Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 5 August 2013

Il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: L-awtoritajiet doganali jissekwestraw merkanzija ffalsifikata bil-valur ta' biljun ewro mal-fruntieri tal-UE fl-2012

Skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tal-awtoritajiet doganali biex jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fl-2012, l-awtoritajiet doganali tal-UE ssekwestraw kważi 40 miljun prodott suspettati li jiksru drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR). Għalkemm dan huwa inqas mill-figura tal-2011, il-valur tal-merkanzija interċettata ta' kważi biljun ewro huwa xorta għoli. Ir-rapport tal-lum jagħti wkoll statistiċi dwar it-tip, il-post minn fejn ġejjin u l-metodu ta' trasport tal-prodotti ffalsifikati ssekwestrati fil-fruntieri esterni tal-UE. Is-sigaretti kienu parti kbira tal-interċettazzjonijiet (31%), l-oġġetti varji (pereż. fliexken, lampi, kolla, batteriji, trab tal-ħasil) kienu l-akbar kategorija warajhom (12%), segwiti mill-materjali għall-imballaġġ (10%). Il-pakketti postali u dawk bil-kurjer komplew jammontaw għal madwar 70% tal-interventi mill-awtoritajiet doganali fl-2012, bi 23% tas-sekwestri fit-traffiku postali jikkonċernaw il-mediċini.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, l-Unjoni Doganali, il-Ġlieda Kontra l-Frodi u l-Verifika qal: “Id-dwana hija l-ewwel linja tad-difiża tal-UE kontra l-prodotti ffalsifikati li jfixklu lin-negozji legali. Ir-rapport tal-lum juri l-intensità u l-importanza tal-ħidma li qed issir mill-Awtoritajiet Doganali f'dan il-qasam. Jien se nkompli nagħmel pressjoni għal protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa, permezz tal-ħidma tagħna mal-imsieħba internazzjonali, l-industrija u l-Istati Membri."

F'termini ta' minn fejn kienu ġejjin il-prodotti ffalsifikati, iċ-Ċina kompliet tkun is-sors ewlieni. Pajjiżi oħra, madankollu, kienu s-sors ewlieni għal kategoriji speċifiċi ta' prodotti, bħall-Marokk għall-ikel, Ħong Kong għas-CD/DVDs u prodotti oħra tat-tabakk (prinċipalment is-sigaretti elettroniċi u l-mili likwidu għalihom), u l-Bulgarija għall-materjali għall-imballaġġ. Madwar 90% tal-każijiet kollha sekwestrati ġew meqruda jew infetaħ każ fil-qorti biex jiġi determinat il-ksur.

Sfond

Kif l-Istrateġija tal-UE 2020 tenfasizza, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa l-pedament tal-ekonomija tal-UE u l-mutur ewlieni għat-tkabbir ulterjuri tagħha fl-oqsma bħar-riċerka, l-innovazzjoni u l-impjiegi. L-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa wkoll essenzjali għas-saħħa u s-sigurtà, minħabba li ċerti prodotti ffalsifikati (bħall-ikel, il-prodotti għall-kura tal-ġisem u l-ġugarelli tat-tfal) li huma prodotti f'ambjent mhux regolat jistgħu jkunu ta' theddida serja għaċ-ċittadini.

L-awtoritajiet doganali tal-UE għandhom ir-rwol kruċjali li jwaqqfu l-prodotti li huma suspettati li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali milli jidħlu fl-UE. Il-Kummissjoni ilha mis-sena 2000 tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali rigward l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn ir-rapporti, ibbażati fuq dejta trażmessa mill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali lill-Kummissjoni, huma kontribut siewi għall-analiżi tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni mill-awtoritajiet doganali u għall-istituzzjonijiet tal-UE bħall-Osservatorju dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

F'Ġunju 2013, ġie adottat Regolament ġdid dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-dwana (araMEMO/11/332 uMEMO/13/527). Dan isaħħaħ ir-regoli biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Fl-10 ta' Diċembru 2012, Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE ġdid ġie adottat mill-Kunsill għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għas-snin 2013 sal-2017 (araMEMO/12/967). L-għanijiet strateġiċi ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni huma dawn li ġejjin:

  • Implimentazzjoni effettiva u monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

  • L-indirizzar tal-kummerċ tal-merkanzija li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali matul il-katina tal-provvista internazzjonali;

  • L-indirizzar ta' tendenzi kbar fil-kummerċ ta' merkanzija li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

  • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Osservatorju dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

  • u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Għar-rapport sħiħ, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm

Ara wkoll: MEMO/13/738

Ritratti jinsabu fl-arkivju tal-EbS:

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?ref=I074051

Ritratti jinsabu fuq il-portal AV:

http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoByMediaGroup.cfm?&mgid=613&sitelang=en

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website