Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-1 ta' Awwissu 2013

Il-WiFi, l-Ewropa tħobbu: studju ġdid jirrakkomanda li għandu jsir disponibbli aktar spettru

Studju ġdid tal-Kummissjoni Ewropea sab li n-nies qed jużaw il-WiFi bi ħġarhom u din ix-xejra jidher li se tissokta. Fl-2012, fl-UE, 71% tat-traffiku tad-dejta wireless kollu wasal fl-ismartphones u fit-tablets mill-WiFi, u dan x'aktarx se jilħaq it-78% sal-2016. Ir-riżultalti sorprendenti juru kif qed tinbidel l-attitudni għax lill-konsumatur tiġih irħas meta juża l-hotspots tal-WiFi, u l-istudju jirrakkomanda li madwar l-UE għandu jsir disponibbli aktar spettru biex jilqa' għad-domanda li kulma jmur qed tikber.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Il-WiFi tassew irnexxa. Dan igawdi minnu kull min hu involut. Jien se niżgura li l-Kummissjoni Ewropea tgħin biex jinfirex l-użu tal-WiFi b'aktar spettru u b'regolamentazzjoni inqas stretta."

Għalkemm in-netwerks 3G/4G huma essenzjali għal attività verament mobbli, bħalissa d-drittijiet tal-ispettru meħtieġa biex jitmexxew dawn in-netwerks huma għaljin biex jinxtraw, il-konsumatur jkollu jħallas prezz sinifikanti biex juża t-3G/4G (pereżempju għar-roaming), u n-netwerks diġà huma ffullati f'ħafna mill-bnadi tal-Ewropa minħabba nuqqas ta' spettru allokat.

"Is-sistemi li bihom nistgħu naqsmu n-netwerk tal-WiFi tagħna mal-oħrajn huma eżempju tajjeb ta' kif kulħadd jista' jagħti sehmu għal internet aħjar. Fl-Ewropa kulħadd għandu jkun jista' jgawdi l-internet barra," qalet il-Kummissjoni Kroes.

L-użu kkombinat tal-WiFi u ta' infrastrutturi oħra taċ-ċelloli żgħar (li jikkumplimentaw l-istazzjonijiet bażi mobbli tradizzjonali taċ-ċelloli makro) jista' jtaffi l-konġestjoni fin-netwerks 3G/4G billi jagħti funzjonalità "backhaul" 'il barra minn dawn in-netwerks, filwaqt li kemm jista' jkun inaqqas l-ispejjeż għall-operaturi tan-netwerk kif ukoll għall-utenti. Jekk jinfirex l-użu ta' dawn it-teknoloġiji, l-operaturi jkunu jistgħu jiffrankaw għexieren ta' biljuni ta' ewro meta jiġu biex jaġġornaw in-netwerks skont id-domanda tal-klijenti. Meta jinzerta f'hotspot tal-WiFi, il-konsumatur jiffranka l-flus jekk juża l-WiFi minflok iħallas għad-dejta mobbli. Iċ-ċelloli żgħar jistgħu wkoll iwasslu l-kopertura tan-netwerk fi bnadi li mhux faċli jintlaħqu, inklużi f'binjiet kbar.

L-istudju jirrakkomanda:

  1. li l-ispettru bejn 5150MHz u 5925MHz isir disponibbli mad-dinja kollha għall-WiFi;

  2. li l-meded tat-2.6GHz u t-3.5GHz jibqgħu jsiru disponibbli kollha kemm huma għall-użu mobbli, u li ssir konsultazzjoni dwar l-alternattivi għal-liċenzjar futur tal-meded tat-3.5GHz u tal-meded tal-frekwenza mobbli potenzjali oħra li jiġu liċenzjati ġodda; u

  3. li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-użu ta' servizzi u netwerks tat-taffija f'postijiet pubbliċi.

