Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Lulju 2013

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni fuq ix-xogħol: Il-Kummissjoni tevalwa r-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-riżultati ta’ evalwazzjoni li tidentifika l-piżijiet eċċessivi, id-duplikazzjonijiet, in-nuqqasijiet jew l-inkonsistenzi li setgħu żviluppaw mindu ġew adottati tliet Direttivi tal-UE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Il-politika ta' evalwazzjoni, magħrufa wkoll bħala "kontroll tal-idoneità", tiffoka fuq id-Direttiva dwar is-sensji kollettivi, id-Direttiva dwar it-trasferiment ta' impriżi, u fuq id-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea. Ir-rapport sab li t-tliet Direttivi tal-UE huma ġeneralment rilevanti, effettivi, koerenti u jsaħħu lil xulxin. Aktarx li l-benefiċċji li jiġġeneraw dawn id-Direttivi huma akbar mill-ispejjeż.

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma essenzjali sabiex tiġi antiċipata l-bidla u sabiex ir-ristrutturazzjoni tkun ġestita kif suppost, b’mod li jkun responsabbli mil-lat soċjali. Huma dritt soċjali fundamentali, li jgħin biex jitnaqqsu l-kunflitti, tinħoloq klima ta' kooperazzjoni akbar fuq il-post tax-xogħol, u tiġi promossa l-kompetittività.

Il-"kontroll tal-idoneità" jserraħ fuq approċċ ibbażat fuq evidenza, li jkopri aspetti legali, ekonomiċi u soċjali. Il-gvernijiet tal-UE/ŻEE u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta’ min iħaddem kienu involuti mill-qrib f’dan l-eżerċizzju.

Għalkemm l-evalwazzjoni ssib li t-tliet Direttivi huma ġeneralment addattati għall-iskop, hija tikxef ukoll għadd ta’ nuqqasijiet fl-ambitu u l-applikazzjoni tagħhom . F'dak li jikkonċerna l-ambitu, parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol mhix koperta mid-dispożizzjonijiet, minħabba l-esklużjoni tan-negozji żgħar, tal-amministrazzjoni pubblika u tal-baħħara.

Hemm ukoll lok għal titjib fir-rigward tal-applikazzjoni, partikolarment f’pajjiżi bi tradizzjonijiet anqas żviluppati, billi tiġi promossa kultura ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bejn is-sħab soċjali, jissaħħu l-istituzzjonijiet, jiġu promossi ftehimiet dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, jiddaħħlu prattiċi tajba, titqajjem kuxjenza u jiġi żgurat l-infurzar.

Il-"kontroll tal-idoneità" jieħu l-forma ta’ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, li jistabbilixxi għadd ta’ risponsi possibbli għan-nuqqasijiet tad-Direttivi, fuq il-bażi ta’ prattika tajba ta’ djalogu soċjali sinifikanti f’livelli differenti u minn atturi differenti. Dan jenfasizza l-oqsma li jeħtieġu aktar eżaminazzjoni u diskussjoni, li fil-futur jistgħu jwasslu għall-konsolidazzjoni tat-tliet Direttivi wara konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej.

Kuntest

Il-Kummissjoni bdiet tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE f'oqsma politiċi partikolari permezz ta' "kontroll tal-idoneità" sabiex ir-regolamenti attwali jinżammu "addattati għall-iskop", bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2010. Fl-2010 nbdew eżerċizzji pilota f’erba’ oqsma: il-politika dwar l-impjiegi u l-politika soċjali, il-politika dwar l-ambjent, it-trasport u l-industrija.

Fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali, intgħażel grupp ta' tliet Direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-livell nazzjonali/livell ta’ kumpanija:

  • Id-Direttiva 98/59/KE dwar is-sensji kollettivi;

  • Id-Direttiva 2001/23/KE dwar it-trasferimenti ta' impriżi;

  • Id-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea.

It-tliet Direttivi tal-UE jimplimentaw id-dritt soċjali fundamentali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u jistabbilixxu, b’mod flessibbli, ir-rekwiżiti minimi li jippermettu li l-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Dawn jistgħu jżidu l-fiduċja bejn il-maniġment u l-impjegati, jinvolvu l-ħaddiema f’deċiżjonijiet li jaffettwawhom, jipproteġu l-ħaddiema, isolvu problemi ta’ xogħol, jikkontribwixxu għal żieda fl-adattabbiltà u l-impjegabbiltà, itejbu l-prestazzjoni tal-istaff u tal-kumpanija, u jiżguraw kundizzjonijiet aktar ekwi fost il-kumpaniji.

Id-Direttivi oriġinali dwar sensji kollettivi, u dwar it-trasferiment ta' impriżi jmorru lura għas-sebgħinijiet. Kull Direttiva ġiet emendata darba u wara kkonsolidata. It-tielet waħda, id-Direttiva ta' qafas ġenerali, hija l-aktar riċenti (2002) u ma għaddiet mill-ebda bidla.

L-evalwazzjoni turi li l-impatt u l-effettività tad-Direttivi jiddependu mis-sitwazzjoni prevalenti qabel it-traspożizzjoni kif ukoll minn diversi fatturi oħra bħal: il-pajjiż u s-sistema tar-relazzjonijiet industrijali tiegħu, id-daqs tal-istabbiliment, il-kultura tad-djalogu soċjali, l-attitudnijiet tal-maniġment u tal-ħaddiema jew l-appoġġ li jingħata lill-impjegati.

Għal aktar informazzjoni:

L-aħbar fuq il-websajt tad-DĠ għall-impjiegi

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter

Abbona mingħajr ħlas għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni bil-posta elettronika tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site