Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta' Lulju 2013

Tissaħħaħ is-sinsla għax-xjenza Ewropea: internet ta' 100Gbps għal riċerkaturi individwali

GEANT, in-netwerk tar-riċerka pan-Ewropew superveloċi li għen fl-iskoperta tal-Higgs Boson, illum ħabbar li billi sar titjib kbir fin-netwerk, dan jista' jilħaq veloċitajiet sa 2Tbps (Terabits kull sekonda). Mil-lum, fin-netwerk ewlieni hemm disponibbli kapaċità sa 500Gbps. Dan ifisser li utenti individwali minn 32,000 università, istitut tal-edukazzjoni ogħla, istitut tar-riċerka, skola, librerija, mużew, arkivju nazzjonali u sptar jistgħu jittrasferixxu d-dejta b'veloċitajiet sa 100Gbps.

Neelie Kroes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet: "Neħtieġu veloċità qawwija u kapaċità kbira biex nibqgħu fit-tellieqa tar-riċerka globali. Daż-żmien, id-dejta bħala wieħed mill-elementi tar-riċerka saret importanti kważi daqs ir-riċerka nnifisha. B'dan it-titjib, GÉANT wera li hu l-mexxej tal-pakkett tan-netwerk tar-riċerka."

B'dawn il-veloċitajiet tkun tista' ssir kollaborazzjoni aktar malajr fi proġetti kritiċi u tintlaħaq id-domanda li qed tiżdied malajr għall-kapaċità tat-trasferiment tad-dejta. Il-ħolqien u l-qsim tad-dejta tar-riċerka qed jiżdiedu b’mod esponenzjali, u dawn iħallu impatt fuq l-infrastrutturi tal-ICT b’mod partikolari n-netwerks tar-riċerka. Il-proġetti kbar li jinvolvu sħab globali jiġġeneraw għadd ġmielu ta' dejta li trid titqassam, tiġi analizzata, tinħażen u tiġi aċċessata.

Bil-veloċitajiet qawwijin tal-lum, in-netwerk GÉANT se jipprovdi l-kapaċità essenzjali biex jappoġġa kull dixxiplina xjentifika: minn riċerka fil-fiżika tal-enerġija għolja u fl-ispazju remot sa riċerka li tindirizza l-isfidi tas-soċjetà fosthom il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, id-dijanjożi tal-mard u t-tibdil fil-klima.

GÉANT għandu l-għan li jiżgura disponibbiltà ta' 99.999% billi jinstabu u jissewwew malajr l-errors fin-netwerk u b'karatteristiċi b'saħħithom tas-sigurtà li jiskopru u jipprevjenu attakki malizzjużi.

Bħalissa l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament ta’ EUR 41.8 miljun għan-netwerk GÉANT.

Il-kuntest

GÉANT hu kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea (UE) u min-Netwerks Nazzjonali tar-Riċerka u l-Edukazzjoni (NRENs) Ewropej. Dan jippromwovi l-moviment liberu tad-dejta u tal-għarfien xjentifiċi, billi jgħaqqad u jsaħħaħ lill-komunitajiet tar-riċerka u l-edukazzjoni (R&E) fl-Ewropa u f'reġjuni oħra madwar id-dinja.

Iż-2Tbps jirrappreżentaw il-kapaċità massima tas-sistema bejn żewġ punti fis-sinsla.

Din il-fażi l-ġdida tan-netwerk b'veloċità għolja mtejjeb hi magħrufa bħala l-GN3plus. In-netwerk GÉANT jgħaqqad 38 sieħeb tan-NREN li jservu 43 pajjiż u li lkoll flimkien jilħqu aktar minn 50 miljun utent aħħari minn aktar minn 10,000 università, istitut tal-edukazzjoni ogħla, istitut tar-riċerka, librerija, mużew, arkivju nazzjonali, sptar, eċċ. u 22,000 skola primarja u sekondarja oħra. In-netwerk iħaddmu DANTE (ir-Renju Unit) li jmexxi l-konsorzju tal-proġett b'41 sieħeb.

Billi issa kważi kull dixxiplina xjentifika tiddependi fuq volumi dejjem akbar ta' dejta għar-riċerka tagħha (id-"data deluge"), hemm bżonn isir aktar sforz sostnut biex tinżamm u tkun żgurata din il-pożizzjoni għall-ġid tas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi. Il-kollaborazzjonijiet xjentifiċi globali jinħolqu bi strumenti ġodda (il-fiżika, l-astronomija, il-bijoloġija, eċċ.), jiġġeneraw għadd ġmielu ta' dejta li trid tiġi aċċessata u analizzata, u jużaw faċilitajiet tal-informatika li jistgħu jkunu bbażati f'postijiet oħra.

Fi żmienna, ix-xjenza, ir-riċerka u ftit ftit anke l-edukazzjoni qed iseħħu f'ambjenti virtwali globali. Allura lill-komunitajiet konnessi tiegħu, GÉANT jeħtieġ joffrilhom mhux biss ilħuq pan-Ewropew iżda wieħed globali. GÉANT joffri konnettività lil 65 pajjiż barra mill-Ewropa, u jilħaq kull kontinent bin-netwerks TEIN (l-Asja tal-Paċifiku u t'Isfel), EUMEDCONNECT (il-Mediterran), RedCLARA (l-Amerika Latina), CAREN (l-Asja Ċentrali), C@ribnet (il-Karibew) u UbuntuNet (l-Afrika tan-Nofsinhar u tal-Lvant) kif ukoll bin-netwerks tal-Amerika ta' Fuq, Ċiniżi u Ġappuniżi.

Links utli

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

IP/10/1448

Il-websajt ta' GEANT

DANTE

Kuntatti

Email: comm-kroes@ec.europa.eu Tel: +32.229.56361 Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website