Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2013

Il-Kummissjoni tħabbar għotja ta' EUR 13.7 miljun lis-servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali

Wara li rnexxiet il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, l-industrija, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, id-dinja akkademika, is-settur privat u l-komunitajiet lokali fuq sensiela ta' proġetti li jiffaċilitaw l-għajxien, l-impjieg, l-ivvjaġġar, l-istudju u l-kummerċ transkonfinali, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel investiment ta' EUR13.7 miljun biex tkompli tiżviluppa s-servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali. Il-proġett il-ġdid tal-"e-SENS" (Servizzi Elettroniċi Sempliċi Networked Ewropej) se jgħin fl-iżvilupp ta' servizzi diġitali pubbliċi li se jiffaċilita l-kummerċ għall-kumpaniji kemm fl-Istati Membri tagħhom, kif ukoll fi Stati Membri oħra tal-UE. Dan ikun jinkludi t-twaqqif ta' kumpaniji, it-twettiq tal-obbligi legali u l-parteċipazzjoni fis-sejħiet pubbliċi għall-offerti. Se joħloq konnessjonijiet ukoll bejn is-servizzi diġitali nazzjonali għal dawk iċ-ċittadini li jżuru Stat Membru ieħor għall-btajjel, biex jaħdmu jew biex jistudjaw.

Neelie Kroes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet: "Jekk is-servizzi pubbliċi diġitali li għandna fl-Ewropa jaslu f'punt fejn ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod sigur u effiċjenti, kulħadd imur minn fuq: il-gvernijiet ikunu jistgħu jutilizzaw bl-aħjar mod l-istrateġiji onlajn tagħhom; in-negozji jkunu jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ fis-suq uniku; u ċ-ċittadini jkollhom inqas burokrazija ma xiex iħabbtu wiċċhom meta jivvjaġġaw madwar l-Ewropa."

Dawn huma għadd ta' eżempji ta' kif l-e-SENS jista' jgħin lill-Ewropej biex jutilizzaw mill-aħjar is-suq uniku:

  • Anja hija proprjetarja ta' aġenzija tal-ivvjaġġar li tispeċjalizza fil-vjaġġi lejn il-Portugall. Tixtieq tiftaħ aġenzija fil-Portugall li tkun torganizza l-vjaġġi lejn il-pajjiżi Baltiċi. Permezz tal-punt ta' kuntatt uniku kompletament onlajn SPOCS, hi tkun tista' ssir taf dwar liema kundizzjonijiet trid tissodisfa u tieħu l-għajnuna biex timla l-proċeduri tar-reġistrazzjoni onlajn.

  • Anja dalwaqt se tiżżewweġ lill-għarus tagħha, u t-tieġ se jsir fil-belt fejn joqgħod hu, fi Spanja. Permezz tal-modjul STORK u l-ID elettronika tagħha, Anja se tkun tista' tirreġistra ż-żwieġ tagħhom mid-dar tagħha fil-Litwanja, minn fuq l-internet.

  • Karel tilef il-bagalji waqt titjira bejn Brussell u Ateni. Ma kienx sodisfatt bil-kumpens li offrietlu l-kumpanija tal-ajru skont id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-UE. L-e-CODEX jippermettilu jibda proċedura għat-talbiet żgħar onlajn minn kwalunkwe post li jinzerta jkun fih fl-Ewropa.

  • Sabrina qiegħda żżur lill-kuġini tagħha fid-Danimarka u ndunat li spiċċawlha l-mediċini tad-dijabete. Imnalla li xorta waħda tista' tixtri l-mediċini mill-ispiżerija barra minn pajjiżha, permezz tas-sistema elettronika għar-riċetti mediċi epSOS.

L-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali se tkompli titjieb meta tkun tista' tiddependi fuq broadband ta' veloċità qawwija madwar l-UE. Il-miżuri li jippromwovu l-investiment f'networks ta' veloċità qawwija huma element wieħed, fost oħrajn, tal-pakkett ġejjieni tal-Kummissjoni biex toħloq kontinent konness.

