Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Lejn settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

Commission Européenne - IP/13/734   24/07/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Lulju 2013

Lejn settur Ewropew tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

Biex ikollha aktar influwenza, l-Ewropa teħtieġ politika barranija u tas-sigurtà komuni li tkun b'saħħitha u attiva. Dan ifisser li jkun hemm ħtieġa ta' settur tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti. Il-mewġa wara l-oħra ta' tnaqqis fil-baġits tad-difiża u l-frammentazzjoni persistenti tas-swieq tad-difiża fl-Ewropa jheddu l-kapaċità tal-Ewropa li ssostni l-abbiltajiet tagħha b'mod effettiv fejn tidħol id-difiża kif ukoll industrija kompetittiva tad-difiża. Dan ipoġġi fil-periklu wkoll il-kapaċità tal-Ewropa li tilqa' l-isfidi ġodda marbuta mas-sigurtà b'mod effettiv u awtonomu. Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni li fiha Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-effiċjenza u l-kompetittività tas-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà. Il-Komunikazzjoni tipprevedi miżuri li jqawwu s-suq intern għad-difiża, li jippromwovu industrija tad-difiża aktar kompetittiva, u jrawmu s-sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u dik militari. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni teżamina għażliet f'oqsma oħrajn, bħalma huma l-enerġija, l-ispazju u kapaċitajiet b'użu doppju. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern biex jiddiskutu din il-Komunikazzjoni, flimkien mar-rapport mħejji mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, fil-Kunsill Ewropew f'Diċembru tal-2013 (MEMO/13/722).

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso qal: "Ma nistgħux ikollna l-influwenza fid-dinja li neħtieġu mingħajr politika tad-difiża komuni. Biex din insostnuha, jeħtieġ li nsaħħu s-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà. F'dawn iż-żminijiet ta' riżorsi skarsi, irridu nqabblu l-ambizzjonijiet, l-isforzi u r-riżorsi ma' xulxin biex nevitaw id-duplikar tal-programmi. Wasal iż-żmien li naħdmu aktar flimkien, u wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni attiva għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tad-Difiża. Hekk qed nittama li nara fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru".

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Jeżistu għadd ta' sfidi kbar għall-industrija u l-bażi industrijali tad-difiża Ewropea li qed tiġi mminata min-nuqqas ta' programmi ġodda. Jekk l-Ewropa se żżomm il-kapaċità industrijali biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta' kapaċità militari tal-ġejjieni, u b'hekk issostni Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża kredibbli, hemm bżonn li naħdmu flimkien. Jidher ċar ukoll li jekk ma jkunx hemm ftehim Ewropew sostanzjali, l-aġir dwar il-kwistjonijiet industrijali u tas-suq se jkollu biss impatt limitat. Huwa essenzjali li l-industrija tad-difiża Ewropea tibqa' ċentru dinji ewlieni għall-manifattura u l-innovazzjoni li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi għal nies bi kwalifiki għoljin. Dan hu l-għan tal-pjan li ppreżentajna llum."

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "L-Ewropa għandha bżonn Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża kredibbli biex tiggarantixxi s-sigurtà tagħha stess u biex tkun tista' taqdi r-responsabbiltajiet tagħha fid-dinja. Biex din il-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża tkun effettiva, irridu nsaħħu wkoll l-industriji u s-swieq tad-difiża tagħna. B'mod partikolari, fi żminijiet ta' restrizzjonijiet finanzjarji, dan jirrikjedi aktar kooperazzjoni u integrazzjoni biex insiru aktar effiċjenti. Id-difiża għadha qasam ta' sovranità nazzjonali, u naturalment, huma l-Istati Membri li għandhom ir-rwol ewlieni f'dan l-isforz. Iżda l-Kummissjoni jista' jkollha r-rwol li tappoġġjahom u timmobilizza l-politiki tagħha biex issaħħaħ lil dan is-settur. Din il-Komunikazzjoni dan turih biċ-ċar. Din se tagħti kontribut lill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru u tiggwida l-azzjonijiet tagħna fis-snin li ġejjin".

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / il-Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton, qalet: "L-UE għandha l-mira li ssir fornitur tas-sigurtà, kemm fil-viċinat tagħha, kif ukoll mad-dinja kollha, mhux biss biex tipproteġi l-interessi tagħha, imma wkoll biex tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, irid ikollna biex naħdmu. U biex ikollna biex naħdmu, hija essenzjali bażi industrijali soda. Dan huwa importanti wkoll għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-innovazzjoni. Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 se jkun opportunità tajba biex nitħaddtu dwar il-ġejjieni tas-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa, u l-Kummissjoni qiegħda tagħti kontribut importanti f'dak li għandu jkun sforz kollettiv li jinvolvi l-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża."

Għaliex hemm bżonn li taġixxi l-UE?

Hija ħaġa ċara li l-Istati Membri individwali m'għandhomx il-kapaċità li jiżviluppaw u jmantnu t-teknoloġiji u l-kapaċitajiet kritiċi li se jkunu meħtieġa fil-ġejjieni. Filwaqt li d-difiża u s-sigurtà jibqgħu b'mod ewlieni kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali, il-Kummissjoni temmen li hemm iżjed xi jsir biex nippromwovu l-kooperazzjoni Ewropea.

