Navigation path

Left navigation

Additional tools

Drogi illegali: Rapport tal-UE jiżvela xejriet inkwetanti ġodda fil-kutrabandu u l-konsum tad-drogi

European Commission - IP/13/73   31/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 31 ta' Jannar 2013

Drogi illegali: Rapport tal-UE jiżvela xejriet inkwetanti ġodda fil-kutrabandu u l-konsum tad-drogi

L-Ewropa dieħla f’era ġdida importanti fil-provvista u d-domanda tad-drogi illegali — żvilupp li qed ikun ta' sfida għall-politiki u r-reazzjonijiet attwali. Dan skont l-ewwel rapport konġunt dwar is-swieq tad-drogi fl-UE, li ħareġ illum fi Brussell miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Droga (the European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction EMCDDA) u l-Europol. Dawn iż-żewġ aġenziji tal-UE għaqqdu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu l-ewwel analiżi strateġika tas-suq tad-drogi illegali madwar l-Ewropa kollha.

Fir-rapport huma jiddeskrivu suq li huwa dejjem aktar dinamiku, innovattiv u li jirreaġixxi għall-isfidi malajr u li jirrikjedi reazzjoni daqstant ieħor dinamika, innovattiva u ħafifa madwar l-Ewropa kollha. Ir-rapport jiżvela “il-wiċċ ġdid tal-kriminalità organizzata fl-Ewropa”: filwaqt li storikament is-suq tad-drogi fl-UE kien jikkonċentra fuq drogi speċifiċi traffikati minn operaturi speċjalizzati fuq rotot definiti sew, is-suq kontemporanju huwa aktar fluwidu, b'rotot ġodda u b'kunsinni li jinvolvu diversi sustanzi dejjem aktar komuni.

"Dan ir-rapport f'waqtu juri n-natura dejjem aktar magħquda tas-suq modern Ewropew tad-drogi, wieħed mill-aktar fenomeni kriminali kumplessi u invażivi ta' żmienna. Issa sar aktar probabbli li gruppi tal-kriminalità organizzata jinnegozjaw f'ħafna sustanzi f’daqqa u huwa wkoll aktar probabbli li jgħaqqdu l-isforzi tagħhom. It-traffikar tad-drogi qiegħed jiddiversifika wkoll, kemm f'termini ta' kumplessità tar-rotot magħżula kif ukoll it-tip ta' droga traffikata fihom. Dan kollu jitlob iżjed kooperazzjoni fil-livell tal-UE. Il-miżuri nazzjonali sempliċiment mhumiex suffiċjenti, irrispettivament minn kemm huma robusti. L-analiżi li joffri dan ir-rapport hija unika għax tgħaqqad l-għarfien mill-monitoraġġ tal-EMCDDA tal-fenomenu tad-droga fl-Ewropa mal-fehim operazzjonali tal-Europol tax-xejriet fil-kriminalità organizzata", qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström, li llum ippreżentat is-sejbiet.

Id-Direttur tal-Europol Rob Wainwright spjega: "It-traffikar internazzjonali tad-drogi għadu l-attività ewlenija tal-biċċa l-kbira tal-gruppi kriminali organizzati. Huma qegħdin jadattaw ruħhom għal opportunitajiet kriminali ġodda u qed jibdlu l-metodu u r-rotot tal-kuntrabandu biex jevitaw l-infurzar tal-liġi, u nnotajna żieda fl-isfruttar ta' alternattivi ta' trasport kummerċjali leġittimi, bħalma huma l-kontejners, l-ajruplani, il-kurjers u s-servizzi postali. Dan jippermetti lid-drogi jgħaddu minn diversi punti ta' tranżitu u b'hekk isir aktar diffiċli li jiġu interċettati. Anki t-teknoloġija tal-internet tfaċċat bħala faċilitatur importanti u qed tintuża b'mod komuni fil-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tad-drogi".

Ir-rapport jispjega wkoll ir-rwol tal-Ewropa bħala sors globali ewlieni għall-kimika prekursur użata fil-manifattura tal-eroina (anidride aċetika) u bħala attur importanti fl-ippakkjar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti li jkun fihom sustanzi psikoattivi ġodda.

"Għad-drogi sintetiċi, u dejjem aktar għall-kannabis, l-UE tibqa' reġjun importanti ta' produzzjoni tad-drogi", jinnota d-Direttur tal-EMCDDA Wolfgang Götz. "Qed tikber ix-xejra li d-drogi illegali jiġu prodotti qrib is-swieq tal-konsum intenzjonati għalihom, fejn huwa anqas probabbli li jiġu interċettati. Aħna issa qegħdin inħallsu prezz dejjem ogħla għal dan l-iżvilupp f'termini ta' sigurtà tal-komunità, saħħa pubblika u piż fuq riżorsi tal-pulizija, riżorżi li diġà bil-kemm huma biżżejjed".

Skont ir-rapport, il-globalizzazzjoni hija mutur importanti tal-iżviluppi, b'aktar pajjiżi jintużaw bħala punti ta' transitu, ħżin jew produzzjoni. Barra minn hekk, l-Internet qed ikollha impatt profond, kemm bħala għodda ta’ komunikazzjoni kif ukoll bħala suq onlajn. Iżda anki l-qasam tal-produzzjoni qed jara innovazzjoni: l-UE hija kkwotata bħala 'sors ewlieni ta’ għarfien espert u ħila' fir-rigward tal-koltivazzjoni intensiva tal-kannabis, il-produzzjoni tad-drogi sintetiċi u l-ħabi tal-kokaina.

Sejbiet oħra tar-rapport jinkludu l-konnessjonijiet bejn in-netwerks tat-traffikar tal-kokaina u r-reżina tal-kannabis, l-importanza dejjem tiżdied tal-Afrika bħala żona ta' tranżitu u ħżin, u kif il-gangs kriminali bbażati fl-Ewropa tal-Majjistral jaqdu rwol ċentrali fid-distribuzzjoni ta' kważi t-tipi kollha ta' drogi madwar l-UE. Fost punti ta’ azzjoni proposti hemm li l-atturi tal-infurzar tal-liġi, f’kuntest usa’, għandhom jagħtu prijorità lill-ġbir tal-intelligence dwar individwi ta' importanza u gruppi bi profil kriminali għoli. Barra minn dan, ir-rata tal-iżviluppi fil-qasam tad-drogi sintetiċi tfisser li l-Ewropa teħtieġ iżżid il-kapaċità tagħha ta’ twissija bikrija dwar sustanzi ġodda fis-suq.

Ir-rapport juri kif azzjonijiet ikkoordinati fil-livell tal-UE jistgħu jagħmlu differenza. Billi adottaw approċċ li huwa kemm pragmatiku kif ukoll applikat, l-aġenziji jidentifikaw konklużjonijiet ewlenin u punti ta' tagħlim biex jiġu fformulati l-politiki u l-azzjonijiet tal-futur (ara MEMO/13/51 u l-istudji ta' każijiet).

Imaġnijiet tal-pulizija waqt investigazzjonijiet tat-traffikar u l-produzzjoni tad-drogi jinsabu disponibbli biex jitniżżlu minn:

http://www.emcdda.europa.eu/events/2013/drug-markets

Għal aktar tagħrif

Europol: www.europol.europa.eu

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website