Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2013

L-Aġenda Diġitali: Xjentisti Ġermaniżi, Franċiżi u Svizzeri jiżviluppaw għajnejn tal-insetti minjatura artifiċjali li jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni tal-inċidenti

Xjentisti fl-Isvizzera, il-Ġermanja, u Franza esploraw kif jaħdmu għajnejn l-insetti u ddisinjaw u bnew l-ewwel għajnejn komposti artifiċjali tondi u żgħar li jaħdmu bis-sħiħ. Il-proġett "CURVACE" rċieva EUR 2 miljuni f'finanzjament mill-UE sabiex jiġu żviluppati l-għajnejn minjatura tal-"insetti", li għandhom potenzjal industrijali għoli fir-robotika mobbli, l-ilbies intelliġenti u l-applikazzjonijiet mediċi.

Fil-futur, l-għajnejn komposti artifiċjali jistgħu jintużaw f'oqsma fejn l-individwazzjoni ta' movimenti panoramiċi hija primordjali. Pereżempju, għajn komposta artifiċjali flessibbli tista' titqiegħed fuq il-karozzi għall-individwazzjoni effiċjenti tal-ostakli (eż. waqt il-manuvri tal-parking, għall-gwida ta' vettura awtomatika, jew għall-individwazzjoni ta' vetturi jew persuni bil-mixi li jkunu qed jersqu wisq qrib), jew tiġi implimentata f'Mikrovetturi li jtiru (Micro Air Vehicles - MAVs) għal navigazzjoni bla ħbit ibbażata fuq il-viżjoni (eż. waqt l-inżul jew biex jiġu evitati l-ostakli, bħal f'operazzjonijiet ta' salvataġġ). Bis-saħħa tal-irquqija inerenti u l-flessibbiltà tagħhom, jistgħu jiġu integrati wkoll fit-tessuti biex jinħoloq ilbies intelliġenti, bħal kpiepel intelliġenti b'sistemi ta' avviż ta' ħbit għal persuni li għandhom diffikultà bil-vista. Barra minn hekk, l-għajnejn komposti artifiċjali flessibbli jistgħu jitwaħħlu mal-ħitan jew mal-għamara ta' djar intelliġenti għall-individwazzjoni tal-moviment (eż. għal anzjani f'xenarju ta' għajxien megħjun kuntestwalment, jew biex jiġu previsti l-inċidenti għat-tfal).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Meta niġu biex insolvu l-problemi, in-natura tipprovdilna ħafna soluzzjonijiet estremament sofistikati. Il-programmi ta' riċerka ffinanzjati mill-KE jagħtuna l-possibbiltà li nispiraw ruħna, nifhmu, nikkuppjaw u noħolqu mill-ġdid, fuq skala industrijali, uħud mill-aqwa affarijiet li tatna n-natura, sabiex inkunu nistgħu ntejbu l-ħajja taċ-ċittadini."

L-għajn komposta għandha karatteristiċi u funzjonalità simili għall-għajn tad-dubbiena Drosophila li tattakka l-frott u artropodi oħrajn. L-għajn, oġġett ċilindriku żgħir (dijametru ta' 12.8 mm, 1.75 gramma) hija magħmula minn 630 "għajn bażika", imsejħa ommatidja, imqassma fi 42 kolonna bi 15-il sensur kull waħda. Kull ommatidju huwa magħmul minn lenti (172 mikron), ikkombinata ma' pixel elettronika (30 mikron). Dawn is-sensuri għandhom proprjetajiet ottiċi avvanzati, bħal kamp viżiv panoramiku bla xkiel ta' 180°x60° u profondità tal-kamp kbira, u jistgħu jiġu addattati għal varjetà kbira ta' kundizzjonijiet ta' dawl.

Il-proġett CURVACE ġie ffinanzjat permezz tal-programm miftuħ FET tal-Kummissjoni Ewropea. Il-programm miftuħ FET, parti mit-taqsima "Xjenza Eċċellenti" ta' Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qed irawwem ideat ġodda: riċerka kollaborattiva għal xjenza u teknoloġija embrijoniċi viżjonarji b'riskju għoli.

Sfond

Il-proġett jinvolvi 5 istituzzjonijiet kollaborattivi: EPFL (l-Isvizzera), l-Università ta' Aix-Marseille u CNRS (Franza), L-Istitut għall-Ottika Applikata u l-Inġinerija Preċiża Fraunhofer (Il-Ġermanja), u l-Università ta' Tübingen (il-Ġermanja) li ħadmu flimkien għal 45 xahar (01.10.2009 - 30.06.2013). Il-baġit tal-proġett sħiħ huwa ta' EUR 2.73 miljuni, b'finanzjament mill-UE ta' 2.09 miljuni.

Ir-riżultati ġew ippubblikati fil-ġurnal Proceedings of the National Academy of Sciences of the USA (PNAS).

Links utli

http://www.curvace.org/

http://cordis.europa.eu/projects/237940

Hashtags: @fet_eu #FP7 #FET

Kulħadd jgħid tiegħu

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti:

Email: comm-kroes@ec.europa.eu

Tel: +32.229.56361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website