Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta’ Lulju 2013

Ġustizzja għat-tkabbir: Il-Kummissjoni timla l-lakuni ġuridiċi għall-protezzjoni unitarja tal-privattivi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet li tlesti l-qafas ġuridiku għall-protezzjoni tal-privattivi mal-Ewropa kollha billi taġġorna r-regoli tal-UE dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent tas-sentenzi (l-hekk imsejjaħ "Regolament Brussell I"). Il-bidliet se jwittu t-triq għal qorti Ewropea speċjalizzata fil-privattivi – il-Qorti Unifikata tal-Privattivi – biex tidħol fis-seħħ ladarba tiġi rratifikata, li jagħmilha eħfef għall-kumpaniji u l-inventuri biex iħarsu l-privattivi tagħhom. Il-qorti se jkollha ġuriżdizzjoni speċjalizzata fit-tilwim dwar il-privattivi, li jevita li jkun hemm kawżi ta' litiġji multipli f'sa 28 qorti nazzjonali differenti. Dan se jaqta' l-ispejjeż u jwassal għal deċiżjonijiet malajr dwar il-validità jew il-ksur ta' privattivi, li jagħti spinta lill-innovazzjoni fl-Ewropa. Dan jagħmel parti minn pakkett ta' miżuri maqbula reċentement li jiżguraw protezzjoni unitarja għall-privattivi fis-Suq Uniku (IP/11/470).

"Permezz ta' bidliet fir-regoli ta' rikonoxximent tas-sentenzi, qed inwittu t-triq biex il-Qorti Unifikata tal-Privattivi l-ġdida tibda xogħolha. F'każ ta' tilwima, il-kumpaniji mhux se jkollhom iktar jiftħu kawżi quddiem għadd ta' qrati f'pajjiżi differenti," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "It-tneħħija tal-ostakli burokratiċi, tal-ispejjeż żejda u tal-inċertezza legali li jkollok 28 sistema differenti u spiss kontradittorji tagħmel is-suq uniku iktar attraenti. Dan huwa eżempju tajjeb ħafna ta' kif il-politiki tal-ġustizzja jistgħu jistimulaw it-tkabbir."

Il-Kummissarju għas-Suq intern u s-Servizzi Michel Barnier żied "Huwa ta' importanza kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa li l-innovaturi jibbenefikaw malajr kemm jista' jkun mill-benefiċċji multipli tal-privattiva unitarja Ewropea tant mistennija. Il-ftehim politiku ta' Diċembru 2012 mmarka pass sew 'il quddiem, imma l-privattiva unitarja se ssir realtà ladarba tkun stabbilita l-Qorti Unifikata tal-Privattivi. Hemm bżonn li niksbu dan malajr kemm jista' jkun, u l-proposta tal-lum hija pass ieħor importanti f'dik id-direzzjoni."        

Iċ-ċifri huma ċari. Fl-Istati Uniti, fl-2011, ħarġu 224 000 privattiva, fiċ-Ċina ħarġu 172 000 filwaqt li fl-Ewropa ħarġu biss 62 000 privattiva Ewropea. Raġuni għal din id-differenza hija l-ispiża u l-kumplessità projbittivi biex tikseb protezzjoni għall-privattivi madwar is-suq uniku tal-UE. Fil-mument, jekk trid tikseb protezzjoni mal-Ewropa kollha għall-invenzjoni tiegħek ikollok tivvalida privattivi Ewropej f'kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. Id-detentur tal-privattiva jista' jispiċċa jinvolvi ruħu f'kawżi ta' litiġju multipli f'pajjiżi differenti dwar l-istess tilwima. Imma dan se jinbidel fil-futur qrib grazzi għall-ftehim dwar il-pakkett tal-privattiva unitarja.

Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi – stabbilita skont ftehim iffirmat fid-19 ta' Frar 2013 (PRES/13/61) – se tissemplifika l-proċeduri u twassal għal deċiżjonijiet iktar malajr, b'kawża l-qorti waħda quddiem il-qorti speċjalizzata minflok litiġji paralleli fil-qrati nazzjonali. Il-Qorti se tkun tista' tagħti sentenzi dwar il-validità u l-ksur ta' privattivi Ewropej u unifikati għall-Istati Kontraenti kollha, li jevita proċedimenti paralleli u riżultati diverġenti. F'dan il-qafas ta' privattiva unifikata, li huwa miftuħ għall-Istati Membri kollha, qed jieħdu sehem 25 Stat Membru.

