Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport annwali jenfasizza l-bżonn għal miżuri qawwija biex iħarsu l-baġit tal-UE

European Commission - IP/13/731   24/07/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Lulju 2013

Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport annwali jenfasizza l-bżonn għal miżuri qawwija biex iħarsu l-baġit tal-UE

Il-frodi li taffettwa l-baġit tal-UE żdiedet kemm kemm fl-2012 meta mqabbla mal-2011, skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar “Il-Ħarsien tal-Interessi Finanzjarji tal-UE”. mil-lat tal-infiq, b’kollox, EUR 315 miljun f’fondi tal-UE kienu affettwati minn frodi, jew 0.25 % tan-nefqa tal-baġit. Dan jitqabbel ma’ EUR 295 miljun fis-sena ta’ qabel. Ir-raġuni għal din iż-żieda tinvolvi kważi kompletament żewġ każijiet ta’ frodi f’fondi ta’ qabel l-adeżjoni, li jinvolvu somom kbar. Fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit, frodi suspettata jew ikkonfermata tammonta għal EUR 77,6 miljun, li jirrappreżentaw 0.42 % tat-total tar-riżorsi proprji tradizzjonali miġbura għall-2012. Dan jitqabbel ma’ EUR 109 miljun fis-sena ta’ qabel.

Il-Kummissjoni wettqet numru ta’ inizjattivi importanti fl-2012 biex tintensifika il-ġlieda kontra l-frodi. Barra mill-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida kontra l-frodi (IP/13/530), kien hemm progress leġiżlattiv sinifikanti matul l-aħħar sena, inkluż:

  • Proposta biex jiġi stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.(IP/13/709). Din l-istituzzjoni l-ġdida se ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ prattiki kriminali li jaffettwaw il-baġit tal-UE.

  • Ir-Regolament il-ġdid tal-OLAF, li se joħloq uffiċċju ta’ kontra l-frodi tal-UE aktar bsaħħtu (MEMO/13/651);

  • Komunikazzjoni dwar kif nistgħu ntejbu aktar l-awtorità tal-OLAF, li tibni fuq ir-riforma mifthema tal-Uffiċċju u b’kunsiderazzjoni tal-proposta tal-EPPO (IP/13/709)

  • Il-proposta dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali.(IP/12/767). Permezz tal-armonizzazzjoni ta' definizzjonijiet ta’ reati kontra l-baġit, u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet minimi li għandhom jiġu applikati għal dawn ir-reati, dan jista’ wkoll jgħin ħafna biex jipproteġi l-fondi u biex ikunu skoraġġiti l-frodisti madwar l-Unjoni;

Ir-rapport tal-lum jagħti ħarsa wkoll lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fl-2012 biex jipproteġu u jiddefendu l-baġit tal-UE, u jirrikonoxxi ħidma tajba f’ċerti oqsma. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu armonizzati iktar u jissaħħu l-approċċi tal-Istati Membri, biex jiżguraw li l-frodi hija miġġielda b’mod ekwivalenti madwar l-UE. Isiru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex itejbu l-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi, qal: “Il-Kummissjoni qed iġġib il-ġlieda kontra l-frodi tal-UE fuq livell ġdid. Proposti li pproponejna tul is-sena preċedenti — mhux l-inqas li għal Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew — jistgħu jkunu daqqa ta’ ħarta kbira għal persuni frodulenti madwar l-Ewropa. Issa l-Istati Membri wkoll, jeħtieġ li juru l-impenn tagħhom għall-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE. Inħeġġiġhom jintensifikaw l-azzjoni tagħhom lokalment u jappoġġjaw miżuri ġodda fil-livell tal-UE. Kull ċenteżmu li jinġabar lura minn dawk li jwettqu l-frodi huwa flus li jistgħu jintefqu għall-ġid tal-pubbliku.”

Sfond

Skont l-Artikolu 325 tat-TFUE, il-Kummissjoni tipproduċi r-Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE biex tirrapporta fuq miżuri li jkunu ttieħdu biex jikkumbattu l-frodi li għandha impatt fuq il-fondi tal-UE. Billi jagħti informazzjoni dwar il-livell ta' frodi suspettata u kkonfermata li jirrappurtaw l-Istati Membri tul il-baġit kollu tal-UE (jiġifieri kemm id-dħul kif ukoll l-infiq), ir-rapport jgħin ukoll biex jiġi evalwat liema oqsma huma l-aktar f'riskju, u jgħin biex l-azzjoni tiġi ffukata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali.

Barra mid-dejta dwar il-frodi rrappurtati u l-irregolaritajiet, l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji u l-livelli ta’ rrappurtar fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħżlu wkoll qasam kull sena għal analiżi fil-fond. Din is-sena, dak il-qasam huwa l-agrikoltura. Hija tinnota titjib fil-kontroll finanzjarju u fis-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju, (pereżempju d-dispożizzjonijiet legali u l-linji gwida, il-proċeduri amministrattivi u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali) f'dan il-qasam. Madankollu, it-tweġibiet tal-Istati Membri jikkonfermaw dgħufija diġà enfasizzata fil-passat, jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-monitoraġġ tar-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali.

Għal aktar tagħrif:

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Ir-rapport huwa disponibbli hawn:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/about-us/reports/communities-reports/index_en.htm

MEMO/13/720

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website