Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni se teżamina l-ostakoli legali għall-kummerċ transfruntier fl-assigurazzjoni

European Commission - IP/13/74   31/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 31 ta' Jannar 2013

Il-Kummissjoni se teżamina l-ostakoli legali għall-kummerċ transfruntier fl-assigurazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea hija risoluta li teżamina l-ostakli għall-kummerċ transfruntier fi prodotti tal-assigurazzjoni kkawżati minn liġijiet kuntrattwali differenti fl-Istati Membri tal-UE, wara li llum nediet sejħa għall-esperti biex jinvestigaw il-problema. Il-grupp ta’ esperti se jidentifika sa liema punt id-diverġenzi fil-liġijiet kuntrattwali jxekklu d-distribuzzjoni u l-użu transfruntier tal-assigurazzjoni min-negozji u l-konsumaturi Ewropej. Pereżempju, ċittadin li jiċċaqlaq biex imur jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE tista' jiġi mġiegħel jagħmel polza ġdida tal-assigurazzjoni tal-karozza, jew jiffaċċja problemi biex id-drittijiet tiegħu taħt pjan ta' pensjoni privata jiġu rikonoxxuti jekk il-pjan ikun inħareġ f'pajjiż ieħor tal-UE. U n-negozji b'fergħat f'diversi pajjiżi tal-UE jistgħu jiġu mġiegħla jagħmlu poloz separati b'kundizzjonijiet differenti f’kull pajjiż minflok polza waħda għal proprjetà kollha tagħhom. Il-grupp se jirrapporta fi tmiem l-2013, u wara l-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar kwalunkwe azzjoni ta' segwitu li tista' tieħu.

Din is-sena qed niċċelebraw l-għoxrin anniversarju tas-suq uniku tagħna li huwa fil-qalba tal-kummerċ transfruntier. Iżda għad hemm xogħol quddiemna, pereżempju fis-settur tal-assigurazzjoni fejn il-livell tal-kummerċ transfruntier fi prodotti tal-assigurazzjoni għadu baxx ħafna: 0.6% biss tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-vetturi kollha u 2.8% biss tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-proprjetà jiġu offruti lil konsumaturi bejn il-fruntieri tal-UE,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali jistgħu jxekklu l-kummerċ transfruntier kemm għall-kumpaniji żgħar u medji, u għall-konsumaturi li jixtru bejn il-fruntieri, kif ukoll għal xi kumpaniji tal-assigurazzjoni. Peress li dan huwa qasam kumpless ħafna, aħna qegħdin nitolbu lill-esperti janalizzaw is-sitwazzjoni u jirrapportaw lura għandna qabel ma niddeċiedu fuq il-passi li jmiss u li nistgħu nieħdu.

Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi Kuntrattwali tal-Assigurazzjoni se jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-fornituri tal-assigurazzjoni, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u l-utenti kummerċjali, l-akkademiċi u l-professjonisti ġuridiċi. Se jgħin lill-Kummissjoni teżamina jekk id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali tal-assigurazzjoni jxekklux id-distribuzzjoni u l-użu tal-prodotti tal-assigurazzjoni fuq livell transfruntier min-negozji u l-konsumaturi. Jekk dan huwa verament il-każ, il-Grupp ta’ Esperti se jidentifika wkoll liema tipi ta’ assigurazzjoni huma affettwati l-aktar. X'aktarx li l-attenzjoni tkun fuq prodotti tal-assigurazzjoni ta' sinifikat ekonomiku akbar, bħal:

  • Assigurazzjoni tal-proprjetà u l-ivvjaġġar, li l-konsumaturi u n-negozji għandhom l-aktar probabbiltà jixtru jew jużaw fuq bażi transfruntiera;

  • Assigurazzjoni fuq il-ħajja li tista’ sservi bħal pensjoni privata għaċ-ċittadini. Din l-analiżi hija parti mill-Aġenda tal-Kummissjoni għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli mħabbra fl-2012.

Il-Grupp ta’ Esperti se jiltaqa' darba fix-xahar u se jirrapporta dwar is-sejbiet tiegħu fi tmiem l-2013. Abbażi ta' dan ir-rapport il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk hix meħtieġa analiżi ulterjuri f’dan il-qasam.

Sfond

Fil-11 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ fakultattiva biex tagħti spinta lill-kummerċ u tespandi l-għażla tal-konsumaturi f'oqsma lil hinn mis-servizzi finanzjarji (IP/11/1175, MEMO/11/680). Fil-21 ta' Settembru 2011 il-Viċi-President Viviane Reding iltaqgħet ma' mexxejja ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni Ewropej biex tibda djalogu mas-settur tal-assigurazzjoni dwar il-valur miżjud possibbli ta' Liġi Ewropea tal-Kuntratti tal-Assigurazzjoni fakultattiva (MEMO/11/624).

It-twaqqif tal-Grupp ta’ Esperti huwa s-segwitu ta' din il-laqgħa u t-tħassib li qajmu l-partijiet interessati matul il-konsultazzjoni dwar “Green Paper dwar l-alternattivi politiċi għal progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji" li saret qabel din il-proposta (IP/10/872). B'mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-assigurazzjoni ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li attwalment mhux possibbli joffru prodotti tal-assigurazzjoni uniformi madwar l-UE abbażi ta' qafas legali Ewropew uniku. Huma nnutaw li d-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali tal-assigurazzjoni jiġġeneraw spejjeż addizzjonali u inċertezza legali fil-kummerċ transfruntier ta' prodotti tal-assigurazzjoni.

Il-Parlament Ewropew sussegwentement talab lill-Kummissjoni teżamina is-sitwazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni f'aktar dettall (Riżoluzzjoni tal-PE 2011/2013/(INI)).

Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti se jintgħażlu bi proċedura tal-għażla kompetittiva, li nediet illum il-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea - il-liġi kuntrattwali:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, fuq l-internet: http://ec.europa.eu/reding

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website