Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-20 ta’ Awwissu 2013

Il-Kummissjoni tassenja l-50 għotja tad-Dottorat Industrijali Ewropew lill-proġett VAMPIRE għar-riċerka biex jitwaqqaf il-fluss tad-demm lejn il-kanċer

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tassenja l-50 għotja tagħha tad-Dottorat Industrijali Ewropew (EID). L-għotja ta' EUR 1.5 miljun hija għar-riċerka ta' antikorpi ġodda li jeqirdu l-vini tad-demm ta' tumur u b'konsegwenza ta' hekk, lit-tumur innifsu. L-hekk imsejjaħ proġett VAMPIRE ('Vascular Antibody-Mediated Pharmaceutically Induced tumour Resection' - risezzjoni ta' tumur fil-livell vaskulari indotta minn sustanzi mediċinali permezz ta' antikorpi) huwa mmexxi mill-Università ta' Birmingham fir-Renju Unit flimkien ma' SomantiX, kumpanija bijoteknoloġika Olandiża li tinsab Utrecht. Ir-riċerka hija appoġġata minn universitajiet Ewropej, kumpaniji u ċentri ta' riċerka assoċjati, fosthom l-università Svizzera tax-xjenza u t-teknoloġija ETH Zurich u l-għaqda tal-karità Cancer Research UK. L-iskema tal-EID hi mmirata lejn proġetti li jlaqqgħu flimkien negozji u sħab akkademiċi minn żewġ pajjiżi.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Ninsab kuntenta ħafna li lħaqna dan il-punt importanti permezz tad-Dottorat Industrijali Ewropew - u żgur li ma jistax ikun hemm eżempju aqwa minn din is-sħubija bħala tip ta' kollaborazzjoni transsettorjali li nixtiequ nħeġġu sabiex niġġieldu l-kanċer. L-EID huwa eżempju ċar tal-valur miżjud li l-investimenti tal-UE jistgħu jagħtu f'termini ta' eċċellenza, innovazzjoni u kompetittività billi joħolqu kollegamenti bejn l-akkademiċi, ir-riċerka u n-negozji."

Il-Professur Roy Bicknell, li se jmexxi l-proġett minn Birmingham, qal: "Id-Dottorat Industrijali Ewropew jaqdi ħtieġa kbira fis-soċjetà. Dan jippermetti li r-riċerka importanti għall-mediċina u għall-ekonomija timxi 'l quddiem, filwaqt li fl-istess ħin titħarreġ il-ġenerazzjoni li jmiss tal-aqwa xjenzati industrijali."

Id-Dottorat Industrijali Ewropew tnieda bħala proġett pilota fl-2012 bħala parti mill-Azzjonijiet Marie Curie (MCA), il-programm Ewropew ta' boroż ta' studju għar-riċerka. L-għan tal-iskema EID hu li tipprovdi esperjenza professjonali fi proġetti eċċellenti ta' riċerka lil kandidati tal-PhD u kif ukoll li tiġbed iktar żgħażagħ lejn karriera fix-xjenza.

Sabiex proġett ikun eliġibbli għall-finanzjament tal-EID, dan irid ilaqqa' negozju ma' sieħeb akkademiku minn żewġ pajjiżi. L-għotjiet tal-EID li jingħataw għal tliet snin jippermettu li r-riċerkaturi jalternaw il-ħidma tagħhom fiż-żewġ pajjiżi, fil-laboratorji universitarji u fin-negozji, taħt il-gwida ta' superviżuri mis-settur privat u mill-università. L-intraprenditorija, il-komunikazzjoni, u l-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali huma fost il-kapaċitajiet mhux xjentifiċi li jipprovdi dan it-taħriġ.

L-għotjiet tal-EID se jinżammu taħt il-programm bl-isem ġdid Azzjonijiet Marie Curie bħala parti mill-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 li se jibda f'Jannar tas-sena d-dieħla.

Sfond

L-Azzjonijiet Marie Curie jippromwovu l-karrieri fir-riċerka fl-Ewropa b'finanzjament ġestit mill-Kummissjoni Ewropea. Mill-1996 sa tmiem l-2013, l-Azzjonijiet Marie Curie se jkunu sostnew 60 000 riċerkatur ta' madwar 130 nazzjonalità differenti. Aktar minn nofs ir-riċerka appoġġata mill-programm hija ddedikata għall-isfidi tas-soċjetà bħal pereżempju s-saħħa, it-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-enerġija. 37% tar-riċerkaturi ffinanzjati permezz tal-programm huma nisa u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jammontaw għal aktar min-nofs in-negozji kollha li jipparteċipaw. Il-baġit tal-Azzjonijiet Marie Curie huwa ta' EUR 4.7 biljun għall-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2013.

L-Azzjonijiet il-ġodda Marie Skłodowska-Curie (MSCA) se jkunu l-programm ewlieni tal-UE li jappoġġa taħriġ dottorali eċċellenti. Bejn l-2014 u l-2020, l-MSCA se jipprovdu għotjiet għal 25 000 riċerkatur tal-PhD fil-forma ta' Dottorati Industrijali Ewropej, dottorati konġunti (li jinvolvu bosta universitajiet), u taħriġ ieħor għal riċerka ta' kwalità għolja. L-MSCA se jiffokaw fuq taħriġ li jgħaqqad flimkien ir-riċerka u kapaċitajiet oħra li jkabbru l-impjegabbiltà bħalma huma l-kompetenzi ġestjonali, intraprenditorjali u komunikattivi. Dan l-aħħar il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qablu li l-MSCA se jammontaw għal 8 % tal-baġit totali ta' Orizzont 2020. Madankollu, din id-deċiżjoni għad trid tiġi adottata formalment mill-Istituzzjonijiet Ewropej.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website