Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2013

L-Ewropej ifittxu aktar bandwidth taċ-ċellulari, iżda qegħdin attenti għall-ispejjeż

Qiegħda dejjem tiżdied il-ħerqa tal-Ewropej għal teknoloġiji ġodda, kif jidher mill-aħħar stħarriġ madwar l-UE. Filwaqt li l-Ewropej dejjem lesti li jilqgħu l-opportunitajiet li joffru l-għodod u s-servizzi ġodda, kif jidher miċ-ċifri tal-abbonamenti tal-internet ġodda u l-użu tal-internet biex jagħmlu t-telefonati, huma xorta jaħsbuha darbtejn qabel ma jużaw it-telefown jew jidħlu onlajn, minħabba l-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi.

It-telefowns ċellulari issa jinsabu kullimkien, iżda nofshom biss huma “smart”. L-abbonamenti taċ-ċellulari li jinkludu aċċess għall-internet ivarjaw minn 55% fl-Isvezja, fid-Danimarka, fir-Renju Unit, fil-Finlandja, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi għal inqas minn 35% fil-Belġju, fil-Greċja, fl-Ungerija, f'Ċipru, fir-Rumanija, fil-Bulgarija u fil-Portugall. Dan l-użu inqas ta’ smart phones huwa karatteristiku f’bosta pajjiżi fejn dawk li huma abbonati għall-internet fuq iċ-ċellulari jillimitaw il-ħin li jqattgħu onlajn għaliex joqgħodu attenti biex ma jħallsux iżżejjed — fl-Ungerija (35%), fil-Portugall (58%), fil-Greċja (53%), f'Ċipru (52%), fil-Belġju, (47%) u fir-Rumanija (45%). Minħabba li joqgħodu attenti għall-ispejjeż, aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE jillimitaw li jċemplu, jew jillimitaw it-tul tat-telefonati fuq iċ-ċellulari kemm lejn numri nazzjonali (55%) kif ukoll lejn numri internazzjonali (54%). Aktar minn 70% jillimitaw it-telefonati nazzjonali, fil-Greċja (81%), fil-Portugall (79%), fl-Irlanda (72%) u fir-Rumanija (71%).

L-aċċess għall-broadband fid-dar hija realtà għal 3/4 tal-familji: 72.5% tal-familji fl-UE issa għandhom konnessjoni broadband, din hija żieda minn 67.3% fl-2011 (Sors: Eurostat). Fir-Rumanija, l-għadd żdied b'20 punt perċentwali, u fis-Slovakkja, b'16.7 punti, b’aktar minn 50% tal-familji fl-Istati Membri kollha li issa għandhom konnessjoni tal-broadband. U d-differenza bejn it-telefown u l-internet qiegħda tonqos b'rata mgħaġġla: 34 % jużaw l-internet biex jagħmlu t-telefonati (Protokoll tal-Voice over Internet jew “VOIP”), b’żieda ta’ 7 punti fl-2012. 28 % jużaw l-internet biex ikellmu l-utenti fuq l-istess netwerk tal-VOIP mingħajr ħlas, u 4 % jużaw il-VOIP biex jagħmlu t-telefonati internazzjonali bl-irħis. It-telefonati fuq l-internet huma popolari ħafna fil-Bulgarija (57%), f'Ċipru (55%), fl-Estonja (54%), fil-Litwanja u fil-Latvja (51%). Il-VOIP huwa inqas użat fil-Portugall (18%), fl-Italja, (26%), fi Spanja (28%) u fil-Greċja (29%), iżda qiegħed isir aktar popolari, u l-użu kiber b’medja ta’ 7 punti mill-2011 sal-lum. Iż-żieda fl-użu tal-VOIP jidher li qed issegwi t-tkabbir fil-broadband; pereżempju, f’Ċipru, fl-2012 kien hemm żieda ta' 11% ta' familji bl-internet, u l-użu tal-VOIP kiber b’16-il punt.

“Wieħed mill-għanijiet tal-pakkett Kontinent Konness, li se jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni f'Settembru, huwa li jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi bi prezz li jista' jaffordjah kulħadd,” qalet Neelie Kroes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali.

Kuntest

Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ ġew previsti aktar kmieni f'Lulju (ara IP/13/660) li b'mod partikolari jenfasizza l-fatt li l-veloċità tal-internet qiegħda ssir kwistjoni li dejjem iżjed qed tiżdied fl-importanza għall-utenti tal-internet. Biex ikollhom aktar veloċità, 45% tal-utenti tal-internet Ewropej lesti jaġġornaw is-servizz jew jibdlu l-pakkett tal-internet tagħhom.

L-Istħarriġ tal-Familji dwar il-Komunikazzjoni-Elettronika sar kull sena mill-2006. L-istħarriġ għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika billi sikwit jinġabru l-fatti dwar l-imġiba tal-unitajiet domestiċi u tal-individwi u jiġu osservati x-xejriet fejn jidħol il-forniment tas-servizzi ewlenin tal-komunikazzjoni elettronika.

It-tagħrif ta' dan l-istħarriġ inġabar f'Marzu 2013. 26,786 rispondent, minn gruppi soċjali u demografiċi rappreżentattivi differenti tal-popolazzjoni tal-UE, ġew intervistati wiċċ imb'wiċċ fid-dar tagħhom. Billi t-tagħrif inġabar qabel id-data uffiċjali tas-sħubija tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, ir-riżultati huma ppreżentati għall-UE27 u għall-Kroazja, u l-medji tal-UE jirreferu għall-UE27 biss.

Links utli:

L-istħarriġ sħiħ https://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/10099

It-tabella ta' valutazzjoni tal-Agenda Digitali

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter bil-hashtag: #ConnectedContinent

Kuntatti:

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.56361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website