Il-kuntest

Il-WiFi jintuża l-aktar fid-djar u fuq lant tax-xogħol, u hu siewi l-aktar biex bosta apparati jitqabbdu ma' abbonament tal-internet wieħed. Il-WiFi qed jinfirex malajr fil-postijiet pubbliċi bħall-ħwienet tal-kafè u l-istazzjonijiet tat-trasport pubbliku, u billi l-operaturi mobbli jippruvaw itaffu t-traffiku min-netwerks 3G iffullati. Lill-operaturi dan jgħinhom ilaħħqu maż-żieda ta' 66% kull sena fid-domanda għat-traffiku tad-dejta mobbli, kif inhu mbassar għall-2012-2017.

Iċ-ċelloli żgħar huma punti ta' aċċess bir-radju b'qawwa baxxa li jappoġġaw liċ-ċelloli makro li, llum il-ġurnata, tipikament inqisuhom bħala stazzjonijiet bażi mobbli jew antenni. Kulma jmur, iċ-ċelloli żgħar se jsiru parti kritika ta' kull netwerk mobbli. In-netwerks 4G/LTE għandhom tendenza jaħdmu bħala netwerks bis-saffi ta' ċelloli żgħar (li jistgħu jintużaw minn 10m sa 2km 'l bogħod) u ċelloli kbar (li jistgħu jintużaw minn għexieren ta' kilometri 'l bogħod), u dan jagħmel iċ-ċelloli żgħar ħafna aktar integrati fl-operazzjoni tan-netwerk meta mqabblin man-netwerks 3G li fihom iċ-ċelloli żgħar jaqdu rwol ta' kapaċità okkażjonali "li ttaffi" (offloading).

Għall-istudju, it-taffija tat-traffiku tad-dejta ġiet definita bħala d-direzzjonar tad-dejta wireless li tista' tintuża minn netwerks ċellolari b'medda twila mill-hekk imsejħa "punti ta' aċċess f'żoni żgħar" (LTE jew WiFi). L-ismartphones u t-tablets jistgħu jaqbdu ma' dawn it-teknoloġiji alternattivi tan-netwerk tal-aċċess, li jużaw koperatura lokali u jistgħu jaħdmu fi frekwenzi li huma aċċessibbli għal operaturi tan-netwerk differenti.

L-istudju sab ukoll li:

  1. Il-WiFi u ċ-ċelloli żgħar LTE jikkumplimentaw lil xulxin minflok jieħdu post xulxin. Jekk tintuża kombinazzjoni taż-żewġ teknoloġiji, din tgħin biex jintuża kemm jista' jkun l-ispettru disponibbli filwaqt li jonqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż għax tintuża backhaul komuni u infrastruttura oħra tas-sit.

  2. Bis-soluzzjonijiet tat-taffija, hemm il-potenzjal li f'żona ġeografika partikolari l-użu mill-ġdid tal-ispettru jkun ferm akbar.

  3. Tagħmir ġdid tal-WiFi se jippermetti rati ta' bits akbar billi jitferrxu kanali usa' (80MHz jew 160MHz).

  4. Bil-proċessi awtomatiċi tal-awtentikazzjoni għall-aċċess tan-netwerks tal-WiFi saflaħħar se jingħeleb sew il-bżonn li wieħed joqgħod jaqbad mal-WiFi manwalment, jiġifieri l-proċess tal-konnessjoni u tal-awtentikazzjoni.

  5. Is-soluzzjonijiet li bihom l-individwi jkunu jistgħu jaqsmu l-medda tal-frekwenzi tagħhom permezz tal-WiFi u għadd ta' aggregaturi tar-roaming tal-WiFi qed jagħmlu l-aċċess għall-WiFi pubbliku aktar konvenjenti u affordabbli għal ħafna utenti.

Links utli

Studju dwar l-importanza tal-WiFI u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-użu ta' infrastrutturi taċ-ċelloli żgħar

Stedina għal-laqgħa ta' ħidma pubblika li tiddiskuti s-sejbiet kollha tal-istudju, nhar it-3 ta' Settembru 2013 Ewropa Wireless fuq il-websajt tal-Aġenda Diġitali

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.57361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website