Il-Ftehim joqgħod fuq ir-"Regolament Brussell I" (Ir-Regolament 1215/2012) biex jiddetermina l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi.

Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tipproponi emenda għar-Regolament Brussell I biex tiċċara kif ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni tiegħu jaħdmu fil-kuntest tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi, kif ukoll kif ir-regoli tar-Regolament għandhom jiġu applikati fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Partijiet għall-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Istati Membri li mhumiex parti għall-Ftehim.

Il-passi li jmiss

Irid ikun hemm qbil dwar il-proposta mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew qabel ma din issir liġi.

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jirratifikaw il-Ftehim dwar il-Qorti għall-Privattivi Unitarji kemm jista' jkun malajr, u biex ilestu x-xogħol preparatorju relatat meħtieġ biex il-Qorti tibda topera, ħalli l-ewwel privattivi unitarji jkunu jistgħu jibdew jingħataw fl-inqas ammont ta' żmien possibbli.

Sfond

Kif inhi bħalissa l-liġi tal-UE, il-proċedimenti rigward tilwimiet li jikkonċernaw il-validità jew l-allegat ksur ta' privattiva jridu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun irreġistrata l-privattiva. Il-proċedimenti jistgħu alternattivament jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-ksur. F'ħafna proċedimenti ta' ksur ta' privattiva, il-konvenut jagħmel il-punt li l-privattiva tkun invalida. Dan jaqa' fil-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-istat li jkun ħareġ il-privattiva. Fil-prattika dan ifisser li d-detentur tal-privattiva jaf ikollu jidħol fi proċedimenti paralleli, li jinvolvu spiża konsiderevoli, kumplessità u riżultati potenzjalment diverġenti fid-deċiżjonijiet tal-qrati.

L-isforzi biex tinħoloq privattiva unika li testendi l-effetti ġuridiċi tagħha mal-pajjiżi Ewropej kollha ilhom għaddejjin mis-snin 70 imma qatt ma kienu rnexxew.

F'April 2011, il-Kummissjoni ressqet proposti ġodda għall-ħolqien ta' privattiva Ewropea b'effett unitarju (jew "privattiva unitarja") fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa (IP/11/470) u (MEMO/11/240).

F'Diċembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill waslu għal ftehim li kien ilu mistenni dwar il-pakkett Ewropew għal privattiva unitarja, li witta t-triq għall-firma tal-ftehim internazzjonali dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi.

Il-pakkett tal-privattiva unitarja se jippermetti li tinkiseb protezzjoni tal-privattiva għall-25 Stat Membru li qed jieħdu sehem fuq il-bażi ta' applikazzjoni unika u mingħajr formalitajiet amministrattivi ulterjuri, bħar-rekwiżiti ta' validazzjoni u traduzzjoni, fl-Istati Membri. Dan se jagħti lill-inventuri u lill-kumpaniji aċċess għas-swieq tal-Istati Membri kollha li qed jieħdu sehem fil-kooperazzjoni msaħħa u fil-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi bi spiża drastikament iktar baxxa, b'ħafna inqas ostakli amministrattivi x'jingħelbu.

Il-ftehim internazzjonali dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi ġie ffirmat fid-19 ta' Frar 2013. Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi se tkun kompetenti biex tittratta tilwimiet li jikkonċernaw kemm il-privattivi unitarji futuri u kemm il-privattivi Ewropej "klassiċi" bħal li hemm bħalissa. Il-Ftehim issa jrid jiġi rratifikat mill-Istati Membri kkonċernati. Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi se tkun qorti tal-privattivi speċjalizzata unika, bi preżenza lokali u reġjonali madwar l-UE. Minflok litiġji paralleli fil-qrati nazzjonali, il-partijiet se jkunu jistgħu jiksbu deċiżjonijiet malajr u ta' kwalità għolja fl-istati kollha fejn il-privattiva tkun valida.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Rikonoxximent u infurzar tas-sentenzi:

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/judgements/index_en.htm

Il-websajt ta' Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Ir-riforma tal-privattivi: Protezzjoni tal-privattivi unitarji u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/documents/index_en.htm

Contacts :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website