Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Lulju 2013

Riforma tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: għajnuna aktar malajr u aktar sempliċi lill-vittmi ta' diżastri

Il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn illum ippreżenta proposta ta' riforma għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. Il-pjanijiet, adottati llum mill-Kummissjoni Ewropea, se jġibu l-Fond aktar reattiv u aktar faċli biex jintuża, bi kriterji aktar ċari dwar min jista’ jibbenefika minnu.

Minn mindu nħoloq fl-2002, il-Fond ta’ Solidarjetà ntuża fil-każ ta' 52 diżastru madwar l-Ewropa inkluż f'każijiet ta' terremoti, nirien fil-foresti, tempesti u għargħar. Tlieta u għoxrin pajjiż ingħataw għajnuna ta' aktar minn EUR 3.2 biljun. Jekk il-proposti tal-lum jiġu approvati mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE, pajjiżi u reġjuni milquta minn diżastri jistgħu jistennew titjib sinifikanti fil-mod kif jaħdem il-Fond ta’ solidarjetà.

Il-Kummissarju Hahn ikkummenta: “Iridu nkunu lesti li nirreaġixxu aktar bil-ħeffa biex ngħinu lil pajjiżi fir-rikostruzzjoni u biex dawn jirkupraw mid-diżastri. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija espressjoni ċara ta’ solidarjetà biex tingħata għajnuna lil reġjuni jew pajjiżi tal-Ewropa meta dawn ikunu l-aktar fil-bżonn. Bil-bidliet li qbilna dwarhom il-Fond ta’ Solidarjetà se jsir aktar veloċi, aktar ċar u aktar faċli biex jintuża. Barra minn hekk, se jkun qed iħeġġeġ lill-pajjiżi biex, qabel xejn, iżidu l-isforzi tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri. Nixtieq issa nħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex japprovaw dawn il-pjanijiet u ma jdumux ma joħolqu Fond ta’ Solidarjetà li jaħdem b'mod aktar effiċjenti u effettiv.”

Il-proposta leġiżlattiva l-ġdida tissimplifika r-regoli eżistenti sabiex l-għajnuna tkun tista’ titħallas iktar malajr milli hu l-każ bħalissa. Il-pjanijiet jintroduċu wkoll il-possibbiltà għall-ewwel darba ta’ pagamenti bil-quddiem. Jistabbilixxu b’mod aktar ċar min ikun eliġibbli, u għal xiex, b'mod partikolari fil-każ ta' diżastri reġjonali. Barra minn dan, ir-riforma tħeġġeġ lill-Istati Membri biex il-prevenzjoni tad-diżastri u l-istrateġiji ta’ mmaniġġar tar-riskju jieħdu post ogħla fuq l-aġenda. Il-prinċipji tal-Fond jibqgħu l-istess, bħall-mod kif jiġi ffinanzjat, barra mill-baġit normali tal-UE.

Riformi ewlenin:

  • Li jiġi ċċarat l-ambitu li fih għandu jintuża tal-Fond ta’ Solidarjetà, li jillimitah għad-diżastri naturali u li jiġi estiż għal każijiet ta’ nixfa.

  • Ikun hemm regoli aktar ċari dwar l-eliġibbiltà fil-każ ta' diżastri reġjonali, billi jiddaħħal limitu uniku għad-danni biex tingħata l-għajnuna - 1.5 % tal-prodott domestiku gross reġjonali

  • Il-possibbiltà għall-ewwel darba ta’ pagamenti bil-quddiem: 10 % ta’ kontribut antiċipat, ta' mhux aktar minn EUR 30 miljun

  • Proċedura amministrattiva iqsar billi jingħaqdu ż-żewġ stadji ta’ approvazzjoni u implimentazzjoni fi ftehim wieħed

  • L-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-istrateġiji ta’ prevenzjoni ta' riskju ta’ diżastri: obbligi ta' rappurtar u kundizzjonijiet possibbli għal għajnuna.

Kuntest

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) twaqqaf sabiex jingħata sostenn lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni billi jiġi offrut appoġġ finanzjarju wara diżastri naturali kbar. Il-Fond inħoloq wara l-għargħar qawwi fl-Ewropa Ċentrali fis-Sajf tal-2002. Lista tal-għotjiet kollha tal-FSUE

Fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Fond hija limitata għall-finanzjament ta' operazzjonijiet ta’ emerġenza mmexxija mill-awtoritajiet pubbliċi. Id-dannu mġarrab minn individwi privati jew it-telf ta’ dħul ma jistgħux jiġu koperti mill-Fond.

Fis-6 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat Kommunikazzjoni dwar il-Futur tal-Fond ta' Solidarjetà. Ir-Regolament ta’ emenda għall-Fond ta’ Solidarjetà Ewropew kien ippreżentat mill-Kummissjoni llum (il-25 ta’ Lulju.) Issa se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Aktar informazzjoni

MEMO/13/723

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE

Twitter @EU_Regional @JHahnEU

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65) Mob (+32 4607 66565)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10) Mob (+32 4607 93310)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site