibda jkun obbligatorju għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha prodotti b’finanzjament mill-Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE bejn l-2014 u l-2020. Il-Komunikazzjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jadottaw approċċ simili għal dak tal-Kummissjoni fil-programmi domestiċi tagħhom.

Il-Kummissarju Geoghegan-Quinn enfasizzat li l-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi l-aċċess miftuħ fl-Ewropa, inkluż fil-każ ta' dawk ir-riżultati li joħorġu mir-riċerka li tiffinanzja hi stess: “Il-kontributuri tat-taxxa Ewropej m’għandhomx għalfejn ikollhom iħallsu darbtejn għal riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi. Huwa għalhekk li l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet issettjajnieh b'mod awtomatiku għal Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li jmiss".

Sfond

L-istudju sar minn Science-Metrix, servizz ta' konsulenza għall-evalwazzjoni tar-riċerka. L-istudju inkluda t-28 Stat Membru tal-UE, kif ukoll l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, l-Iżlanda, in-Norveġja, it-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżrael, il-Brażil, il-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerika. Illum ġew ippubblikati wkoll żewġ rapporti oħra mill-istess grupp u dawn jeżaminaw il-politika tal-aċċess miftuħ u l-kwistjoni tal-aċċess miftuħ għad-dejta.

Dwar il-politika ta’ aċċess miftuħ, ir-rapport sab li l-maġġoranza ta’ 48 finanzjatur ewlieni qiesu li għalihom iż-żewġ għamliet ewlenin ta’ aċċess miftuħ huma t-tnejn aċċettabbli, jiġifieri: kemm l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet f’ġurnali (imsemmija bħala aċċess miftuħ “dehbi” u “ibridu”) kif ukoll l-arkivjar awtomatiku (imsemmija bħala aċċess miftuħ “aħdar” ). Aktar minn 75% aċċettaw il-perjodi ta’ embargo — jiġifieri l-perjodu bejn il-pubblikazzjoni ta' studju u l-aċċess miftuħ għall-istess studju — ta’ bejn 6 u 12-il xahar.

It-tielet studju sab, madankollu, li bħalissa hemm inqas politiki b'rabta mal-aċċess miftuħ għal dejta xjentifika milli b'rabta mal-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet. L-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka qed jevolvi b'ritmu mgħaġġel f’ambjent fejn iċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-kumpaniji privati jikkooperaw b'mod ftit li xejn organizzat fejn jidħol l-iżvilupp ta' infrastruttura, standards, prototipi u mudelli ta’ negozju. Skont l-Orizzont 2020, il-programm ta' finanzjament għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE għas-snin 2014-2020, il-Kummissjoni se tibda studju bi prova dwar l-aċċess miftuħ għal dejta miġbura minn riċerka ffinanzjata pubblikament, filwaqt li tqis il-kwistjonijiet leġittimi relatati mal-interessi kummerċjali, il-privatezza u s-sigurtà ta'min jipprovdi din id-dejta.

Il-Kummissjoni se tagħmel l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi prinċipju ġenerali tal-Orizzont 2020. Mill-2014, l-artikli kollha prodotti b’riżultat ta’ finanzjament mill-Orizzont 2020 iridu jkunu aċċessibbli:

  • il-pubblikatur, l-artikli jagħmilhom aċċessibbli onlajn immedjatament (aċċess miftuħ “dehbi” u“ibridu”) - l-ispejjeż marbutin direttament mal-pubblikazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal rimborż mill-Kummissjoni Ewropea; jew

  • ir-riċerkaturi jagħmlu l-artikli tagħhom aċċessibbli permezz ta’ repożitorju ta' aċċess miftuħ sa mhux aktar tard minn sitt xhur (12-il xahar għal artikli fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi) wara li jiġu ppubblikati (aċċess miftuħ “ħadrani”).

Ħoloq

Ħoloq għat-tliet studji:

http://www.science-metrix.com/pdf/SM_EC_OA_Availability_2004-2011.pdf

http://www.science-metrix.com/pdf/SM_EC_OA_Policies.pdf

http://www.science-metrix.com/pdf/SM_EC_OA_Data.pdf

Il-websajt Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Inma Martinez Garcia (+32 2 298 73 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site