Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2013

Il-Kummissjoni tadotta miżuri kummerċjali fil-Gżejjer Faroe biex tipproteġi l-istokk tal-aringi Atlantiċi-Skandinavi

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett ta’ miżuri biex tindirizza s-sajd kontinwu mhux sostenibbli ta’ aringi mill-Gżejjer Faroe. Il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-aringi u l-kavalli mill-istokkijiet Atlantiċi-Skandinavi li nqabdu taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe kif ukoll fuq prodotti tas-sajd li jinkludu jew li huma magħmula minn dan il-ħut. Il-miżuri jinkludu wkoll restrizzjonijiet fuq l-użu ta' portijiet tal-UE minn basimenti tas-sajd għall-istokkijiet tal-aringi u tal-kavalli taħt il-kontroll tal-Gżejjer Faroe. Dan ifisser li ċerti bastimenti tal-gżejjer Faroe mhumiex se jkunu jistgħu jankraw fil-portijiet tal-UE, ħlief f'każijiet ta' emerġenza.

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: “L-impożizzjoni ta’ miżuri ta' dan it-tip hija dejjem l-aħħar attentat għal soluzzjoni. L-awtoritajiet tal-gżejjer Faroe setgħu waqqfu s-sajd mhux sostenibbli, iżda ddeċidew li ma għandhomx jagħmlu hekk. Issa huwa ċar għal kulħadd li l-UE hija ddeterminata li tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipproteġi s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet."

Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali.

Sal-2013 l-istokk tal-aringi Atlantiċi-Skandinavi kien ikkontrollat b'mod konġunt minn-Norveġja, ir-Russja, l-Islanda, il-Gżejjer Faroe u l-UE permezz ta’ pjan ta’ ġestjoni fit-tul miftiehem u ishma stabbiliti minn qabel tal-Qabda Totali Permessa (TAC). Madankollu, fl-2013 il-Gżejjer Faroe unilateralment iddeċidew li joħorġu minn dan il-Ftehim u stabbilixxew kwota awtonoma aktar minn tliet darbiet is-sehem li kien miftiehem tagħhom.

Minkejja l-akbar sforzi tal-Kummissjoni biex tinstab soluzzjoni negozjata u t-twissijiet ripetuti li jistgħu jiġu adottati miżuri, l-awtoritajiet tal-gżejjer Faroe rrifjutaw li jtemmu s-sajd mhux sostenibbli tal-istokk. Wara li ppruvat kull mezz ieħor, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mill-Istrument tan-Negozju sabiex tħeġġeġ lill-Gżejjer Faroe biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-istokk. Fil-31 ta’ Lulju 2013, dawn il-miżuri rċivew l-appoġġ ċar tal-Istati Membri fil-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura.

Filwaqt li jeżisti tilwim simili mal-Islanda dwar il-ġestjoni tal-istokk tal-kavalli tal-Grigal tal-Atlantiku, il-Kummissjoni għadha ma adottatx miżuri f’dan ir-rigward. Madankollu, il-Kummissjoni issa qed tieħu l-ewwel passi lejn l-applikazzjoni tal-Istrument tan-Negozju f’dan il-każ ukoll.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew f'Ottubru 2012 adottaw l-Istrument tan-Negozju, (ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012) li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri kontra pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli.

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website