Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell/ Barċellona, il-31 ta’ Jannar 2013
Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja
Il-Premju Mies van der Rohe: magħrufa l-finalisti
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Fundació Mies van der Rohe ħabbru l-ħames finalisti li se jkunu qed jikkompetu għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Arkitettura Kontemporanja 2013 – il-Premju Mies van der Rohe. B'kollox għall-premju ġew nominati 335 biċċa xogħol mifruxa fis-37 pajjiż Ewropew li jieħdu sehem fil-programm Kultura tal-UE. Il-lista finali tal-kompetituri tfasslet minn ġurija ta' esperti (ara d-dettalji hawn taħt). Ir-rebbieħ ewlieni tal-Premju, kif ukoll ir-rebbieħ tal-kategorija “special mention” għall-aqwa perit emerġenti, se jitħabbru f'Mejju, waqt ċerimonja tal-premjazzjoni li se ssir fis-6 ta' Ġunju fil-Paviljun Mies van der Rohe f'Barċellona, Spanja.
"Nixtieq nifraħ lill-periti kollha li ġew nominati u b'mod partikolari lill-finalisti. Fl-arkitettura Ewropea għandna teżor ta’ talenti; eżempju eċċellenti tad-dinamiċità li għandna fis-settur kulturali u f’dak tal-kreattività. Fl-istess ħin nirrikonoxxu li l-industrija tal-arkitettura qed issib sfidi importanti minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Fondazzjoni Mies van der Rohe huma impenjati biex jappoġġaw lis-settur, settur li jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija u għall-ħolqien tal-impjiegi, u dan filwaqt li jiġġenera s-sbuħija u jservi ta’ forza ta’ koeżjoni għas-soċjetà tagħna. Aħna se nkomplu nsostnu l-arkitettura, fosthom permezz ta’ dan il-premju, tul il-programm Ewropa Kreattiva li ġej”, qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.
City Hall, Ghent, il-Belġju
Periti: Robbrecht en Daem architecten; Marie-José Van Hee architecten
Superkilen, (park urban interkulturali), Copenhagen, id-Danimarka
BIG Bjarke Ingels Group; Topotek1; Superflex
Harpa- Is-Sala tal-Kunċerti u ċ-Ċentru għall-Konferenzi, Reykjavik, l-Iżlanda
Batteríid Architects; Henning Larsen Architects; Studio Olafur Eliasson
Id-Dar għall-Anzjani, Alcácer do Sal, il-Portugall
Aires Mateus Arquitectos
Metropol Parasol, (spazju kulturali u kummerċjali), Sevilja, Spanja
J. Mayer H.
Dawn ir-ritratti jistgħu jintużaw b’rabta mal-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja – il-Premju Mies van der Rohe. Il-verżjonijiet b’riżoluzzjoni għolja ta’ dawn ir-ritratti jitniżżlu hawnhekk.

City Hall, Ghent (ritratt: Petra Decouttere)

Superkilen, Copenhagen (ritratt: Superflex)

Harpa - Is-Sala tal-Kunċerti u ċ-Ċentru għall-Konferenzi (ritratt: Nic Lehoux)

Dar għall-Anzjani, Alcácer do Sal (ritratt: FG+SG)

