Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Titjib fit-trattament tal-ilma mormi urban

European Commission - IP/13/768   07/08/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-7 ta’ Awwissu 2013

L-ambjent: Titjib fit-trattament tal-ilma mormi urban

L-aħħar ċifri għat-trattament tal-ilma mormi fl-Ewropa juru titjib fil-ġbir u fit-trattament, anki jekk għad baqa' differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Pajjiżi li qegħdin minn ta' quddiem f'dan is-settur, bħall-Awstrija, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, jilħqu kważi bis-sħiħ l-istandards minimi tal-UE għat-trattament tal-ilma mormi, filwaqt li ħafna pajjiżi oħra mhumiex 'il bogħod. L-Istati Membri l-ġodda, li bdew minn bażi iktar baxxa, b'mod ġenerali tejbu wkoll il-ġbir u t-trattament, anki jekk juru rati aktar baxxi ta' konformità. Dan il-progress jasal bis-saħħa ta' appoġġ sinifikanti għall-investiment mingħand l-UE, appoġġ li ammonta għal EUR 14.3 biljun għall-perjodu 2007-2013.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "It-trattament tal-ilma mormi huwa waħda minn dawk l-isfidi fundamentali għas-soċjetà: qegħdin innaddfu warajna, jew qed inħammġu l-ambjent li niddependu minnu? Qed nara li s-settur miexi fit-triq it-tajba u dan iserraħli moħħi, u nifraħ ukoll li qed nara kif l-azzjoni tal-Kummissjoni - appoġġ finanzjarju flimkien ma' azzjoni legali b'saħħitha fejn meħtieġ - qiegħda ġġib vantaġġi kbar għaċ-ċittadini tal-Ewropa."

Ir-rapport juri li l-parti l-kbira (91%) tal-karga tat-tniġġis mill-bliet il-kbar tal-UE tirċievi trattament aktar rigoruż. Dan huwa titjib konsiderevoli mqabbel mas-sitwazzjoni li ħarġet mir-rapport preċedenti (77%).

Barra minn dan, trattament aħjar tal-ilma, u inqas rilaxx fl-ambjent tad-dranaġġ mhux ittrattat, wasslu wkoll għal titjib ċert fil-kwalità tal-ilma għall-għawm (ara IP/13/445). Fil-bidu tas-snin disgħin, 60% biss tal-postijiet għall-għawm kellhom ilma ta' kwalità eċċellenti, filwaqt li llum ilħaqna perċentwal ta' 78%.

Skont leġiżlazzjoni tal-UE miftiehma lura fl-1991, l-Istati Membri huma obbligati li jkollhom implimentati sistemi għall-ġbir tal-ilma mormi urban, u li jiżguraw li l-ilma li jidħol f'dawn is-sistemi ta' ġbir jgħaddi minn trattament "sekondarju" xieraq sabiex jitneħħew l-elementi li jniġġsu. L-ilma mormi li jidħol f'żoni sensittivi (ngħidu aħna, postijiet għall-għawm jew ġibjuni tal-ilma għax-xorb) għandu jgħaddi minn forma ta' trattament addizzjonali li hija aktar rigoruża.

L-aħħar rapport ikopri l-perjodu 2009-2010. Is-sejbiet ewlenin huma kif ġej:

  • Ir-rati ta' ġbir kienu f'livell għoli ħafna, bi 15-il Stat Membru jiġbru 100% tal-karga tat-tniġġis totali tagħhom. L-Istati Membri kollha kellhom riżultati konsistenti jew imtejba, anki jekk ir-rati ta' konformità baqgħu taħt it-30% fil-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja.

  • Ir-rati ta' konformità għat-trattament sekondarju huma 82%, erba' punti perċentwali aktar milli fir-rapport preċedenti. Madankollu, hemm differenzi ġganteski bejn l-UE-15, fejn ir-rati qegħdin fil-medda ta' 90%-100%, u l-UE-12, fejn il-konformità medja hija 39%.

  • Ir-rati ta' konformità għal trattament aktar rigoruż tal-ilma mormi biex jiġġieled l-ewtrofikazzjoni, jew biex inaqqas it-tniġġis batterjoloġiku li jista' jolqot saħħet il-bniedem, kumplessivament kienu 77%. L-Istati Membri tal-UE-12 kellhom medja ta' 14% biss, filwaqt li l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Greċja u l-Finlandja laħqu konformità ta' 100%.

  • Mir-rapport preċedenti 'l hawn, is-sehem tat-territorju tal-UE iddeżinjat bħala żona sensittiva kiber b'żewġ punti perċentwali, u laħaq kważi l-75%. L-akbar żidiet saru fi Franza u fil-Greċja.

Ir-rapport juri li l-parti l-kbira (91%) tal-karga tat-tniġġis mill-bliet il-kbar tal-UE tirċievi trattament aktar rigoruż. Dan huwa titjib konsiderevoli mqabbel mas-sitwazzjoni li ħarġet mir-rapport preċedenti (77%). Madankollu, anness mar-rapport li jqabbel is-sitwazzjoni ta' 27 belt kapitali Ewropej iżid nota ta' twissija: minn dawk is-27 belt, 11 biss kellhom implimentata sistema adegwata ta' ġbir u trattament - u dan minkejja l-fatt li l-istandards ilhom iktar minn 20 sena li ġew stipulati.

Sfond

Il-bliet u l-lokalitajiet tal-Unjoni Ewropea huma obbligati li jiġbru u jittrattaw l-ilma mormi urban tagħhom skont id-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. L-ilma mormi mhux ittrattat jista' jkun imniġġes minn batterji u vajrus ta' ħsara, u għaldaqstant jippreżenta riskju għas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, l-ilma mormi mhux ittrattat iġorr nutrijenti bħan-nitroġenu u l-fosfru, li jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ilma ħelu u lill-ambjent tal-baħar billi jħeġġu t-tkabbir eċċessiv tal-alki, li min-naħa tagħhom jifgaw lil speċijiet oħra (proċess magħruf bħala "ewtrofikazzjoni").

Id-Direttiva tipprovdi għal trattament bijoloġiku tal-ilma mormi, imsejjaħ "trattament sekondarju", u għal trattament aktar rigoruż tal-ilma fil-baċiri ta' ilmijiet partikularment sensittivi. Għall-Istati Membri tal-UE-15, l-iskadenzi kollha fid-Direttiva għaddew, iżda l-Istati Membri tal-UE-12 għandhom skadenzi estiżi, bl-aħħar waħda fl-2018.

Il-fondi ta' koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiżvolġu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Fl-2009, EUR 3.5 biljun ġew allokati għal proġetti ta' infrastruttura għall-ilma mormi. Fl-2010 kienu EUR 9.7 biljun, bil-Polonja tirċievi EUR 3.3 biljun, ir-Rumanija EUR 1.2 biljun, u l-Ungerija EUR 600 miljun. Għall-perjodu kollu ta' pprogrammar 2007-2013, il-kontribut tal-UE għall-investimenti għall-ilma mormi huwa stmat għal madwar EUR 14.3 biljun.

Ir-rati ta' konformità kienu ogħla fejn il-kostijiet ġew irkuprati, u fejn ġie implimentat il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas". Il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi l-konformità permezz ta' djalogu kostanti, u fejn meħtieġ, permezz ta' proċeduri ta' ksur, bi wħud minnhom imorru lura għall-1997. Għadhom għaddejjin każijiet ta' ksur kontra 10 Stati Membri.

Għal aktar tagħrif:

Ħolqa għar-rapport:

http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/implementation/implementationreports_en.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/index_mt.html

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website