Dan huwa ta' importanza speċjali minħabba li l-kriżi preżenti qed tagħti daqqa ta' ħarta lil din l-industrija li hija ta' importanza strateġika għall-Ewropa kollha. Dan is-settur industrijali huwa wkoll wieħed minn ta' quddiem, b'introjtu ta' EUR 96 biljun fl-2012 biss, li jimpjiega madwar 400,000 ruħ u jiġġenera madwar 960,000 impjieg dirett. Ir-riċerka innovattiva tiegħu ħolqot effetti indiretti importanti f'setturi oħra bħalma huma l-elettronika, l-ispazju u l-avjazzjoni ċivili, u tipprovdi t-tkabbir u eluf ta' impjiegi ta' nies b'ħiliet għoljin.

Biex trawwem il-kooperazzjoni u ttejjeb l-effiċjenza ta' dan is-settur, il-Kummissjoni biħsiebha tieħu l-inizjattivi li ġejjin:

1. Tistabbilixxi s-suq intern tad-difiża u s-sigurtà. Abbażi taż-żewġ Direttivi li hemm dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u f'dak tat-trasferimenti relatati mad-difiża fi ħdan l-UE (IP/07/1860), il-Kummissjoni se tieħu ħsieb ukoll id-distorzjonijiet tas-suq u tikkontribwixxi fit-titjib tas-sigurtà tal-forniment bejn l-Istati Membri.

2. Tkattar il-kompetittività tal-industrija Ewropea. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżviluppa politika industrijali tad-difiża bbażata fuq żewġ linji ewlenin:

  • L-appoġġ għall-kompetittività - li jinkludi l-iżvilupp ta' "standards ibridi" għall-vantaġġ tas-swieq tas-sigurtà u tad-difiża, u studju ta' kif tista' tiġi żviluppata sistema ta' ċertifikazzjoni Ewropea tal-ajrunavigabbiltà militari.

  • L-Appoġġ għall-SMEs - li jinkludi l-iżvilupp ta' Sħubija Ewropea ta' Raggruppament Strateġiku li tkun tipprovdi kuntatti ma' raggruppamenti oħrajn u tappoġġja lill-SMEs li għandhom x'jaqsmu mad-difiża fil-qasam tal-kompetizzjoni dinjija.

3. Tutilizza s-sinerġiji ċivili u militari Tutilizza s-sinerġiji ċivili u militari kemm jista' jkun biex tiżgura l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi taċ-ċittadini Ewropej. B’mod partikolari, billi:

  • tqiegħed l-isforzi tagħha kollha fuq il-possibbiltajiet ta' għaqda bejn ir-riċerka ċivili u dik militari u fuq l-użu doppju tal-ispazju;

  • tgħin lill-forzi armati biex inaqqsu l-konsum tagħhom ta' enerġija

4. Tesplora mogħdijiet ġodda. Tmexxi 'l quddiem id-dibattitu strateġiku fl-Ewropa, u tħejji t-triq għal kooperazzjoni aktar impenjata. B’mod partikolari, billi:

  • Tistudja l-possibbiltà li jkun hemm kapaċitajiet b'użu doppju tal-UE li jkunu jistgħu, f'ċerti oqsma tas-sigurtà, jissupplimentaw il-kapaċitajiet nazzjonali u jkunu multiplikaturi tal-forzi effettivi u kosteffiċjenti;

  • Tipproponi l-modi ta' kif tista' tiġi appoġġjata r-riċerka marbuta mal-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża f'dawk l-oqsma fejn huma l-iżjed meħtieġa l-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE.

Il-kuntest - Min se jgawdi, u b'liema mod?

L-Istati Membri se jiffrankaw il-ħin u l-flus permezz tal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni Ewropej, permezz tar-raggruppamenti ta' appoġġ; l-ispeċjalizzazzjoni tar-rwoli; ir-riċerka u l-akkwisti pubbliċi konġunti; armati li jkunu jużaw l-enerġija b'modi aktar effiċjenti, u l-użu effiċjenti tal-infrastrutturi spazjali.

Il-kumpaniji Ewropej li għandhom x'jaqsmu mad-difiża, inklużi l-SMEs jiggwadanjaw permezz ta': Aċċess imtejjeb għal swieq oħra, kemm fl-UE kif ukoll barra; ekonomiji tal-iskala permezz ta' aktar standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni, u aċċess aħjar għall-finanzjament tal-UE.

Iċ-ċittadini Ewropej se jkunu jgawdu permezz ta': Infiq fuq id-difiża li jkun aktar effiċjenti; inqas duplikazzjoni fl-isforzi ta' riċerka u l-iżvilupp bejn iċ-ċivil u l-militar; użu aktar effiċjenti tal-infrastrutturi spazjali, u l-ambjent se jiggwadanja minn tnaqqis fl-impronta tal-enerġijatal-forzi armati Ewropej.

Il-Komunikazzjoni se tkun il-kontribut tal-Kummissjoni għad-dibattitu li jmiss tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża f'Diċembru 2013, b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2012. F'Ottubru 2012, il-Kummissjoni kienet ħabbret li kienet se tħejji Strateġija għas-settur tad-difiża Ewropew. It-Task Force tad-Difiża tal-Kummissjoni, li ġie stabbilit fl-2011, qed jieħu sehem ewlieni f'dan il-proċess, u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huma marbutin mill-qrib mal-ħidma tat-Task Force.

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni

L-industrija tad-difiża - Naħdmu flimkien biex Insostnu d-Difiża tal-Ewropa

L-Akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża

Is-suq intern tal-UE tad-difiża qiegħed jinfetaħ bil-mod

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site