Kuntest

B'kooperazzjoni ma' Stati Membri tal-UE, mal-industrija, mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, mad-dinja akkademika, mas-settur privat u ma' komunitajiet lokali, mill-2008 'l hawn, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat il-proġetti pilota fuq skala kbira għal servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali, biex jiżviluppaw u jippruvaw servizzi diġitali transkonfinali mingħajr xkiel. 'Il fuq minn 100 imsieħeb minn 20 pajjiż, mill-Portugall sat-Turkija, qegħdin jiżviluppaw u jimplimentaw, bħala parti mill-eSENS, moduli bbażati fuq standards u speċifikazzjonijiet miftuħin ta' IDs elettroniċi, Firma elettronika, eDelivery u dokumenti elettroniċi li jistgħu jużawhom innovaturi mis-setturi pubbliċi u privati biex joħolqu servizzi pubbliċi diġitali ġodda, u b'hekk ikunu qegħdin jgħinu biex "jibnu, jikkollegaw u jkabbru" l-Ewropa.

Il-proġetti speċifiċi huma dawn:

Il-konnessjoni sikura ta' identitajiet elettroniċi - il-proġett STORK 2.0 jgħin biex issir realtà żona ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni unika Ewropea. Dan jistabbilixxi l-interoperabbiltà f'livelli nazzjonali u tal-UE għall-IDs elettroniċi, kemm għall-persuni ġuridiċi, kif ukoll għall-persuni fiżiċi (vidjo).

Ġustizzja aktar veloċi - il-proġett e-CODEX itejjeb l-aċċess taċ-ċittadini u n-negozji għal servizzi legali transkonfinali fl-Ewropa, u jtejjeb ukoll l-interoperabbiltà bejn l-awtoritajiet ġuridiċi fl-UE (vidjo).

  • It-titjib tas-servizzi tal-kura tas-saħħa - il-proġett epSOS ifassal, jibni u jevalwa infrastruttura ta' servizz li tippermetti l-interoperabbiltà transkonfinali bejn sistemi ta' rekords tas-saħħa elettroniċi (vidjo).

  • Titjib fil-proċeduri tal-akkwisti - ir-riżultati tal-proġett PEPPOL dwar l-akkwist elettroniku (ittrasferit għall-assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ "OpenPEPPOL") jgħinu lin-negozji Ewropej jittrattaw faċilment u b'mod elettroniku ma' awtoritajiet pubbliċi Ewropej għall-proċeduri ta' akkwist tagħhom (vidjo).

  • Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ - ir-riżultati tal-proġett SPOCS jippermettu t-twaqqif ta' negozji f'pajjiżi barranin. Il-Kit tal-Bidu jipprovdilhom alternattivi faċli elettroniċi transkonfinali għal proċeduri twal amministrattivi, li ssoltu jkollhom jiffaċċjaw in-negozji meta jkunu qegħdin jippruvaw jinfirxu f'pajjiżi oħra (vidjo).

L-e-SENS ikompli jibni fuq dawn ir-riżultati u se jservi ta' ħolqa bejn l-istadju pilota u dak operattiv, meta s-servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali jkunu kompletament disponibbli. Il-proġett jinvolvi sħab minn 20 pajjiż: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u t-Turkija. L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI) u l-OpenPEPPOL jikkontribwixxu għall-proġett b'mod sinifikanti. L-e-SENS inbeda fl-1 ta' April 2013 u l-iffirmar tal-Ftehim tal-Għotja mal-Kummissjoni Ewropea jfisser li l-proġett issa jista' jitnieda b'mod uffiċjali.

Il-Kummissjoni qed tagħti EUR13.7 miljun (50% mill-baġit ta' EUR27.4 miljun), fuq tliet snin għas-sostenn tal-e-SENS, mill-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT-PSP).

L-e-SENS se jeżamina wkoll kif tista' tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul, tal-moduli tal-e-SENS u servizzi pubbliċi diġitali transkonfinali oħrajn, abbażi tar-riżultati ta' studju li ġie ppubblikat dan l-aħħar). Mill-2014 'il quddiem, jista' jkun li s-sostenn mingħand l-UE jibda jasal mit-taqsima tal-Infrastrutturi għas-Servizzi Diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li allokat sa madwar biljun ewro tul seba' snin biex issostni l-pjattaformi li jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali bla xkiel fl-Ewropa.

Links utli

Webzine "Build,Connect,Grow"

Digital Public Services on the Digital Agenda website

e-SENS

Esprimi l-opinjoni tiegħek

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter bil-hashtag: #ConnectedContinent

Kuntatti:

Email: comm-kroes@ec.europa.eu

Tel: +32.229.56361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website