Navigation path

Left navigation

Additional tools

Magħżula l-finalisti għall-unur tal-aqwa proġett rigward il-Politika Reġjonali tal-UE: Il-Premjijiet RegioStars 2014

European Commission - IP/13/762   06/08/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2013

Magħżula l-finalisti għall-unur tal-aqwa proġett rigward il-Politika Reġjonali tal-UE: Il-Premjijiet RegioStars 2014

Il-finalisti għall-premjijiet RegioStars 2014 li jagħtu ġieħ lill-aktar proġetti reġjonali Ewropej ta' ispirazzjoni u innovattivi ġew ippubblikati llum fi Brussell. Il-ġurija tal-premjijiet RegioStars għażlet 19-il finalista minn 80 proġett megħjuna minn fondi reġjonali tal-UE fuq il-bażi ta’ erba’ kriterji ewlenin: l-innovazzjoni, l-impatt, is-sostenibbiltà u s-sħubija.

Waqt li kien qed jikkummenta fuq l-għażla, il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn qal, "Id-19 il-proġett magħżula mill-ġurija juru Politika Reġjonali attiva. Il-proġetti jenfasizzaw il-ħidma eċċellenti u konkreta li qed issir u juru t-tip ta’ approċċ innovattiv u dinamiku minn reġjuni madwar l-Ewropa fl-użu tal-fondi tagħna bil-għan li nixprunaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn huma l-veri għanijiet tal-Aġenda dwar it-Tkabbir UE2020: li jinstabu soluzzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tagħna bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-ħajja fl-ibliet tagħna u n-nuqqas ta’ opportunità għan-negozji ż-żgħar biex jikbru u jimxu 'l quddiem. Din is-sena ninsab tassew impressjonat bil-kwalità tal-finalisti. Huma sors ta’ ispirazzjoni għal oħrajn madwar l-Ewropa. Wara kollox huma l-proġetti nfushom li fuqhom finalment jiddependi s-suċċess tal-Politika Reġjonali u l-investimenti tagħha għall-iżvilupp ekonomiku.”

Il-finalisti ġejjin minn reġjuni u bliet fi 17-il Stat Membru: il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

Il-finalisti se jippreżentaw il-proġetti tagħhom quddiem il-ġurija tal-premjijiet, ippreseduta mill-eks President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Luc Van den Brande, nhar it-8 ta' Ottubru waqt il-11 il-edizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Ibliet – ĠRANET MIFTUĦA GĦALL-PUBBLIKU 2013. Ir-rebbieħa se jintgħażlu waqt iċ-Ċerimonja għall-Għoti tal-Premjijiet ippreżentati mill-Kummissarju Hahn fi Brussell fil-31 ta' Marzu 2014.

Il-kategoriji tal-premjijiet li jirriflettu l-prijoritajiet tal-Aġenda dwar it-Tkabbir Ewropa2020 huma:

  • Tkabbir IntelliġentiInnovazzjoni fl-SME: Appoġġ għall-kompetittività u t-tkabbir ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju

  • Tkabbir Sostenibbli - Tkabbir kompatibbli mal-ambjent u impjiegi permezz ta' bijoekonomija: investimenti sostenibbli fis-settur tal-bijoekonomija

  • Tkabbir Inklussiv - Ħolqien ta' impjiegi għall-ġenerazzjoni żagħżugħa: għajnuna fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

  • CityStar - Proġetti ta' investiment fit-trasport pubbliku urban sostenibbli: Appoġġ fl-iżvilupp ta’ strateġiji biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tat-trasport fl-ibliet tagħna

Il-premjijiet RegioStars qabel l-2013 taw ġieħ lil proġetti ewlenin f’Porto (il-Portugall), fil-Majjistral tal-Ingilterra (ir-Renju Unit), f'Warmińsko-Mazurskie (il-Polonja), f'Berlin (il-Ġermanja) u fil-Litwanja. Il-kategoriji ffukaw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, l-effiċjenza tar-riżorsi fl-SMEs, l-innovazzjoni soċjali, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-użu ta’ filmati biex jippromwovu l-politika reġjonali tal-UE.

Sfond

L-għan tal-premjijiet RegioStars huwa li jirrikonoxxu prattika tajba fl-iżvilupp reġjonali u biex jiġu enfasizzati proġetti oriġinali u ta’ ispirazzjoni li jistgħu jservu ta’ mudell għal reġjuni oħra.

Il-Premjijiet annwali RegioStars huma miftuħin għar-reġjuni kollha tal-UE biex jissottomettu proġetti li rċevew investiment permezz tal-Politika Reġjonali tal-UE sa mill-1 ta' Jannar 2000. Sa mit-tnedija ta' dawn il-premjijiet fl-2008, l-akbar għadd ta' applikazzjonijiet wasslu mill-Awstrija, il-Belġju, il-pajjiżi Baltiċi u Wales fir-Renju Unit.

Il-ĠRANET MIFTUĦA GĦALL-PUBBLIKU 2013 mis-7 sal-10 ta’ Ottubru 2013 fi Brussell, se jagħtu l-opportunità lill-finalisti biex jesebixxu u jispjegaw il-proġetti tagħhom. L-attività ĠRANET MIFTUĦA GĦALL-PUBBLIKU tgħaqqad flimkien mijiet ta’ rappreżentanti politiċi, esperti u professjonisti biex jiddibattu dwar il-politika reġjonali. L-avveniment ta’ din is-sena jaħbat f'punt kruċjali hekk kif ir-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa se jkunu qed itemmu l-preparamenti tagħhom għall-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida tal-UE 2014-2020.

Għal aktar tagħrif:

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 229 66565), Mob (+32 4607 66565)

Annemarie Huber (+32 229 93310), Mob (+32 4607 66565)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website