Metropol Parasol, Sevilja (ritratt: David Franck)
L-isfond
Is-settur tal-arkitettura huwa fil-qalba tal-industriji kulturali u kreattivi vibranti tal-Ewropa. Huwa settur li jimpjega b’mod dirett aktar minn nofs miljun ruħ; aktar minn 12-il miljun oħra huma impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni. B’kollox, l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu sa 4.5% tal-PDG tal-UE.
Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Arkitettura Kontemporanja ‑ il-Premju Mies van der Rohe ‑ jenfasizza l-kontribut tal-periti Ewropej għall-iżvilupp ta’ ideat u teknoloġiji ġodda fl-iżvilupp urban kontemporanju. Imniedi fl-1987 u kofinanzjat mill-Programm tal-Kultura tal-UE u mill-Fundació Mies van der Rohe, il-Premju ta’ €60 000 huwa l-aktar premju prestiġjuż fil-qasam tal-arkitettura Ewropea. Dan jingħata darba kull sentejn għal biċċa xogħol li tkun tlestiet f’dawk is-sentejn preċedenti. Iċ-ċerimonja ta’ din is-sena se taħbat it-13-il waħda mit-tnedija ta’ din il-kompetizzjoni.
Ix-xogħlijiet nominati għall-Premju jitressqu minn esperti indipendenti mill-Ewropa kollha, kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet membri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Periti, mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-periti, u mill-kumitat konsultattiv ta’ dan il-Premju.
Il-membri tal-ġurija li għażlu l-finalisti tal-2013 huma: Wiel Arets, Il-President tal-ġurija/Wiel Arets Architects, Maastricht; Pedro Gadanho, Kuratur tal-Arkitettura Kontemporanja, il-Mużew tal-Arti Moderna (MoMA), New York; New York; Antón García-Abril, Ensamble Studio, Madrid; Louisa Hutton, Sauerbruch Hutton Architects, Berlin; Kent Martinussen, CEO, The Danish Architecture Center (DAC), Copenhagen; Frédéric Migaryou, Direttur, Architecture & Design, Centre Pompidou, Pariġi; Ewa Porębska, l-Editur Ewlieni, Architektura-murator, Varsavja; u Giovanna Carnevali, is-Segretarja tal-Ġurija/id-Direttur, Fundació Mies van der Rohe, Barċellona..
Il-Premju huwa msemmi għal Ludwig Mies van der Rohe, li hu meqjus bħala wieħed mill-pijunieri tal-arkitettura moderna tas-seklu 20. L-aktar xogħlijiet iċċelebrati tiegħu jinkludu l-Padiljun Ġermaniż fil-Wirja ta' Barċellona tal-1929, il-Villa Tugendhat f'Brno, ir-Repubblika Ċeka, is-Seagram Building fi New York u l-Gallarija Nazzjonali f'Berlin.
Tista’ tniżżel il-lista sħiħa tat-335 biċċa xogħol billi tikklikkja fuq il-pajjiżi hawn taħt:
l-Albanija, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Olanda, it-Turkija u r-Renju Unit.
Rebbieħa preċedenti jinkludu:
In-Neues Museum, Berlin, il-Ġermanja ta’ David Chipperfiel/David Chipperfield Architects, b'kollaborazzjoni ma' Julian Harrap
L-Opra u l-Ballet Nazzjonali tan-Norveġja, Oslo, in-Norveġja ta’ SNØHETTA / Kjetil Trædal Thorsen, Tarald Lundevall, Craig Dykers
L-Ambaxxata tal-Olanda f’Berlin, il-Ġermanja ta’ OMA / Rem Koolhaas, Ellen van Loon
Iċ-Ċentru Kursaal, San Sebastián, Spanja ta’ Rafael Moneo
Il-Car Park and Terminus Hoenheim North, Straýburgu, Franza ta’ Zaha Hadid/ Zaha Hadid Architects
Il-Kunsthaus Bregenz, l-Awstrija ta’ Peter Zumthor
Il-Bibliothèque nationale de France, Pariġi, Franza ta’ Dominique Perrault
L-Ajruport ta’ Stansted, Londra, ir-Renju Unit ta’ Norman Foster / Norman Foster + Partners
Banco Borges e Irmão, Vila do Conde, Portugal ta’ Álvaro Siza Vieira
Għal aktar tagħrif:
Midja Soċjali:
https://twitter.com/EUMiesAward
Tista’ tikkuntattja lil: Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott Dina Avraam (+32 2 295 96 67) Fundació Mies Van der Rohe: Mercedes Soler, Gemma Pasqual/ICE at press@miesbcn.com ; +34 93 215 10 11 |